EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0968

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/968 tat-8 ta' Ġunju 2017 li jagħti lill-Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta' fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta' fletti tat-tumbrell jew tal-iżgamirru ppreparati jew ippreservati

C/2017/3823

OJ L 146, 9.6.2017, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/968/oj

9.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/968

tat-8 ta' Ġunju 2017

li jagħti lill-Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta' fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta' fletti tat-tumbrell jew tal-iżgamirru ppreparati jew ippreservati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 64(6) u 66(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Cape Verde huwa pajjiż li jibbenefika mis-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi msejħa s-SĠP fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 439/2011 (3), il-Cape Verde ngħata deroga mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (4) f'dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti oriġinanti użata għall-iskopijiet tas-SĠP. Id-deroga kienet tikkonċerna volum annwali ta' 2 500 tunnellata fil-każ tal-fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta' 875 tunnellata fil-każ tal-fletti tat-tumbrell jew tal-iżgamirru ppreparati jew ippreservati. Skont id-deroga u fil-limiti ta' dawk il-kwantitajiet, dawn il-prodotti kienu kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw fil-Cape Verde anki jekk, minkejja li jkunu ġew prodotti fil-Cape Verde, huma jkunu ġew prodotti minn ħut mhux oriġinanti. Wara li ġiet estiża darbtejn, id-deroga mbagħad skadiet fil-31 ta' Diċembru 2016.

(2)

Permezz tal-ittra ddatata s-27 ta' Settembru 2016, il-Cape Verde ressaq talba għal estensjoni ta' din id-deroga, għall-istess volumi annwali, għal perjodu ta' sentejn, mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018, sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (“l-FSE”) bejn l-Unjoni u l-Afrika tal-Punent li ġie inizjalat fit-30 ta' Ġunju 2014. Minħabba r-regoli ta' akkumulazzjoni tiegħu, dan il-ftehim il-ġdid se jippermetti lill-industrija tal-ipproċessar tal-ħut tal-Cape Verde tikkonforma mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali billi tuża ħut li joriġina fi Stati tal-Afrika tal-Punent oħrajn.

(3)

Mill-2008, it-total tal-kwantitajiet annwali li ngħataw lill-Cape Verde permezz tad-deroga kkontribwixxew b'mod sinifikanti biex titjieb is-sitwazzjoni tas-settur tal-ipproċessar tas-sajd tal-Cape Verde. Dawn il-kwantitajiet wasslu wkoll, sa ċertu punt, biex reġgħet ingħatat il-ħajja l-flotta ta' bastimenti tas-sajd żgħar tal-Cape Verde, li hija ta' importanza vitali għal dak il-pajjiż.

(4)

L-argumenti fit-talba juru li, mingħajr id-deroga, l-abbiltà tal-industrija tal-ipproċessar tal-ħut tal-Cape Verde li tkompli tesporta l-prodotti lejn l-Unjoni skont is-SĠP se tiġi affettwata b'mod sinifikanti, u dan jaf ikun ta' deterrent għal aktar żvilupp tal-flotta tal-Cape Verde ta' bastimenti żgħar li jistadu għall-ħut pelaġiku.

(5)

Huwa meħtieġ żmien addizzjonali biex jiġu kkonsolidati r-riżultati diġà miksuba mill-Cape Verde fl-isforzi tiegħu biex iġedded il-flotta tas-sajd lokali tiegħu. Jenħtieġ li d-deroga tagħti lill-Cape Verde żmien biżżejjed biex iħejji ruħu sabiex jikkonforma mar-regoli għall-akkwist tal-oriġini preferenzjali.

(6)

Wara li kkunsidrat in-natura temporanja tad-derogi mogħtija għad-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti oriġinanti, id-deroga għandha tingħata għal perjodu ta' sentejn li jibda mill-1 ta' Jannar 2017 fir-rigward ta' kwantitajiet annwali ta' 2 500 tunnellata għall-fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta' 875 tunnellata għall-fletti tat-tumbrell jew tal-iżgamirru ppreparati jew ippreservati. Madankollu, id-deroga għandha tintemm fil-jum immedjatament qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-FSE mal-Afrika tal-Punent, jekk dan iseħħ qabel il-31 ta' Diċembru 2018.

(7)

Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu ġestiti b'konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5) li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji.

(8)

Id-deroga għandha tingħata bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali tal-Cape Verde jieħdu l-passi neċessarji biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti suġġetti għad-deroga, u li huma jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom inħarġu ċertifikati tal-oriġini tal-Formola A skont dan ir-Regolament u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom jidħlu fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu sabiex titqies is-sitwazzjoni tal-Cape Verde u sabiex dan il-pajjiż jitħalla juża d-deroga mingħajr aktar dewmien. Għall-istess raġuni, dan ir-Regolament għandu japplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2017.

(10)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 439/2011 skada fil-31 ta' Diċembru 2016 u kien ibbażat fuq l-Artikolu 89 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, li tħassar fl-1 ta' Mejju 2016. Huwa xieraq li tittawwal id-deroga permezz ta' att ta' implimentazzjoni ġdid adottat b'konformità mal-Artikolu 64(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikoli 41(b) u 45 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (6), il-fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u l-fletti tat-tumbrell jew tal-iżgamirru ppreparati jew ippreservati tal-kodiċi tan-NM 1604 15 11 u ex 1604 19 97 prodotti fil-Cape Verde minn ħut mhux oriġinanti għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw fil-Cape Verde skont l-Artikoli 2, 3 u 4 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Din id-deroga għandha tapplika għall-prodotti li jkunu ġew kemm esportati mill-Cape Verde kif ukoll iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017:

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2018 jew,

(b)

jekk il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni u l-Afrika tal-Punent inizjalat fit-30 ta' Marzu 2014 (“l-FSE”) jidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2018 jew qabel, sal-jum immedjatament qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Id-deroga għandha tapplika għall-prodotti sal-kwantità annwali elenkata fl-Anness.

3.   L-applikazzjoni ta' din id-deroga hija soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.

Artikolu 3

Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu ġestiti b'konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji.

Artikolu 4

Id-deroga qed tingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

L-awtoritajiet doganali tal-Cape Verde għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmijin fl-Artikolu 1.

(2)

Dan li ġej għandu jitniżżel fil-kaxxa 4 taċ-ċertifikati tal-oriġini tal-Formola A maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Cape Verde skont dan ir-Regolament: “Deroga — ir-Regolament (UE) 2017/968”.

(3)

Kull tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti tal-Cape Verde għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati tal-oriġini tal-Formola A skont dan ir-Regolament u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 439/2011 tas-6 ta' Mejju 2011 dwar deroga mir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 dwar id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinati li jintuża għall-finijiet tal-iskema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati sabiex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Kap Verde fir-rigward tal-esportazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 119, 7.5.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).


ANNESS

Numru tal-ordni

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodi

Il-kwantità annwali (il-piż nett f'tunnellati)

09.1647

1604 15 11

ex 1604 19 97

Fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati (Scomber scombrus, Scomber japonicus, Scomber colias)

Mill-1 ta' Jannar 2017 sad-data determinata b'konformità mal-Artikolu 2(1)(a) u (b)

2 500

09.1648

ex 1604 19 97

Fletti tat-tumbrell jew tal-iżgamirru ppreparati jew ippreservati (Auxis thazard, Auxis rochei)

Mill-1 ta' Jannar 2017 sad-data determinata b'konformità mal-Artikolu 2(1)(a) u (b)

875


Top