EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1270

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1270 tal-14 ta' Lulju 2017 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-karbonat tal-potassju (E 501) fuq frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta' u mqatta' bċejjeċ bċejjeċ (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/4861

OJ L 184, 15.7.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1270/oj

15.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1270

tal-14 ta' Lulju 2017

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-karbonat tal-potassju (E 501) fuq frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta' u mqatta' bċejjeċ bċejjeċ

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Fil-15 ta' Ottubru 2015 ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-karbonat tal-potassju (E 501) fuq frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta' u mqatta' bċejjeċ bċejjeċ, u din tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Attivitajiet enzimatiċi waqt il-preparazzjoni tal-frott u l-ħxejjex friski mqatta' jistgħu jwasslu għal telf fil-kwalità tal-prodotti, bħall-fatt li dawn isiru kannella u li jitilfu l-istruttura tagħhom, u għal ħela tal-ikel. L-aċidu askorbiku (E 300) jista' jintuża biex jiġi evitat li jsiru kannella. Madankollu, l-aċidu askorbiku għandu t-tendenza li jkisser it-tessut taċ-ċelloli, li jwassal biex il-frott u l-ħxejjex jirtabu u jitilfu l-kulur tagħhom wara ftit jiem. L-użu tal-karbonat tal-potassju (E 501) jippermetti protezzjoni iktar effiċjenti biex dawn ma jsirux kannella, minħabba li jaħdem bħala stabbilizzatur u regolatur tal-aċidità u jnaqqas il-ħsara fit-tessut ikkawżat mill-aċidu askorbiku.

(5)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel stabbilixxa livell tal-ADI (id-Doża Aċċettabbli ta' Kuljum) għall-grupp bħala “mhux speċifikat” għall-karbonati (3), li jimplika li dawn ma jippreżentawx periklu għas-saħħa meta jintużaw fil-livelli meħtieġa biex jintlaħaq l-effett teknoloġiku mixtieq.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Peress li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-karbonat tal-potassju (E501) bħala stabbilizzatur u regolatur tal-aċidità fuq il-frott u l-ħxejjex imqaxxra, imqatta' u mqatta' bċejjeċ bċejjeċ tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li mhux mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem, l-opinjoni tal-Awtorità mhix meħtieġa.

(7)

Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu fi quantum satis tal-karbonat tal-potassju (E 501) bħala stabbilizzatur u regolatur tal-aċidità fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta' u mqatta' bċejjeċ bċejjeċ” fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ikun infurmat b'dan it-trattament, l-użu tal-karbonat tal-potassju (E 501) għandu jkun limitat għall-frott u l-ħxejjex ippakkjati minn qabel, refriġerati u mhux ipproċessati, li jkunu lesti għall-konsum u għall-patata mqaxxra, ippakkjata minn qabel u mhux ipproċessata.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Ir-Rapport tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, il-25 serje, l-1990.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta' u mqatta' bċejjeċ bċejjeċ”, l-entrata li ġejja tiddaħħal qabel in-noti f'qiegħ il-paġna:

 

“E 501

Karbonat tal-potassju

Quantum satis

 

frott u ħxejjex ippakkjati minn qabel, refriġerati u mhux ipproċessati, li jkunu lesti għall-konsum u patata mqaxxra, ippakkjata minn qabel u mhux ipproċessata biss”.


Top