Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1575

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1575 tat-23 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/242 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi skont il-Politika Komuni tas-Sajd

C/2017/4238

OJ L 239, 19.9.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1575/oj

19.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1575

tat-23 ta' Ġunju 2017

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/242 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi skont il-Politika Komuni tas-Sajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 45(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi l-istabbiliment ta' Kunsilli Konsultattivi li se jippromwovu rappreżentanza bilanċata tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura u se jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(2)

B'konformità mal-Artikolu 45(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/242 (2) li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi skont il-Politika Komuni tas-Sajd.

(3)

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/242, fost affarijiet oħra jiddefinixxi t-termini “organizzazzjonijiet tas-settur” u “gruppi ta' interess oħrajn”, li jirreferu għaż-żewġ kategoriji ta' partijiet ikkonċernati li huma rrappreżentati fil-Kunsilli Konsultattivi bi qbil mal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(4)

Jeħtieġ li d-definizzjoni tat-terminu “organizzazzjonijiet tas-settur” tinġieb taqbel aħjar mal-kliem tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tiġi evitata l-possibbiltà li jkun hemm diffikultajiet fl-interpretazzjoni.

(5)

Billi jista' jkun hemm organizzazzjonijiet imħalltin li jirrappreżentaw kemm lis-settur tas-sajd kif ukoll interessi oħrajn, jeħtieġ li jkun speċifikat li l-assemblea ġenerali tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-membri tal-Kunsilli Konsultattivi f'waħda miż-żewġ kategoriji msemmijin fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(6)

L-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/242 jippreskrivi l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-Kunsilli Konsultattivi, u b'mod partikolari l-ħatra tal-Kumitat Eżekuttiv mill-assemblea ġenerali.

(7)

Minħabba l-kompożizzjoni tal-Kunsilli Konsultattivi, kif hemm iddefinit fil-punt 2(a) tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fejn 60 % tas-siġġijiet fl-assemblea ġenerali u fil-Kumitati Eżekuttivi huma allokati għall-organizzazzjonijiet tas-setturi u 40 % għall-gruppi ta' interessi oħrajn, jeħtieġ li ż-żewġ kategoriji jingħataw id-dritt li jiddeċiedu b'mod awtonomu min se jirrappreżentahom fil-kumitat eżekuttiv, u b'hekk tkun garantita rappreżentanza bilanċata tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-Kunsilli Konsultattivi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/242 jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.

‘Organizzazzjonijiet tas-setturi’ tfisser organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-operaturi fis-settur tas-sajd (fosthom lis-sajjieda impjegati) u, fejn jixraq, lill-operaturi fis-settur tal-akkwakultura, u rappreżentanti mis-setturi tal-ipproċessar u tal-kummerċ.”.

(2)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 2, jinżied il-punt (c) li ġej:

“(c)

tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-membri tal-Kunsilli Konsultattivi fil-kategoriji ‘organizzazzjonijiet tas-setturi’ jew ‘gruppi ta' interessi oħrajn’. Dik id-deċiżjoni għandha tkun imsejsa fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli, bħalma huma d-dispożizzjonijiet fl-istatuti tal-organizzazzjoni kkonċernata, il-lista tal-membri u n-natura tal-attivitajiet tagħha.”;

(b)

Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Skont il-ħatriet li jsiru mill-organizzazzjonijiet tas-setturi u mill-gruppi ta' interessi oħrajn għas-siġġijiet allokati lilhom rispettivament, l-assemblea ġenerali taħtar Kumitat Eżekuttiv li jista' jkun fih sa 25 membru. Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, l-assemblea ġenerali tista' tiddeċiedi li taħtar Kumitat Eżekuttiv ta' mhux iżjed minn 30 membru biex tiżgura rappreżentanza xierqa tal-flotot iż-żgħar.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/242 tad-9 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi skont il-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 41, 17.2.2015, p. 1).


Top