EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1901

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1901 tat-18 ta' Ottubru 2017 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Danbo (IĠP))

C/2017/6911

OJ L 269, 19.10.2017, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1901/oj

19.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1901

tat-18 ta' Ottubru 2017

li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Danbo (IĠP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 daħal fis-seħħ fit-3 ta' Jannar 2013. Dan ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2).

(2)

F'konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, l-applikazzjoni tad-Danimarka għar-reġistrazzjoni tal-isem “Danbo” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

(3)

L-Awstrija, l-Arġentina flimkien ma' Centro de la Industria Lechera — il-Federazzjoni tal-Industrija tal-Ħalib tal-Arġentina, l-Awstralja flimkien ma' Dairy Awstralja, New Zealand flimkien ma' Dairy Companies Association of New Zealand, l-Urugwaj, l-Office of the United States Trade Representative u l-Consortium for Common Food Names tal-Istati Uniti tal-Amerka ssottomettew l-oppożizzjonijiet għar-reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oppożizzjonijiet tqiesu ammissibbli skont l-Artikolu 7(3) ta' dak ir-Regolament, ħlief għal dik tal-Awstrija li ma waslitx sal-iskadenza preskritta.

(4)

L-oppożizzjonijiet jikkonċernaw nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, sostitwit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, b'mod partikolari fir-rigward tal-argument li “Danbo” ma għandux kwalità, reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn speċifiċi li huma attribwibbli għall-oriġini ġeografika. Jinsistu wkoll li l-isem “Danbo” ma jkunx qed jikkwalifika bħala isem nonġeografiku tradizzjonali u li ma teżisti l-ebda ċirkostanza eċċezzjonali li tkun tiġġustifika d-denominazzjoni tad-Danimarka kollha bħala żona ġeografika delimitata. L-oppożizzjonijiet isostnu wkoll li l-isem “Danbo” sar isem ġeneriku kif previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, sostitwit bl-Artikoli 6(1) u 41 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. F'dan ir-rigward huma jinnutaw li “Danbo” kien soġġett għall-Istandard Codex Alimentarius sa mill-1966 kif ukoll kien inkluż fl-Anness B tal-Konvenzjoni ta' Stresa tal-1951. In-natura ġenerika tal-isem tintwera mill-fatt li “Danbo” għandu wkoll il-linja tat-tariffa tiegħu stess. L-oppożizzjonijiet komplew jindikaw l-importanza tal-produzzjoni u tal-konsum ta' “Danbo” f'diversi pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE, li wħud minnhom għandhom standard legali speċifiku għalih.

(5)

Permezz tal-ittri tat-18 ta' Settembru 2012, f'konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibdew il-konsultazzjonijiet li jixirqu.

(6)

Peress li ma ntlaħaq l-ebda qbil fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta deċiżjoni skont il-proċedura li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(7)

Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta' konformità tal-isem “Danbo” mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, sostitwit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li wieħed jinnota li d-dispożizzjoni rilevanti fis-seħħ ma tiddistingwix pajjiż bħala każ eċċezzjonali għal indikazzjoni ġeografika. Bl-istess mod, l-apprezzament dwar jekk “Danbo” huwiex “isem nonġeografiku tradizzjonali” ma għadux meħtieġ iktar. Ir-reġistrazzjoni ta' “Danbo” bħala IĠP hija attwalment applikata abbażi tar-reputazzjoni tiegħu li hija attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u li hija deskritta b'mod estensiv fid-dokument uniku ppubblikat u fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-opponenti ma pprovdewx raġunament validu li jisfida dik id-deskrizzjoni.

(8)

L-opponenti ssottomettew diversi biċċiet ta' evidenza li allegatament juru li l-isem inkwistjoni huwa ġeneriku. Madankollu, li jkollu Standard Codex Alimentarius speċifiku kif ukoll l-inklużjoni ta' “Danbo” fl-Anness B tal-Konvenzjoni ta' Stresa ma jfissirx li dan l-isem sar ipso facto ġeneriku. Kif indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-kodiċijiet tat-tariffa huma marbutin ma' kwistjonijiet doganali u għalhekk mhumiex rilevanti għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, id-dejta limitata sottomessa fir-rigward, b'mod partikolari, tal-produzzjoni ta' “Danbo” barra mill-Unjoni Ewropea mhijiex rilevanti meta jitqies il-prinċipju ta' territorjalità inerenti għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, skont liema n-natura ġenerika possibbli ta' isem trid tiġi vvalutata b'rabta mat-territorju tal-UE. Il-perċezzjoni ta' dan it-terminu barra mill-Unjoni Ewropea u l-eżistenza possibbli tal-istandards regolatorji tal-produzzjoni marbutin ma' pajjiżi terzi mhumiex meqjusa rilevanti għad-deċiżjoni preżenti.

(9)

Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza fil-proċedura ta' oppożizzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' tali ġobon minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni Ewropea. B'konsegwenza ta' dan, ma hemmx raġunijiet biex jingħata perjodu tranżizzjonali lil produtturi speċifiċi f'pajjiżi terzi skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(10)

Ir-rabta bejn id-Danimarka u “Danbo” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni. Id-Danimarka kienet issottomettiet għadd kbir ta' pubblikazzjonijiet u referenzi speċjalizzati li juru li teżisti rabta ta' reputazzjoni bejn id-Danimarka u “Danbo”. Ir-reputazzjoni tiegħu hija kkonfermata ulterjorment peress li jipparteċipa f'wirjiet u kompetizzjonijiet nazzjonali kif ukoll internazzjonali u għaliex rebaħ għadd kbir ta' premji.

(11)

Fir-rigward tat-territorju tal-UE, “Danbo” huwa prodott essenzjalment fid-Danimarka u huwa wkoll essenzjalment mqiegħed fis-suq fid-Danimarka.

(12)

Id-Danimarka pprovdiet evidenza mhux kontestata li l-konsum ta' “Danbo” u l-għarfien dwaru huma kkonċentrati fil-parti l-kbira tagħhom fid-Danimarka, u li l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi Daniżi fil-fatt jirrikonoxxu r-rabta persistenti tiegħu mad-Danimarka. Barra mid-Danimarka, l-għarfien ta' dan il-ġobon huwa estremament limitat. Nuqqas ta' għarfien bħal dan ma jistax iwassal biex “Danbo” jkun ikkunsidrat bħala isem ġeneriku.

(13)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, jenħtieġ li l-isem “Danbo” jiddaħħal fir-“reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Politika ta' Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Danbo” (IĠP) huwa reġistrat.

L-isem fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tal-Klassi 1.3. Il-ġobon stabbilit fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (4).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(3)  ĠU C 29, 2.2.2012, p. 14.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


Top