EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1978

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1978 tal-31 ta' Ottubru 2017 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali rigward l-ekinodermi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/7212

OJ L 285, 1.11.2017, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1978/oj

1.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1978

tal-31 ta' Ottubru 2017

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali rigward l-ekinodermi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi fin-negozju tal-ikel. Dan jipprevedi, inter alia, li l-operaturi fin-negozju tal-ikel jistgħu jintroduċu biss fis-suq prodotti li joriġinaw mill-animali li jkunu nħadmu u ġew trattati esklużivament fi stabbilimenti li jissodisfaw ċerti rekwiżiti, inklużi r-rekwiżiti rilevanti tal-Anness III tiegħu.

(2)

Is-Sezzjoni VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tispeċifika li dik is-Sezzjoni tapplika għall-molluski bivalvi ħajjin, u bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-purifikazzjoni, tapplika wkoll għall-ekonidermi ħajjin, it-tunikati ħajjin u l-gastropodi marini ħajjin. Din tispeċifika wkoll li għall-pectinidae u għall-gastropodi marini, li mhumiex organiżmi filtraturi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni, japplikaw rekwiżiti speċifiċi.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali. Dan jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produzzjoni u l-introduzzjoni fis-suq ta' molluski bivalvi ħajjin, ta' ekinodermi ħajjin, ta' tunikati ħajjin u ta' gastropodi marini ħajjin isirulhom kontrolli uffiċjali kif previst fl-Anness II tiegħu. Il-Kapitolu II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprevedi li ż-żoni tal-produzzjoni jridu jiġu kklassifikati skont il-livell ta' kontaminazzjoni fekali. L-organiżmi filtraturi, bħalma huma l-molluski bivalvi, jistgħu jakkumulaw mikroorganiżmi li jirrappreżentaw riskju għas-saħħa pubblika.

(4)

L-ekinodermi ġeneralment mhumiex organiżmi filtraturi. Għaldaqstant, ir-riskju li tali organiżmi jakkumulaw mikroorganiżmi marbuta mal-kontaminazzjoni fekali huwa remot. Barra minn hekk, ma ġiet irrappurtata l-ebda informazzjoni epidemjoloġika li torbot id-dispożizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni preskritti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 mar-riskji għas-saħħa pubblika assoċjati mal-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li tali ekinodermi jiġu esklużi mid-dispożizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni kif preskritt fil-Kapitolu II tas-Sezzjoni VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

(5)

Barra minn hekk, il-Kapitolu IX tas-Sezzjoni VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-pectinidae u għall-gastropodi marini ħajjin li mhumiex organiżmi filtraturi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati. Jenħtieġ li tali rekwiżiti japplikaw ukoll għall-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li s-Sezzjoni VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jiġi emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).


ANNESS

Is-Sezzjoni VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tiġi emendata kif ġej:

(1)

Fil-parti introduttorja, il-punt 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.

Din is-Sezzjoni tapplika għall-molluski bivalvi ħajjin. Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-purifikazzjoni, tapplika wkoll għall-ekinodermi ħajjin, it-tunikati ħajjin u l-gastropodi marini ħajjin. Id-dispożizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni stabbiliti fil-Kapitolu II, il-Parti A, ta' dik is-Sezzjoni ma japplikawx għall-gastropodi marini u għall-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi.”

(2)

Il-Kapitolu IX jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“KAPITOLU IX:   REKWIŻITI SPEĊIFIĊI GĦALL-PECTINIDAE, IL-GASTROPODI MARINI U L-EKINODERMI LI MHUMIEX ORGANIŻMI FILTRATURI MIĠBURA BARRA MIŻ-ŻONI TAL-PRODUZZJONI KKLASSIFIKATI

L-operaturi tan-negozju tal-ikel li jiġbru l-pectinidae, il-gastropodi marini u l-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi, barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati jew li jittrattaw pectinidae u/jew gastropodi marini u/jew ekinodermi bħal dawn, jeħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

1.

Il-pectinidae, il-gastropodi marini u l-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi, ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq sakemm dawn ma jkunux ġew miġbura u trattati skont il-Kapitolu II, Parti B, u jissodisfaw l-istandards stipulati fil-Kapitolu V, kif muri minn sistema ta' awtokontrolli;

2.

Barra mill-punt 1, meta d-dejta minn programmi ta' monitoraġġ uffiċjali tippermetti lill-awtorità kompetenti li tikklassifika ż-żoni tas-sajd — fejn xieraq, b'koperazzjoni mal-operaturi tan-negozju tal-ikel — id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, Parti A, japplikaw b'analoġija għall-pectinidae;

3.

Il-pectinidae, il-gastropodi marini u l-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi, ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq għall-konsum mill-bniedem sakemm mhux permezz ta' rkant tal-ħut, ċentru tad-dispaċċ jew stabbiliment tal-ipproċessar. Meta jitrattaw il-pectinidae u/jew gastropodi marini u/jew ekinodermi bħal dawn, l-operaturi tan-negozji tal-ikel li joperaw stabbilimenti bħal dawn jeħtieġ li jinfurmaw lill-awtorità kompetenti u, rigward iċ-ċentri tad-dispaċċ, iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti relevanti tal-Kapitoli III u IV;

4.

L-operaturi tan-negozji tal-ikel li jittrattaw il-pectinidae, il-gastropodi marini ħajjin u l-ekinodermi ħajjin li mhumiex organiżmi filtraturi, iridu jikkonformaw:

(a)

mar-rekwiżiti dokumentarji tal-Kapitolu I, il-punti 3 sa 7, fejn applikabbli. F'dan il-każ, id-dokument ta' reġistrazzjoni jeħtieġ li jindika b'mod ċar il-post taż-żona fejn inġabru l-pectinidae u/jew il-gastropodi marini ħajjin u/jew l-ekinodermi ħajjin; jew

(b)

mar-rekwiżiti tal-Kapitolu VI, il-punt 2, li jikkonċerna l-għeluq tal-pakketti kollha tal-pectinidae ħajjin, il-gastropodi marini ħajjin u l-ekinodermi ħajjin mibgħuta għall-bejgħ bl-imnut u l-Kapitolu VII li jikkonċerna l-immarkar u l-ittikkettjar ta' identifikazzjoni.”


Top