EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0840

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/840 tal-5 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495 (notifikata bid-dokument C(2018) 3362)

C/2018/3362

OJ L 141, 7.6.2018, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 05/08/2020; Imħassar b' 32020D1161 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/840/oj

7.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/9


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/840

tal-5 ta' Ġunju 2018

li tistabbilixxi lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495

(notifikata bid-dokument C(2018) 3362)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards ta' kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu Article8b(5) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE jistipula l-istabbiliment ta' lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għalihom għandha tinġabar dejta tal-monitoraġġ mill-Unjoni kollha bil-għan li jiġu appoġġati l-eżerċizzji ta' prijoritizzazzjoni tal-futur skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-ewwel lista ta' sorveljanza bħal din kienet tinkludi indikazzjoni tal-matriċijiet ta' monitoraġġ, u metodi possibbli tal-analiżi li ma jinvolvux spejjeż żejda, għal kull sustanza.

(2)

L-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE jispeċifika, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-monitoraġġ tas-sustanzi inklużi fil-lista ta' sorveljanza u għar-rappurtar tar-riżultati tal-monitoraġġ mill-Istati Membri.

(3)

Is-sustanzi fil-lista ta' sorveljanza jridu jintgħażlu minn fost dawk li għalihom l-informazzjoni disponibbli tindika li jistgħu joħolqu riskju sinifikanti, fil-livell tal-Unjoni, għall-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu, iżda li għalihom id-dejta tal-monitoraġġ disponibbli mhix biżżejjed biex issir konklużjoni dwar ir-riskju proprja maħluq. Jenħtieġ li s-sustanzi ta' tossiċità kbira li jużaw ħafna Stati Membri u li jintremew fl-ambjent akkwatiku, iżda li rari jew qatt ma jsirilhom monitoraġġ, jiġu kkunsidrati biex jitniżżlu fil-lista ta' sorveljanza. Dak il-proċess tal-għażla jenħtieġ iqis l-informazzjoni elenkata fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari s-sustanzi niġġiesa emerġenti.

(4)

Il-monitoraġġ tas-sustanzi mniżżla fil-lista ta' sorveljanza jenħtieġ jiġġenera dejta ta' kwalità kbira dwar il-konċentrazzjonijiet tagħhom fl-ambjent akkwatiku, li tkun tajba biex, waqt eżerċizzju separat ta' rieżami skont l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2000/60/KE, tappoġġa l-valutazzjonijiet tar-riskju li fuqhom tistrieħ l-identifikazzjoni tas-sustanzi ta' prijorità. F'dak ir-rieżami, jenħtieġ li s-sustanzi misjuba li joħolqu riskju sinifikanti jiġu kkunsidrati biex jitniżżlu fil-lista ta' sustanzi ta' prijorità. Imbagħad jiġi stabbilit ukoll standard tal-kwalità ambjentali li l-Istati Membri jridu jilħqu. Biex sustanza tiġi proposta ħalli titniżżel fil-lista ta' sustanzi ta' prijorità trid issirilha valutazzjoni tal-impatt.

(5)

L-ewwel lista ta' sorveljanza ta' sustanzi ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Deċiżjoni (UE) 2015/495 (3) u kienet tinkludi għaxar sustanzi jew gruppi ta' sustanzi, flimkien ma' indikazzjoni tal-matriċi ta' monitoraġġ, metodi possibbli tal-analiżi li ma jinvolvux spejjeż żejda, u limiti aċċettabbli massimi tad-detezzjoni tal-metodu.

(6)

Skont l-Artikolu 8b(2) tad-Direttiva 2008/105/KE, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-lista ta' sorveljanza kull sentejn. Meta tkun qed taġġorna l-lista, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sustanzi li għalihom tista' tiġi konkluża valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE mingħajr il-bżonn ta' dejta addizzjonali tal-monitoraġġ.

(7)

Tul l-2017, il-Kummissjoni analizzat id-dejta mill-ewwel sena tal-monitoraġġ tas-sustanzi fl-ewwel lista ta' sorveljanza. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed dejta tal-monitoraġġ ta' kwalità kbira disponibbli għas-sustanzi tri-allat, ossadiażon, 2,6-ditert-butil-4-metilfenol u diklofenak, u li għaldaqstant dawn is-sustanzi jenħtieġ jitneħħew mil-lista ta' sorveljanza.

(8)

Kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/495, jixraq isir monitoraġġ tas-sustanza 2-etileżil-4-metossiċinnamat fis-sediment. Madankollu ħafna mid-dejta tal-monitoraġġ miġbura hija għall-ilma, filwaqt li l-ammont limitat ta' dejta dwar is-sediment li ġiet irrappurtata mhuwiex biżżejjed biex issir analiżi konklużiva għal dik il-matriċi tal-monitoraġġ. Biex ikun żgurat li d-dejta tal-monitoraġġ miġbura għal dik is-sustanza tirrifletti għalkollox ir-riskju li toħloq, il-Kummissjoni se tkompli tistħarreġ jekk l-Istati Membri jistgħux jimmonitorjawha fis-sediment b'mod affidabbli u komparabbli. Sadattant, dik is-sustanza jenħtieġ titneħħa mil-lista ta' sorveljanza.

(9)

Għall-antibijotiku makrolidu l-ażitromiċina u għal tnejn min-neonikotinojdi, jiġifieri l-imidakloprid u t-tijametossam, għad hemm bżonn dejta tal-monitoraġġ ta' kwalità kbira addizzjonali biex tappoġġa l-valutazzjoni mmirata bbażata fuq ir-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE. Għaldaqstant dawk is-sustanzi jenħtieġ jinżammu fil-lista ta' sorveljanza. L-antibijotiċi makrolidi u n-neonikotinojdi ġew inklużi bħala gruppi fl-ewwel lista ta' sorveljanza biex jitqies il-fatt li sustanzi bl-istess mod ta' azzjoni jista' jkollhom effetti addittivi. Dan l-argument jiġġustifika li jinżammu żewġ gruppi fil-lista ta' sorveljanza, minkejja l-fatt li hemm biżżejjed dejta tal-monitoraġġ ta' kwalità kbira disponibbli għal uħud mis-sustanzi individwali f'dawn il-gruppi (l-antibijotiċi makrolidi l-klaritromiċina u l-eritromiċina, u n-neonikotinojdi l-aċetamiprid, il-klotijanidin u t-tijakloprid).

(10)

Tul l-2017, il-Kummissjoni ġabret ukoll dejta dwar firxa ta' sustanzi oħrajn li jistgħu jitniżżlu fil-lista ta' sorveljanza. Din qieset it-tipi differenti ta' informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, u kkonsultat lil esperti mill-Istati Membri u lil gruppi tal-partijiet ikkonċernati. Meta jkun hemm dubju dwar it-tossiċità tas-sustanzi jew meta s-sensittività, l-affidabbiltà jew il-komparabbiltà tal-metodi tal-monitoraġġ disponibbli għas-sustanzi ma jkunux adegwati, jenħtieġ li dawn is-sustanzi ma jitniżżlux fil-lista ta' sorveljanza. L-insettiċida l-metaflumiżon, u l-antibijotiċi l-amoksiċillina u ċ-ċiprofloksaċina, ġew identifikati bħala kandidati xierqa. L-inklużjoni tal-amoksiċillina u taċ-ċiprofloksaċina hi konsistenti mal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR) (4), li jappoġġa l-użu tal-lista ta' sorveljanza biex “jitjieb l-għarfien dwar l-okkorrenza u t-tixrid tal-antimikrobiċi fl-ambjent”.

(11)

B'konformità mal-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, il-Kummissjoni identifikat xi metodi possibbli tal-analiżi għas-sustanzi proposti. Għal kull sustanza, jenħtieġ li l-limitu tad-detezzjoni tal-metodu jkun baxx mill-inqas daqs il-konċentrazzjoni mingħajr effett prevista u speċifika għas-sustanza fil-matriċi rilevanti.

(12)

Waqt ir-rieżami tal-ewwel lista ta' sorveljanza, il-Kummissjoni identifikat informazzjoni ekotossikoloġika ġdida għall-antibijotiċi makrolidi l-klaritromiċina u l-ażitromiċina, għall-metjokarb, għan-neonikotinojdi l-imidakloprid, it-tijakloprid u t-tijametossam, li wasslitha biex tirrevedi l-konċentrazzjonijiet mingħajr effett previsti għal dawk is-sustanzi. Jenħtieġ li l-limiti massimi aċċettabbli tad-detezzjoni tal-metodu li huma stabbiliti fil-lista ta' sorveljanza għal dawk is-sustanzi u l-gruppi ta' sustanzi jiġu aġġornati skont dan.

(13)

Il-metodi analitiċi indikati fil-lista ta' sorveljanza ma jitqisux li jinvolvu spejjeż żejda. Jekk fil-futur ikun hemm xi informazzjoni ġdida li twassal biex tonqos il-konċentrazzjoni mingħajr effett prevista għal sustanzi speċifiċi, il-limitu massimu aċċettabbli tad-detezzjoni tal-metodu jaf ikollu jitnaqqas sakemm dawk is-sustanzi jibqgħu fil-lista.

(14)

Għal raġunijiet ta' komparabbiltà, jenħtieġ isir monitoraġġ tas-sustanzi kollha fil-kampjuni sħaħ tal-ilma.

(15)

Jenħtieġ li titħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/495.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2000/60/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE hi stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/495 hi mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84

(2)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495 tal-20 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 78, 24.3.2015, p. 40).

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Pjan ta' Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR), COM(2017) 339 final.


ANNESS

Lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha kif stabbilit fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE

Isem is-sustanza/isem il-grupp ta' sustanzi

Numru tal-CAS (1)

Numru tal-UE (2)

Metodu analitiku indikattiv (3)  (4)

Limitu massimu aċċettabbli tad-detezzjoni tal-metodu (ng/l)

17-Alfa-etinilestradjol (EE2)

57-63-6

200-342-2

SPE ta' volum kbir – LC-MS-MS

0,035

17-Beta-estradjol (E2), Estron (E1)

50-28-2,

53-16-7

200-023-8

SPE – LC-MS-MS

0,4

L-antibijotiċi makrolidi (5)

 

 

SPE – LC-MS-MS

19

Il-metijokarb

2032-65-7

217-991-2

SPE – LC-MS-MS

jew GC-MS

2

In-neonikotinojdi (6)

 

 

SPE – LC-MS-MS

8,3

Il-metaflumiżon

139968-49-3

604-167-6

LLE – LC-MS-MS jew SPE – LC-MS-MS

65

L-amoksiċillina

26787-78-0

248-003-8

SPE – LC-MS-MS

78

Iċ-ċiprofloksaċina

85721-33-1

617-751-0

SPE – LC-MS-MS

89


(1)  Is-Servizz tal-Astratti tal-Kimiċi

(2)  In-numru tal-Unjoni Ewropea – mhux disponibbli għas-sustanzi kollha

(3)  Biex tkun żgurata l-komparabbiltà tar-riżultati minn Stati Membri differenti, is-sustanzi kollha għandhom jiġu mmonitorjati f'kampjuni sħaħ tal-ilma.

(4)  Il-metodi tal-estrazzjoni:

LLE— estrazzjoni b'ripartizzjoni likwidu-likwidu

SPE— estrazzjoni f'fażi solida

Il-metodi analitiċi:

GC-MS— Spettrometrija tal-massa bi kromatografija gassuża

LC-MS-MS— Spettrometrija tal-massa bi kwadrupol triplu bi kromatografija likwida (tandem)

(5)  L-eritromiċina (in-numru tal-CAS 114-07-8, in-numru tal-UE 204-040-1), il-klaritromiċina (in-numru tal-CAS 81103-11-9), l-ażitromiċina (in-numru tal-CAS 83905-01-5, in-numru tal-UE 617-500-5)

(6)  L-imidakloprid (in-numru tal-CAS 105827-78-9/138261-41-3, in-numru tal-UE 428-040-8), it-tijakloprid (in-numru tal-CAS 111988-49-9), it-tijametossam (in-numru tal-CAS 153719-23-4, in-numru tal-UE 428-650-4), il-klotijanidin (in-numru tal-CAS 210880-92-5, in-numru tal-UE 433-460-1), l-aċetamiprid (in-numru tal-CAS 135410-20-7/160430-64-8)


Top