EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1981

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1981 tal-31 ta' Ottubru 2017 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-temperatura matul it-trasportazzjoni tal-laħam (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/7228

OJ L 285, 1.11.2017, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1981/oj

1.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1981

tal-31 ta' Ottubru 2017

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-temperatura matul it-trasportazzjoni tal-laħam

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(1)(d) u (e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi fin-negozju tal-ikel. Dak ir-Regolament fih previst li l-operaturi fin-negozju tal-ikel iridu jiżguraw konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tat-temperatura qabel u matul it-trasportazzjoni tal-laħam.

(2)

F'konformità mal-Anness III ta' dak ir-Regolament, il-laħam, minbarra l-ġewwieni, tal-ungulati domestiċi jrid jitkessaħ immedjatament wara l-ispezzjoni post-mortem għal temperatura tal-qalba ta' mhux iktar minn 7 °C fuq firxa tat-tkessiħ li tiżgura tnaqqis kontinwu tat-temperatura, sakemm dispożizzjonijiet speċifiċi oħrajn ma jipprovdux mod ieħor. Dan irid isir fil-kmamar tat-tkessiħ tal-biċċerija, qabel ma tkun tista' tibda t-trasportazzjoni.

(3)

Fis-6 ta' Marzu 2014, il-Panel Xjentifiku dwar il-perikli bijoloġiċi tal-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta l-Parti 1 ta' opinjoni xjentifika (2) dwar ir-riskji tas-saħħa pubblika relatati mal-manutenzjoni tal-katina tal-kesħa matul il-ħażna u t-trasportazzjoni tal-laħam, li jikkonċerna l-laħam tal-ungulati domestiċi biss. Dik l-opinjoni tikkonkludi li ladarba ħafna mill-kontaminazzjoni batterjali tokkorri fuq il-wiċċ tal-karkassi, it-temperatura tal-wiċċ hija indikatur xieraq tal-iżvilupp tal-batterji. Fiha previst ukoll kombinazzjonijiet tat-temperaturi massimi tal-wiċċ mat-tagħbija tal-karkassi u fil-ħinijiet massimi tat-tkessiħ u tat-trasportazzjoni, li jirriżultaw fl-iżvilupp ta' patoġeni (mikro-organiżmi li jikkawżaw mard li jinġarr mill-ikel) ekwivalenti għal dak miksub meta l-karkassi jitkessħu għal temperatura tal-qalba ta' 7 °C fil-biċċerija jew inqas minnu.

(4)

Fit-8 ta' Ġunju 2016, l-EFSA adottat opinjoni xjentifika ulterjuri dwar l-iżvilupp (3) tal-batterji tat-tħassir matul il-ħażna u t-trasportazzjoni tal-laħam. Dik l-opinjoni sabet li xi batterji tat-tħassir (batterji li mhux neċessarjament imarrdu, iżda jistgħu jrendu l-ikel inaċċetabbli għall-konsum mill-bniedem minħabba t-tħassir), b'mod partikolari Pseudomonas spp., jistgħu jilħqu livelli kritiċi iktar malajr mill-patoġeni, skont il-livell tal-kontaminazzjoni inizjali tal-batterji tat-tħassir, kif ukoll skont il-kundizzjonijiet tat-temperatura.

(5)

L-għadd tal-kolonji aerobiċi jrid jgħaddi minn valutazzjoni ta' rutina mill-operaturi fin-negozju tal-ikel f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (4). Jista' jintuża bħala indikatur tal-limitu superjuri tal-konċentrazzjoni ta' kwalunkwe speċi ta' batterji tat-tħassir preżenti fuq il-laħam.

(6)

Abbażi tal-opinjoni tal-EFSA u b'konsiderazzjoni tal-għodod ta' valutazzjoni disponibbli, huwa għalhekk possibbli li jiġu introdotti approċċi alternattivi, iktar flessibbli għall-kundizzjonijiet tat-temperatura matul it-trasportazzjoni tal-laħam frisk, b'mod partikolari karkassi jew qatgħat ikbar mingħajr kwalunkwe żieda ta' riskju għas-saħħa pubblika, u mingħajr devjazzjoni mill-prinċipju bażiku li tali laħam għandu jitkessaħ għal 7 °C permezz ta' tnaqqis kontinwu tat-temperatura. Din iż-żieda fil-flessibbiltà tkun qed tagħmilha possibbli li l-laħam jasal għand il-konsumatur iktar malajr wara t-tbiċċir, u b'hekk tiffaċilita l-flussi kummerċjali tal-laħam frisk fl-Unjoni.

(7)

Filwaqt li l-approċċi alternattivi huma bbażati fuq it-temperaturi tal-arja fil-wiċċ u tat-trasportazzjoni, it-tnaqqis kontinwu tat-temperatura kif diġà huwa mandatorju mid-dispożizzjonijiet attwali jirrikjedi li parti mit-temperatura tal-ġisem għandha titneħħa wkoll qabel trasportazzjoni fit-tul. L-issettjar tat-temperatura tal-qalba li għaliha l-karkassi u l-qatgħat il-kbar għandhom jitkessħu qabel it-trasportazzjoni huwa mod kif ikun żgurat li parti sinifikanti tat-temperatura tal-ġisem titneħħa.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 fih previst ukoll deroga mill-obbligu tat-tkessiħ tal-laħam għal 7 °C qabel it-trasportazzjoni fir-rigward ta' prodotti speċifiċi taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Sabiex jiġi evitat l-użu skorrett ta' din id-deroga, jixraq li jiġi ċċarat li dan huwa permess biss jekk ġustifikat għal raġunijiet teknoloġiċi, eż. meta t-tkessiħ għal 7 °C ma jkunx jista' jikkontribwixxi għall-ipproċessar iġeniku u tekniku li jixraq l-iżjed għal dan il-prodott.

(9)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huwa emendat kif ġej:

1.

Fit-Taqsima I, il-Kapitolu VII, il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.

Il-laħam għandu jilħaq it-temperatura msemmija fil-punt 1 qabel ma jiġi ttrasportat u jżomm dik it-temperatura matul it-trasportazzjoni.

Madankollu, għandhom japplikaw il-punti (a) u (b) li ġejjin.

(a)

it-trasportazzjoni tal-laħam għall-produzzjoni ta' prodotti speċifiċi tista' sseħħ qabel ma tinkiseb it-temperatura speċifikata fil-punt 1 jekk l-awtorità kompetenti hekk tawtorizza, sakemm:

(i)

tali trasportazzjoni iseħħ skont ir-rekwiżiti li l-awtoritajiet kompetenti tal-oriġini u destinatarji jispeċifikaw fir-rigward tat-trasportazzjoni minn stabbiliment magħruf wieħed għall-ieħor;

(ii)

il-laħam jitlaq mill-biċċerija, jew mill-kamra tat-tqattigħ fl-istess sit tal-biċċerija, immedjatament u t-trasportazzjoni ma ddumx iktar minn sagħtejn;

u,

(iii)

tali trasportazzjoni hija ġustifikata għal raġunijiet tekniċi.

(b)

it-trasportazzjoni ta' karkassi, nofs karkassi, kwarti, jew nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ ta' annimali ovini u kaprini, annimali bovini u annimali porċini, tista' tibda qabel ma tinkiseb it-temperatura speċifikata fil-punt 1, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

it-temperatura hija mmonitorjata u rreġistrata fi ħdan il-qafas tal-proċeduri abbażi tal-prinċipji HACCP;

(ii)

l-operaturi fin-negozju tal-ikel li jkunu qed jibgħatu u jittrasportaw il-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ irċevew awtorizzazzjoni ddokumentata mill-awtorità kompetenti fil-post tat-tluq sabiex jagħmlu użu minn din id-deroga;

(iii)

il-vettura li tittrasporta l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ, għandha strument li jimmonitorja u jirreġistra t-temperaturi tal-arja li għalihom il-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ huma soġġetti f'tali mod li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivverifikaw il-konformità mal-ħin u mal-kundizzjonijiet tat-temperatura stabbiliti fil-punt (viii);

(iv)

il-vettura li tittrasporta l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ tiġbor il-laħam minn biċċerija waħda biss għal kull trasportazzjoni;

(v)

il-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ soġġetti għal din id-deroga jrid ikollhom temperatura tal-qalba ta' 15-il grad fil-bidu tat-trasportazzjoni jekk se jiġu ttrasportati fl-istess kompartament bħall-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ, li jissodisfa r-rekwiżit tat-temperatura fil-Punt 1 (jiġifieri 7 gradi);

(vi)

dikjarazzjoni mill-operatur fin-negozju tal-ikel li jakkumpanja l-kunsinna; dik id-dikjarazzjoni trid tiddikjara d-durata tat-tkessiħ qabel it-tagħbija, il-ħin li fih bdiet it-tagħbija tal-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ, it-temperatura tal-wiċċ dak il-ħin, it-temperatura tal-arja massima tat-trasportazzjoni li għaliha l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat jistgħu jkunu soġġetti, il-ħin massimu ta' trasportazzjoni permess, id-data tal-awtorizzazzjoni u l-isem tal-awtorità kompetenti li tforni dik id-deroga;

(vii)

l-operatur fin-negozju tal-ikel destinatarju jrid jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jirċievi għall-ewwel darba l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ, li ma jilħqux it-temperatura speċifikata fil-punt 1 qabel it-trasportazzjoni;

(viii)

tali laħam huwa ttrasportat skont il-parametri li ġejjin:

Għal ħin massimu ta' trasportazzjoni ta' sitt sigħat (5):

Speċi

Temperatura tal-wiċċ (2)

Ħin massimu biex jitkessaħ għat-temperatura tal-wiċċ (3)

Temperatura massima tal-arja għat-trasportazzjoni (4)

Għadd medju massimu ta' kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassa (5)

Annimali ovini u kaprini

7 °C

8 sigħat

6 °C

log10 3,5 cfu/cm2

Annimali bovini

20 siegħa

log10 3,5 cfu/cm2

Annimali porċini

16-il siegħa

log10 4 cfu/cm2

Għal ħin massimu ta' trasportazzjoni ta' tletin siegħa (5):

Speċi

Temperatura tal-wiċċ (2)

Ħin massimu biex jitkessaħ għat-temperatura tal-wiċċ (3)

Temperatura tal-qalba (6)

Temperatura massima tal-arja għat-trasportazzjoni (4)

Għadd medju massimu ta' kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassa (5)

Annimali porċini

7 °C

16-il siegħa

15 °C

6 °C

log10 4 cfu/cm2

Għal ħin massimu ta' trasportazzjoni ta' sittin siegħa (5):

Speċi

Temperatura tal-wiċċ (2)

Ħin massimu biex jitkessaħ għat-temperatura tal-wiċċ (3)

Temperatura tal-qalba (6)

Temperatura massima tal-arja għat-trasportazzjoni (4)

Għadd medju massimu ta' kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassa (5)

Annimali ovini u kaprini

4 °C

12-il siegħa

15 °C

3 °C

log10 3 cfu/cm2

Annimali bovini

24 siegħa

2.

Fit-Taqsima I, il-Kapitolu V, jiddaħħal il-punt 5 li ġej:

“5.

Karkassi, nofs karkassi, kwarti, jew nofs karkassi maqtugħin f'mhux iktar minn tliet qatgħat sħaħ jistgħu jiġu dissussati u maqtugħin qabel ma jilħqu t-temperatura msemmija fil-punt 2(b) meta jkunu ġew ttrasportati skont id-deroga stabbilita fil-punt 3(b) tal-Kapitolu VII tat-Taqsima I. F'dan il-każ, matul it-tqattigħ jew id-dissussar, il-laħam irid ikun soġġett għal temperaturi tal-arja li jiżguraw tnaqqis kontinwu tat-temperatura tal-laħam. Hekk kif jinqata' u, fejn jixraq, jiġi mballat, il-laħam irid jitkessaħ għat-temperatura msemmija fil-punt 2(b) jekk ma jkunx diġà taħt din it-temperatura.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  EFSA Journal 2014; 12(3):3601 [81 pp.].

(3)  EFSA Journal 2016; 14(6):4523 [38 pp.].

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).

(5)  Il-ħin massimu permess mill-bidu tat-tagħbija tal-laħam fil-vettura sat-tlestija tal-aħħar twassil. It-tagħbija tal-laħam fil-vettura tista' tiġi posposta lil hinn mill-ħin massimu permess għat-tkessiħ tal-laħam għat-temperatura tal-wiċċ speċifikata. Jekk jiġri dan, il-ħin massimu tat-trasportazzjoni permess irid jitqassar għall-istess tul li għalih ġiet posposta t-tagħbija. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru destinatarju tista' tillimita l-għadd ta' punti ta' twassil.

(2)  It-temperatura massima tal-wiċċ permessa mat-tagħbija u wara titkejjel fuq l-eħxen parti tal-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ.

(3)  Il-ħin massimu permess mill-mument tal-qatla sal-ilħuq tat-temperatura massima tal-wiċċ permessa mat-tagħbija.

(4)  It-temperatura massima tal-arja li għaliha l-laħam huwa permess li jkun soġġett minn meta tibda t-tagħbija, u matul id-durata kollha tat-trasportazzjoni.

(5)  L-għadd medju massimu ta' kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassi tal-biċċerija li juża tieqa rikorrenti ta' 10 ġimgħat, permessa għal karkassi ta' speċijiet rilevanti, kif ivvalutat mill-operatur għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti, skont il-proċeduri ta' teħid tal-kampjuni u ttestjar stipulati fil-punti 2.1.1, 2.1.2 tal-Kapitolu 2, u l-punt 3.2 tal-Kapitolu 3, tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 ta' 15 ta' Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).

(6)  It-temperatura tal-qalba massima tal-laħam permessa fil-ħin tat-tagħbija, u wara.”


Top