Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018A0420(01)

Opinjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2018 dwar il-pjan ta’ modifika għar-rimi tal-iskart radjuattiv li joriġina mill-Faċilità tal-Ħżin Temporanju permezz ta’ Kaxxa Awtoprotetta f’Sellafield, fir-Renju Unit

C/2018/2193

ĠU C 139, 20.4.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ April 2018

dwar il-pjan ta’ modifika għar-rimi tal-iskart radjuattiv li joriġina mill-Faċilità tal-Ħżin Temporanju permezz ta’ Kaxxa Awtoprotetta f’Sellafield, fir-Renju Unit

(il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(2018/C 139/01)

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni addizzjonali li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fil-5 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet Dejta Ġenerali mingħand il-Gvern tar-Renju Unit, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li joriġina mill-Faċilità tal-Ħżin Temporanju permezz ta’ Kaxxa Awtoprotetta f’Sellafield.

Abbażi ta’ din id-dejta u tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Novembru 2017 u li ngħatat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fil-15 ta’ Jannar 2018, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza mis-sit għall-eqreb fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Irlanda, hija ta’ 180 km.

2.

Fil-kundizzjonijiet operazzjonali normali, l-iskariku ta’ effluwenti gassużi radjuattivi mhux qed jitqies li jista’ jikkawża l-esponiment sinifikanti tal-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor mil-lat tas-saħħa, fir-rigward tal-limiti tad-doża stabbiliti fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (3). Fil-kundizzjonijiet operazzjonali normali, il-faċilità ma tirrilaxxax effluwenti likwidi radjuattivi.

3.

L-iskart radjuattiv solidu sekondarju se jiġi ttrasferit lejn il-faċilitajiet ta’ trattament u kundizzjonament fuq il-post. L-iskart kundizzjonat ta’ livell baxx se jintbagħat lejn il-faċilità liċenzjata tar-rimi ta’ Drigg, li tinsab fil-viċin.

4.

F’każ li jkun hemm rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x’aktarx jilħqu lill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mil-lat tas-saħħa, fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li joriġina mill-Faċilità tal-Ħżin Temporanju permezz ta’ Kaxxa Awtoprotetta f’Sellafield, fir-Renju Unit, kemm waqt l-operat normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x’aktarx li ma tirriżultax f’kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ April 2018.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali jenħtieġ li jiġu vvalutati aktar. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni lejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; lejn id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll lejn id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u lejn id-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.

(2)  Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzantiu li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).


Top