Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1234

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1234 tat-3 ta' Lulju 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2017/4753

OJ L 177, 8.7.2017, p. 29–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1234/oj

8.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/29


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1234

tat-3 ta' Lulju 2017

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha, parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jeħtieġ li dak il-perjodu jkun iffissat għal tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana. (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott kompost magħmul mill-komponenti li ġejjin:

kolonna vertikali tal-aluminju għolja madwar 95 cm, b'fus man-naħa t'isfel u rota tal-plastik imwaħħla ma' kull tarf tal-fus,

tavla orizzontali tal-aluminju li tintewa, maħsuba biex jirfes fuqha bniedem, b'rota tal-plastik imwaħħla mat-tarf nett u b'mekkaniżmu ta' brejkijiet imwaħħal magħha,

valiġġa li l-wiċċ barrani tagħha huwa magħmul minn materjal tal-plastik iffurmat, b'qisien ta' madwar 55 cm × 30 cm × 20 cm u mwaħħla mal-kolonna vertikali permezz ta' klampijiet li jistgħu jinfetħu.

Il-prodott huwa maħsub biex jintuża minn kull min għandu 8 snin jew aktar. Il-funzjoni tiegħu bħala mezz ta' trasport tal-oġġetti tista' tiġi kkombinata mal-funzjoni tiegħu bħala skuter, jew jista' jinġibed jew jiġi mbuttat minn wara għat-trasport tal-valiġġa fuq ir-roti meta tittella' t-tavla orizzontali.

Ara l-istampi tal-oġġett (*1)

4202 12 50

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 4202 , 4202 12 u 4202 12 50 .

Il-prodott huwa kklassifikat taħt oġġetti komposti. Il-funzjoni ewlenija tiegħu hija essenzjalment biex jittrasporta l-oġġetti fil-valiġġa. Dan jista' jsir jew minn persuna wieqfa fuq it-tavla orizzontali (li tkun mitwijja 'l isfel) li ssuqu 'l quddiem, jew billi l-persuna tmexxih (bit-tavla mitwijja 'l fuq) billi timbuttah jew tiġbdu bl-istess mod tal-valiġġi troli fuq ir-roti.

Il-komponenti li jiffurmaw l-iskuter (dawk il-komponenti li ma jiffurmawx parti mill-basktijiet troli standard, jiġifieri t-tavla orizzontali li tintewa li għandha rota tal-plastik imwaħħla magħha (u li għandha brejk)) qegħdin biex jiffaċilitaw it-trasport tal-oġġetti li jkun hemm fil-valiġġa u huma ta' importanza subordinata. Għalhekk, hija l-valiġġa li tagħti l-karattru essenzjali lill-prodott. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt it-titlu 8716 bħal vetturi oħra, jew taħt it-titlu 9503 , bħala skuter, hija eskluża wkoll.

Għalhekk l-oġġett irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 4202 12 50 bħala valiġġa bil-wiċċ barrani magħmul minn materjal tal-plastik iffurmat.

Image


(*1)  L-istampi qegħdin biss għall-finijiet ta' informazzjoni.


Top