Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0949

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/949 tat-2 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-bhejjem tal-fart u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/3622

OJ L 143, 3.6.2017, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/949/oj

3.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/949

tat-2 ta' Ġunju 2017

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-bhejjem tal-fart u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jistipula r-regoli dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart. Sabiex jiġu ttraċċati l-movimenti tal-bhejjem tal-fart, dak ir-Regolament jistipula li l-annimali kollha għandhom jiġu identifikati b'tal-inqas żewġ mezzi ta' identifikazzjoni elenkati fl-Anness I tiegħu, li jkollhom l-istess kodiċi ta' identifikazzjoni uniku. Il-mezzi ta' identifikazzjoni elenkati f'dak l-Anness jinkludu ċomba tal-widna konvenzjonali u identifikatur elettroniku f'forma ta' ċomba elettronika tal-widna jew bolus ruminali jew transponder injettabbli.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 653/2014 (2), fih previst ir-regoli dwar il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni li għandha tiġi stabbilita permezz ta' atti ta' implimentazzjoni.

(3)

L-aktar konfigurazzjoni xierqa tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini, li trid tkun konsistenti mal-istandards stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) għall-identifikazzjoni tal-annimali, hija jew il-kodiċi alfa ta' żewġ ittri tal-pajjiż jew il-kodiċi numeriku tal-pajjiż bi tliet ċifri u kodiċi individwali tal-annimali b'massimu ta' 12-il ċifra.

(4)

Barra minn hekk, il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni li għandha tiġi stabbilita f'dan ir-Regolament għandha tiżgura l-funzjonament tas-suq uniku mhux biss għall-bhejjem tal-fart iżda wkoll għall-annimali ovini u kaprini, fejn din il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni tkun meħtieġa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (3), irrispettivament mill-mezzi ta' identifikazzjoni introdotti fl-Istati Membri differenti.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 (4) jistabbilixxi l-forma kodifikata użata biex tidentifika l-Istat Membru tal-oriġini flimkien ma' informazzjoni dwar l-annimal individwali li għandha tiġi applikata fuq ċomba tal-widnejn viżibbli. Din l-għamla kkodifikata ta' identifikazzjoni hija l-kodiċi alfa ta' żewġ ittri tal-pajjiż flimkien ma' kodiċi individwali tal-annimali li jikkonsisti f'massimu ta' 12-il ċifra.

(6)

Il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-bhejjem tal-fart għandha tkun tapplika kemm għaċ-ċomb tal-widnejn konvenzjonali kif ukoll għall-identifikaturi elettroniċi, u dawn il-kodiċijiet għandhom ikunu interoperabbli, u għandhom ikunu jistgħu jiġu skambjati u kapaċi jinqraw b'mod elettroniku fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 911/2004 għandu jiġi emendat sabiex jirreferi għal dan il-kodiċi ta' identifikazzjoni li għandu jiġi stabbilit f'dan ir-Regolament.

(7)

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 911/2004 jipprevedi li Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall u r-Renju Unit jistgħu jżommu s-sistema tagħhom ta' kodiċi alfa-numeriku ta' 12-il ċifra li ssegwi l-kodiċi tal-pajjiż fir-rigward ta' annimali mwielda sal-31 ta' Diċembru 1999 għal Spanja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall u għar-Renju Unit fir-rigward ta' annimali mwielda sat-30 ta' Ġunju 2000. Billi r-regoli dwar il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-bhejjem tal-fart stabbiliti f'dan ir-Regolament huma maħsuba biex jieħdu post dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 911/2004, dan ir-Regolament għandu jipprevedi wkoll dik id-deroga.

(8)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu database kompjuterizzata għall-annimali bovini meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jkollha tirreġistra l-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi d-data li fiha l-Istati Membri jridu jiżguraw l-operabbiltà sħiħa tal-infrastruttura meħtieġa biex jagħmlu użu ta' identifikatur elettroniku bħala mezz uffiċjali ta' identifikazzjoni tal-annimali bovini. Din l-infrastruttura tinkludi d-database kompjuterizzat.

(9)

Sabiex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bla xkiel miċ-ċomb tal-widnejn konvenzjonali għall-identifikaturi elettroniċi, jixraq li jiġu stabbiliti miżuri interim tar-rikodifikar tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini fid-database kompjuterizzat sakemm tkun żgurata l-operabbiltà sħiħa tal-infrastruttura meħtieġa għall-użu ta' identifikatur elettroniku mill-Istati Membri.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli dwar il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini kif previst fl-Artikolu 4(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

Artikolu 2

Konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini

Il-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-annimali bovini għandu jintwera fuq il-mezz ta' identifikazzjoni kif ġej:

(a)

l-ewwel element tal-kodiċi ta' identifikazzjoni jeħtieġ li l-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru fejn il-mezz ta' identifikazzjoni jkun ġie applikat għall-ewwel darba, fil-forma jew ta' kodiċi alfa b'żewġ ittri jew fil-forma ta' kodiċi numeriku bi tliet ċifri, kif elenkat fl-Anness;

(b)

it-tieni element tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għandu jkun kodiċi numeriku individwali b'massimu ta' 12-il ċifra; madankollu, l-Irlanda, Spanja, l-Italja, il-Portugall u r-Renju Unit jistgħu jżommu s-sistema tagħhom ta' kodiċi alfa-numeriku ta' 12-il ċifra u jsegwu l-kodiċi tal-pajjiż fir-rigward ta' annimali mwielda sal-31 ta' Diċembru 1999 għall-Irlanda, għal Spanja, għall-Italja, u għall-Portugall, u għar-Renju Unit fir-rigward ta' annimali mwielda sat-30 ta' Ġunju 2000.

Artikolu 3

Database kkompjuterizzat

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista' tirreġistra fid-database kompjuterizzat għall-annimali bovini kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, kodiċi ta' identifikazzjoni fil-forma jew ta' kodiċi alfa b'żewġ ittri jew ta' kodiċi numeriku bi tliet ċifri kif imsemmi fl-Artikolu 2(a) ta' dan ir-Regolament irrispettivament mill-pajjiż li jidher fuq il-mezz ta' identifikazzjoni, sakemm tkun aċċertata t-traċċabilità sħiħa tal-annimal bovin.

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 911/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 911/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-karattri li jiffurmaw il-kodiċi ta' identifikazzjoni fuq iċ-ċomb tal-widnejn għandhom ikunu kif stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/949 (*1).

(*1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/949 tat-2 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 (ĠU L 143, 3.6.2017, p. 1).”"

(2)

L-Anness I jitħassar.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 653/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tikkettjar taċ-ċanga (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 33).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplementa r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lametti tal-widnejn, tal-passaporti u tar-reġistri (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 65).


ANNESS

Il-kodiċi tal-pajjiżi kif imsemmi fl-Artikolu 2:

Stat Membru

Il-kodiċi alfa b'żewġ ittri

Kodiċi numerika bi tliet ċifri

Il-Belġju

BE

056

Il-Bulgarija

BG

100

Ir-Repubblika Ċeka

CZ

203

Id-Danimarka

DK

208

Il-Ġermanja

DE

276

L-Estonja

EE

233

L-Irlanda

IE

372

Il-Greċja

EL

300

Spanja

ES

724

Franza

FR

250

Il-Kroazja

HR

191

L-Italja

IT

380

Ċipru

CY

196

Il-Latvja

LV

428

Il-Litwanja

LT

440

Il-Lussemburgu

LU

442

L-Ungerija

HU

348

Malta

MT

470

In-Netherlands

NL

528

L-Awstrija

AT

040

Il-Polonja

PL

616

Il-Portugall

PT

620

Ir-Rumanija

RO

642

Is-Slovenja

SI

705

Is-Slovakkja

SK

703

Il-Finlandja

FI

246

L-Iżvezja

SE

752

Ir-Renju Unit

UK

826


Top