Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2200

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2200 tat-28 ta' Novembru 2017 li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta' ċerti ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna

C/2017/7829

OJ L 313, 29.11.2017, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2200/oj

29.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2200

tat-28 ta' Novembru 2017

li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta' ċerti ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punti (a) u (c) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/1566 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi arranġamenti preferenzjali għad-dazji doganali marbuta mal-importazzjoni ta' ċerti oġġetti li joriġinaw mill-Ukrajna. Il-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Anness II ta' dak ir-Regolament għandhom ikunu amministrati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Huma għandhom japplikaw għal tliet snin mill-1 ta' Jannar 2018.

(2)

Biex jiġi żgurat li importazzjonijiet ta' ċerti ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna li huma koperti bil-kwoti tariffarji huma skont l-ordni u mhux spekulattivi, jixraq li jkun previst li dawn l-importazzjonijiet jiġu amministrati permezz tal-użu ta' liċenzji tal-importazzjoni. Għal dan l-għan, jenħtieġ li japplikaw ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3), (KE) Nru 1342/2003 (4) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 (5), għajr fil-każijiet fejn hemm id-derogi stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni korretta ta' dawn il-kwoti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti d-dati ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-applikazzjonijiet u fil-liċenzji.

(4)

Biex l-amministrazzjoni tkun effiċjenti, jenħtieġ li meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jużaw is-sistemi ta' informazzjoni previsti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (6) u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (7).

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ftuħ u l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji

1.   Il-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Ukrajna, msemmija fl-Anness, għandhom jinfetħu fuq bażi annwali mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020.

2.   Id-dazji fuq l-importazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu imposti bir-rata ta' EUR 0 għal kull tunnellata.

3.   Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1342/2003, (KE) Nru 1301/2006 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1239, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-regoli għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijet għal-liċenzji tal-importazzjoni u għall-ħruġ ta' liċenzji tal-importazzjoni

1.   B'deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikanti ma jistgħux jissottomettu aktar minn applikazzjoni waħda għal liċenzja tal-importazzjoni għal kull numru tal-ordni u dan darba kull ġimgħa. Meta l-applikanti jippreżentaw aktar minn applikazzjoni waħda, ebda waħda minn dawn l-applikazzjonijiet ma għandha tkun aċċettabbli u l-garanziji li kienu saru meta ġew sottomessi l-applikazzjonijiet għandhom jingħataw lill-Istat Membru kkonċernat.

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kull ġimgħa l-aktar tard nhar ta' Ġimgħa fis-13.00 (ħin ta' Brussell).

2.   Kull applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni għandha tindika b'numri sħaħ, il-kwantità f'kilogrammi, li ma tistax taqbeż il-kwantità totali tal-kwota kkonċernata.

3.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jinħarġu fir-raba' jum tax-xogħol wara d-data ta' skadenza għan-notifika msemmija fl-Artikolu 4(1).

4.   It-taqsima 8 tal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni u tal-liċenzja tal-importazzjoni għandha turi l-isem “L-Ukrajna” u salib fil-kaxxa “Iva”. Il-liċenzji huma validi biss għall-prodotti li joriġinaw mill-Ukrajna.

Artikolu 3

Il-validità tal-liċenzji tal-importazzjoni

Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi mill-perjodu li jiskorri mill-jum tal-ħruġ attwali, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1239, sa tmiem it-tieni xahar ta' wara x-xahar inkwistjoni.

Artikolu 4

In-notifiki

1.   Sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn fis-18.00 (ħin ta' Brussell) fil-ġimgħa ta' wara li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtu b'mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni, kull applikazzjoni skont in-numru tal-ordni, bl-oriġini tal-prodott u l-kwantità mitluba skont il-kodiċi tan-NM, inklużi n-notifiki “nulli”. Din in-notifika għandha ssir skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 u skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1185.

2.   Fil-jum tal-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw b'mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-liċenzji maħruġa skont l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, bil-kwantitajiet totali skont il-kodiċi tan-NM li għalihom ikunu nħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/1566 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali disponibbli taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (ĠU L 254, 30.9.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2003 tat-28 ta' Lulju 2003 li jistabbilixxi regoli speċjali u dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ċereali u ross (ĠU L 189, 29.7.2003, p. 12).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 tat-18 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 44).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta' April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta' informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta' April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


ANNESS

Minkejja r-regoli ta' interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kliem li ntuża għad-deskrizzjoni tal-prodotti għandu jitqies bħala kliem ta' valur indikattiv biss, billi l-ambitu tal-iskema preferenzjali jiġi deċiż, fil-kuntest ta' dan l-Anness, permezz tal-kodiċijiet tan-NM kif jeżistu fl-1 ta' Jannar 2017. Meta jkun hemm “ex” quddem il-kodiċi tan-NM, l-applikazzjoni tal-arranġamenti preferenzjali tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-kodiċi tan-NM u tad-deskrizzjoni tal-prodott.

Nru tal-Ordni

Prodott

Kodiċi NM

Kwantità f'tunnellati

09.4277

Spelt, qamħ komuni u meslin, ħlief żerriegħa

1001 99 00

65 000

Dqiq tal-qamħ komuni u dqiq tal-ispelt,

1101 00 15

Dqiq tal-meslin

1101 00 90

Dqiq taċ-ċereali ħlief il-qamħ, il-meslin, is-segala, il-qamħirrum, il-barli, il-ħafur, ir-ross

1102 90 90

Groats u pasta tal-qamħ komuni u tal-ispelt

1103 11 90

Gerbub tal-qamħ

1103 20 60

09.4278

Qamħirrun ħlief żerriegħa

1005 90 00

625 000

Dqiq tal-qamħirrum

1102 20

Groats u pasta tal-qamħirrun

1103 13

Gerbub tal-qamħirrum

1103 20 40

Ħbub maħdumin tal-qamħirrum

1104 23

09.4279

Barli ħlief żerriegħa

1003 90 00

325 000

Dqiq tal-barli

1102 90 10

Gerbub tal-barli

ex 1103 20 25


Top