Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0747

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/747 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji dwar il-kalkolu relatat ta' kontribuzzjonijiet ex-ante, u dwar iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkun parzjalment jew kompletament differit (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2015/9016

    ĠU L 113, 29.4.2017, p. 2–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/747/oj

    29.4.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 113/2


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/747

    tas-17 ta' Diċembru 2015

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji dwar il-kalkolu relatat ta' kontribuzzjonijiet ex-ante, u dwar iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkun parzjalment jew kompletament differit

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 69(5) u 71(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (“il-Fond”) ġie stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 bħala arranġament ta' finanzjament uniku għall-Istati Membri kollha parteċipanti fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2) u fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (“l-Istati Membri parteċipanti”).

    (2)

    L-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jistabbilixxi l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (“il-Fond”) u l-iskopijiet li għalihom il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (“il-Bord”) jista' juża l-Fond.

    (3)

    Skont l-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Fond għandu jintuża fi proċeduri ta' riżoluzzjoni meta l-Bord iqis li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-għodod ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-missjoni tal-Fond. Għaldaqstant il-Fond għandu jkollu riżorsi finanzjarji adegwati biex jippermetti għal funzjonament effettiv tal-qafas ta' riżoluzzjoni billi jkun jista' jintervjeni, fejn meħtieġ, għall-applikazzjoni effettiva tal-għodod ta' riżoluzzjoni u biex tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja mingħajr rikors għal flus tal-kontribwenti.

    (4)

    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jipprovdi li l-Bord jingħata s-setgħa li jikkalkula l-kontribuzzjonijiet individwali ex-ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha, skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, u li dawn il-kontribuzzjonijiet annwali għandhom jiġu kkalkulati abbażi ta' livell fil-mira uniku stabbilit bħala perċentwali tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha

    (5)

    F'konformità mal-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Bord għandu għalhekk jiżgura li l-mezzi finanzjarji disponibbli tal-Fond jilħqu mill-inqas il-livell fil-mira msemmi fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 sal-aħħar ta' perjodu inizjali ta' tmien snin mill-1 ta' Jannar 2016, jew, inkella, mid-data li fiha l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 ikun applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 99(6) ta' dak ir-Regolament.

    (6)

    F'konformità mal-Artikoli 67 u 69 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Bord għandu jiżgura li, matul il-perjodu inizjali msemmi fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, li l-kontribuzzjonijiet lill-Fond jinfirxu tul iż-żmien bl-aktar mod ekwu possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira u għandu jestendi l-perjodu inizjali b'massimu ta' erba' snin fil-każ li l-Fond ikun għamel żborzi kumulattivi ta' aktar minn 50 % tal-livell fil-mira u fejn il-kriterji ta' dan ir-Regolament jiġu ssodisfati. B'hekk, il-kontribuzzjonijiet annwali li saru skont l-Artikoli 69(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jistgħu jkunu iktar minn 12,5 % tal-livell fil-mira. Jekk, wara l-perjodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli jonqsu taħt il-livell fil-mira, il-Bord għandu jiżgura li l-kontribuzzjonijiet ex-ante jinġabru sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira. Wara li jkun intlaħaq il-livell fil-mira għall-ewwel darba u fejn il-mezzi finanzjarji disponibbli jkunu sussegwentement tnaqqsu għal anqas minn żewġ terzi tal-livell fil-mira, il-Bord għandu jiżgura li dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu stabbiliti f'livell li jippermetti li jintlaħaq il-livell immirat fi żmien sitt snin. Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet annwali msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 69(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jistgħu jaqbżu t-12,5 % tal-livell ta' mira biex jintlaħaq il-livell immirat fi żmien sitt snin

    (7)

    F'konformità mal-Artikolu 69(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista' jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri għandu jitqies fil-kalkolu ta' kontribuzzjonijiet ex-ante.

    (8)

    Kwalunkwe varjazzjoni li tirriżulta f'inqas kontribuzzjonijiet ex-ante għandha tiġi kkalkulata billi jitqies il-fatt li din tista' eventwalment twassal għal żieda sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq il-livell fil-mira fi żmien l-iskadenzi stabbiliti.

    (9)

    Kwalunkwe varjazzjoni għal-livell ta' kontribuzzjonijiet ex-ante jew estensjonijiet tal-perjodu inizjali għandhom jiġu applikati b'mod ugwali għall-istituzzjonijiet kollha fl-Istati Membri parteċipanti sabiex ma jirriżultawx f'allokazzjoni mill-ġdid tal-kontribuzzjonijiet fost dawk l-istituzzjonijiet.

    (10)

    Skont l-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Bord għandu jiddiferixxi, b'mod sħiħ jew parzjali, pagament minn istituzzjoni ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post meta dan ikun neċessarju biex tiġi pprotetta l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu. Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk differiment ikunx meħtieġ biex tiġi pprotetta l-pożizzjoni finanzjarja ta' istituzzjoni, il-Bord għandu jivvaluta l-impatt li pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkollu fuq il-pożizzjoni ta' solvenza jew likwidità ta' dik l-istituzzjoni.

    (11)

    Id-differiment ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post għandu jingħata mill-Bord fuq talba ta' istituzzjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni mill-Bord li dik l-istituzzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet għal differiment kif stipulat fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tipprovdi kull informazzjoni meqjusa meħtieġa mill-Bord biex twettaq din il-valutazzjoni. Il-Bord għandu jqis l-informazzjoni kollha disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' rekwiżiti ta' notifika.

    (12)

    Meta jiġi vvalutat l-impatt tal-pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post dwar is-solvenza jew il-likwidità tal-istituzzjoni, il-Bord għandu janalizza l-impatt tal-pagament fuq il-pożizzjoni tal-kapital u tal-likwidità tal-istituzzjoni. L-analiżi għandha tassumi telf fuq il-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni li jkun daqs l-ammont pagabbli fil-mument meta dan ikun dovut u tagħmel projezzjoni tal-l-proporzjonijiet kapitali tal-istituzzjoni wara dan it-telf għal perjodu xieraq ta' żmien. Barra minn hekk, hija għandha tassumi ħruġ ta' fondi daqs l-ammont pagabbli fil-mument meta jkun dovut u għandha tivvaluta r-riskju tal-likwidità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

    Artikolu 1

    Is-suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li jispeċifikaw:

    (1)

    il-kriterji biex jitqassmu matul iż-żmien il-kontribuzzjonijiet għall-Fond skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014;

    (2)

    il-kriterji għad-determinazzjoni tal-għadd ta' snin li bihom il-perjodu inizjali msemmi fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jista' jiġi estiż f'konformità mal-Artikolu 69(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014;

    (3)

    il-kriterji għall-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet annwali pprovdut għalihom fl-Artikolu 69(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014;

    (4)

    iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkun parzjalment jew kompletament differit skont l-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, tapplika ukoll id-definizzjoni li ġejja:

    (1)

    “perjodu inizjali” tfisser perjodu msemmi fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014;

    (2)

    “perjodu ta' differiment” tfisser perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur.

    KAPITOLU II

    IL-KRITERJI RELATATI MA' KONTRIBUZZJONIJIET EX-ANTE

    Artikolu 3

    Il-Kriterji għat-tifrix matul iż-żmien ta' kontribuzzjonijiet ex-ante matul il-perjodu inizjali

    1.   Meta tiġi vvalutata l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista' jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri f'konformità mal-Artikolu 69(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Bord iqis mill-inqas l-indikaturi li ġejjin:

    (a)

    l-indikaturi makroekonomiċi stabbiliti fl-Anness, biex jidentifikaw il-fażi taċ-ċiklu tan-negozju;

    (b)

    l-indikaturi stabbiliti fl-Anness, biex jidentifikaw il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri.

    2.   L-indikaturi kkunsidrati mill-Bord jiġu stabbiliti fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha flimkien.

    3.   Kwalunkwe deċiżjoni li jieħu l-Bord għat-tifrix ta' kontribuzzjonijiet matul iż-żmien tiġi applikata b'mod ugwali għall-istituzzjonijiet kollha li jikkontribwixxu għall-Fond.

    4.   F'kull perjodu kontributorju, il-livell ta' kontribuzzjonijiet annwali jista' jkun relattivament aktar baxx mill-medja tal-kontribuzzjonijiet annwali kkalkolati skont l-Artikoli 69(1) u 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, ħlief fejn il-Bord jivverifika li bbażat fuq projezzjonijiet konservattivi, il-livell fil-mira jista' jintlaħaq fi tmiem il-perjodu inizjali.

    Artikolu 4

    Il-kriterji għad-determinazzjoni tal-għadd ta' snin li bihom il-perjodu inizjali jista' jiġi estiż

    1.   Meta jiġi determinat l-għadd ta' snin li bihom il-perjodu inizjali msemmi fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jista' jiġi estiż f'konformità mal-Artikolu 69(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Bord iqis mill-inqas il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    l-għadd minimu ta' snin meħtieġa biex jintlaħaq il-livell fil-mira msemmi fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, soġġett għal kontribuzzjonijiet annwali ta' mhux aktar minn darbtejn il-kontribuzzjonijiet annwali medji matul il-perjodu inizjali);

    (b)

    il-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista' jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri, kif speċifikat mill-indikaturi msemmija fl-Artikolu 3(1);

    (c)

    kwalunkwe pagamenti addizzjonali tal-Fond mistennija mill-Bord, wara konsultazzjoni mal-BERS, fil-perjodu sussegwenti ta' erba' snin.

    2.   Il-Bord, fl-ebda ċirkostanza, ma jestendi l-perjodu inizjali għal aktar minn erba' snin.

    Artikolu 5

    Il-kriterji għall-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet annwali wara l-perjodu inizjali

    Meta jiġu kkalkulati l-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 69(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Bord għandu jqis il-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista' jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri, kif speċifikat mill-indikaturi msemmija fl-Artikolu 3(1).

    KAPITOLU III

    ID-DIFFERIMENT TA' KONTRIBUZZJONIJIET EX-POST

    Artikolu 6

    Id-differiment ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post

    1.   Il-Bord, fuq inizjattiva tiegħu stess wara li jikkonsulta mal-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni jew fuq proposta mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, ivarja, b'mod sħiħ jew parzjali, pagament minn istituzzjoni ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post f'konformità mal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, jekk dan ikun neċessarju biex tiġi pprotetta l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu.

    2.   Id-differiment ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jingħata mill-Bord fuq talba ta' istituzzjoni. Dik l-istituzzjoni tipprovdi kull informazzjoni meqjusa meħtieġa mill-Bord biex twettaq il-valutazzjoni tal-impatt tal-pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħha. Il-Bord iqis l-informazzjoni kollha disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jistabbilixxi jekk dik l-istituzzjoni tissodisfax il-kondizzjonijiet għal differiment imsemmija fil-paragrafu 4.

    3.   Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk dik l-istituzzjoni tissodisfax il-kondizzjonijiet għal differiment, il-Bord jivvaluta l-impatt li pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkollu fuq il-pożizzjoni ta' solvenza jew likwidità ta' dik l-istituzzjoni. Fejn dik l-istituzzjoni tkun parti minn grupp, il-valutazzjoni tinkludi wkoll l-impatt fuq is-solvenza u l-likwidità tal-grupp kollu kemm hu.

    4.   Il-Bord jista' jiddiferixxi l-pagement ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post fejn jikkonkludi li l-pagament jirriżulta fi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    ksur probabbli, fi żmien sitt xhur, tar-rekwiżiti minimi tal-fondi proprji tal-istituzzjoni stipulati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

    (b)

    ksur probabbli, fi żmien sitt xhur, tar-rekwiżit minimu ta' kopertura tal-likwidità tal-istituzzjoni stipulat fl-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u speċifikat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 (4).

    (c)

    ksur probabbli, fi żmien sitt xhur, tar-rekwiżit speċifiku tal-likwidità tal-istituzzjoni stipulat fl-Artikolu 105 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    5.   Il-Bord jillimita l-perjodu ta' differiment sa fejn huwa meħtieġ biex jiġu evitati riskji rigward il-pożizzjoni finanzjarja ta' dik l-istituzzjoni jew il-grupp tagħha. Il-Bord jissorvelja regolarment jekk il-kondizzjonijiet għal differiment msemmija fil-paragrafu 4 ikomplux japplikaw matul il-perjodu tad-differiment.

    6.   Fuq talba ta' dik l-istituzzjoni, il-Bord jista' jġedded il-perjodu tad-differiment, fejn jiddetermina li jkomplu japplikaw il-kondizzjonijiet għal differiment msemmija fil-paragrafu 4. Dan it-tiġdid ma jaqbiżx is-sitt (6) xhur.

    Artikolu 7

    Il-Valutazzjoni tal-impatt tad-differiment fuq is-solvenza

    1.   Il-Bord, jew l-awtorità nazzjonali ta'riżoluzzjoni, jivvalutaw l-impatt tal-pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post fuq il-pożizzjoni tal-kapital regolatorju tal-istituzzjoni. Dik il-valutazzjoni tinkludi analiżi tal-impatt li l-pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkollu fuq il-konformità tal-istituzzjoni mar-rekwiżiti minimi tal-fondi proprji stipulati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    2.   Għall-iskop ta' din il-valutazzjoni, l-ammont ta' kontribuzzjonijiet ex-post jitnaqqas mill-pożizzjoni tal-fondi proprji tal-istituzzjoni.

    3.   L-analiżi msemmija fil-paragrafu 1 tkopri tal-inqas il-perjodu sad-data ta' remittenza li jmiss tar-rappurtar tar-rekwiżiti tal-fondi proprji stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (6).

    Artikolu 8

    Il-Valutazzjoni tal-impatt ta' differiment fuq il-likwidità

    1.   Il-Bord, jew l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, tivvaluta l-impatt ta' pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post fuq il-pożizzjoni tal-likwidità tal-istituzzjoni. Dik il-valutazzjoni tinkludi analiżi tal-impatt li pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkollu fuq il-kapaċità tal-istituzzjoni li tissodisfa r-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità previst fl-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u speċifikat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61.

    2.   Għall-finijiet tal-analiżi deskritta fil-paragrafu 1, il-Bord iżid fluss ta' ħruġ tal-likwidità, ugwali għal 100 % tal-ammont pagabbli fil-mument meta l-pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post hu dovut, għall-kalkolu ta' flussi ta' ħruġ netti tal-likwidità kif stabbilit fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61.

    3.   Il-Bord jivvaluta wkoll l-impatt ta' tali ħruġ stabbilit skont il-paragrafu 2 dwar ir-rekwiżiti speċifiċi ta' likwidità stabbiliti fl-Artikolu 105 tad-Direttiva 2013/36/UE.

    4.   L-analiżi msemmija fil-paragrafu 1 tkopri tal-inqas il-perjodu li jmiss tad-data ta' remittenza tar-rappurtar għar-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1)

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338)

    (6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1.).


    ANNESS

    Indikaturi makroekonomiċi li jidentifikaw il-fażi taċ-ċiklu tan-negozju

    L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku u tat-Tbassir tat-Tkabbir tal-PDG mill-Kummissjoni Ewropea.

    Il-Projezzjonijiet Makroekonomiċi tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-Tkabbir tal-PDG għaż-Żona tal-Euro.

    Indikaturi biex tiġi identifikata l-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri

    (1)

    Fluss ta' Kreditu fis-Settur Privat fuq il-PDG u Bidla fit-Total tal-Obbligazzjonijiet tas-Settur Finanzjarju mit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Iżbilanċi Makroekonomiċi.

    (2)

    Indikatur Kompost ta' Kriżi Sistemika u l-Probabbiltà ta' inadempjenza simultanja minn tnejn jew aktar gruppi bankarji kbar u kumplessi tal-Istati Membri parteċipanti mit-Tabella Opeattiva tar-Riskji tal-BERS.

    (3)

    Bidliet fl-istandards tal-kreditu għal self lil unitajiet domestiċi (għal xiri ta' djar) u bidliet fl-istandards tal-kreditu għal self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji mit-Tabella Opeattiva tal-BERS.

    (4)

    Indikaturi fuq il-profittabiltà ta' gruppi bankarji kbar tal-Istati Membri parteċipanti li jinsabu fit-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Bankarja Ewropea, bħar-Redditu fuq l-Ekwità u Introjtu mill-imgħax nett għall-introjtu operatorju kollu.

    (5)

    Indikaturi dwar is-solvenza ta' gruppi bankarji kbar tal-Istati Membri parteċipanti li jinsabu fit-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Bankarja Ewropea, bħal kapital tal-Grad 1 għall-assi totali minbarra assi intanġibbli u Self danneġġat u self skadut għal self totali.


    Top