Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0670

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/670 tal-31 ta' Jannar 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċessi ta' produzzjoni awtorizzati sabiex jinkisbu prodotti tal-inbid aromatizzat

C/2017/0403

ĠU L 97, 8.4.2017, pp. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/670/oj

8.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 97/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/670

tal-31 ta' Jannar 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċessi ta' produzzjoni awtorizzati sabiex jinkisbu prodotti tal-inbid aromatizzat

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Tradizzjonalment, il-prodotti tal-inbid aromatizzat jiġu prodotti fl-Unjoni; dawn jikkostitwixxu settur importanti għall-produtturi u għall-konsumaturi u huma suq importanti għall-agrikoltura tal-Unjoni. L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 jistipula r-rekwiżiti, ir-restrizzjonijiet u d-deskrizzjonijiet skont liema l-inbejjed aromatizzati għandhom jiġu prodotti. Dan jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni tadotta att delegat sabiex tistabbilixxi l-proċessi ta' produzzjoni sabiex jinkisbu prodotti tal-inbid aromatizzat.

(2)

Sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi, jiġu evitati l-prattiki qarrieqa u tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta fost il-produtturi, għandhom jiġu stabbiliti kriterji ddefiniti b'mod ċar għall-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014, il-Kummissjoni għandha tqis il-proċessi ta' produzzjoni rrakkomandati u ppubblikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV).

(3)

Il-proċessi tal-produzzjoni għall-prodotti tal-inbid aromatizzat irrakkomandati u ppubblikati mill-OIV huma inklużi fir-Riżoluzzjoni OENO 439-2012 tal-OIV u għandhom jintużaw bħala referenza għall-istabbiliment tal-proċessi ta' produzzjoni awtorizzati fl-Unjoni. Madankollu, minn konsultazzjoni li saret mal-esperti tal-Istati Membri u mar-rappreżentanti tas-settur tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, ħareġ li xi wħud minn dawk il-proċessi ma jirriflettux għalkollox il-prattiki tradizzjonali tal-produzzjoni tal-Unjoni. Għalhekk dawn għandhom jiġu adattati u kkompletati sabiex jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet tal-produtturi f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodi ta' produzzjoni u għall-aspettattivi tal-konsumaturi f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwalità tal-prodotti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-proċessi tal-produzzjoni għall-prodotti tal-inbid aromatizzat

Il-proċessi ta' produzzjoni awtorizzati sabiex jinkisbu prodotti tal-inbid aromatizzat, skont ir-Regolament (UE) Nru 251/2014, huma dawk imniżżlin fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14.


ANNESS

Lista tal-proċessi ta' produzzjoni awtorizzati msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 251/2014

Numru

Proċess tal-produzzjoni

Għan

Kundizzjonijiet tal-użu

Rekwiżiti

1

L-aċidifikazzjoni u d-deaċidifikazzjoni

Li tiżdied jew tonqos l-aċidità totali u l-aċidità reali (li jonqos jew jiżdied il-pH), sabiex il-prodott jingħata karatteristiċi organolettiċi speċifiċi u tiżdiedlu l-istabbiltà.

Ipproċessar bl-elettromembrani

Trattament bl-iskambjaturi tal-katjoni

Għall-ipproċessar bl-elettromembrani għall-aċidifikazzjoni, għandhom japplikaw mutatis mutandis ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Appendiċi 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 (1).

Għall-ipproċessar bl-elettromembrani għad-deaċidifikazzjoni, għandhom japplikaw mutatis mutandis ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Appendiċi 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009.

Għall-użu tal-iskambjaturi tal-katjoni, għandhom japplikaw mutatis mutandis ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Appendiċi 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009.

2

It-tisfija u ċ-ċentrifugazzjoni

Li jinkisbu:

it-trasparenza tal-prodotti;

l-istabbiltà bijoloġika billi jitneħħew il-mikrorganiżmi; u

l-istabbiltà kimika.

Il-prodotti tal-inbejjed aromatizzati jgħaddu minn filtri li jaqbdu l-partiċelli sospiżi, bis-sustanzi f'soluzzjoni kollojdali.

Il-filtrazzjoni tista' ssir b'aġent tal-filtrazzjoni inert jew mingħajru, b'membrani organiċi jew minerali, inklużi membrani semipermeabbli.

 

3

Il-korrezzjoni tal-lewn u tat-togħma

Li jiġi aġġustat il-lewn tal-prodott.

Li l-prodott jingħata karatteristiċi organolettiċi speċifiċi.

Trattament bil-karbonju enoloġiku.

Trattament bil-polivinilpolipirrolidon.

Il-karbonju: massimu ta' 200 gramma għal kull ettolitru

Il-polivinilpolipirrolidon: massimu ta' 80 gramma għal kull ettolitru

4

Iż-żieda fil-kontenut ta' alkoħol

Li jiżdied il-kontenut ta' alkoħol

It-tneħħija tal-ilma permezz:

ta' tekniki tat-tisħiħ ta' tnaqqis bħall-ożmożi inversa;

tal-krijokonċentrazzjoni permezz tal-iffriżar u tat-tneħħija tas-silġ li jkun ġie ffurmat b'dan il-mod.

Il-fermentazzjoni sekondarja billi jiżdied iz-zokkor fermentabbli minn fost dak imsemmi fl-Anness I(2) tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 u wara l-fermentazzjoni permezz ta' ħmejjer magħżulin.

 

5

It-tnaqqis fil-kontenut tal-alkoħol

Li jitnaqqas il-kontenut tal-alkoħol

Is-separazzjoni tal-etanol bl-użu ta' tekniki fiżiċi tas-separazzjoni.

Il-prodotti tal-inbid aromatizzat ittrattati ma għandu jkollhom l-ebda nuqqas organolettiku u għandhom ikunu adattati għall-konsum dirett mill-bniedem.

Ma jistax jitnaqqas l-alkoħol fi prodott tal-inbid aromatizzat jekk tkun saret xi waħda mill-operazzjonijiet li ġejjin waqt il-preparazzjoni tal-prodott tal-inbid aromatizzat:

iż-żieda tal-alkoħol;

il-konċentrazzjoni; jew

il-fermentazzjoni sekondarja.

6

L-istabbilizzazzjoni tartarika

Li tinkiseb l-istabbiltà tartarika b'rabta mat-tartrat idroġenat tal-potassju, mat-tartrat tal-kalċju u ma' mlieħ oħrajn tal-kalċju.

Trattament bl-elettrodijaliżi

Trattament bl-iskambjatur tal-katjoni li matulu l-inbid bażiku jgħaddi minn ġo kolonna mimlija bir-reżina polimerika li tirreaġixxi bħala polielettrolit li ma jistax jinħall u li l-katjoni tagħha jistgħu jinbidlu ma' katjoni tal-ambjent tal-madwar.

It-tkessiħ billi l-prodotti jinżammu f'temperatura mnaqqsa

Għat-trattament bl-elettrodijaliżi, għandhom japplikaw mutatis mutandis ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Appendiċi 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009.

Għall-użu tal-iskambjaturi tal-katjoni, għandhom japplikaw mutatis mutandis ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Appendiċi 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009.

7

It-taħlit

Li jiġi aġġustat il-profil organolettiku finali tal-prodotti tal-inbid aromatizzat

It-taħlit ta' prodotti differenti tas-settur tal-inbid, kif imsemmi fil-punti 2(a), 3(a) u 4(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014.

 

8

Il-preservazzjoni permezz tas-sħana

Li jiġi ppreservat il-prodott billi tiġi żgurata l-istabbiltà mikrobijoloġika.

It-tisħin, inkluża l-pastorizzazzjoni. It-tisħin sat-temperatura li hemm bżonn biex jitneħħew il-batterji u l-ħmejjer.

 

9

Il-kjarifikazzjoni

Li jitneħħew il-komponenti li ma jinħallux

L-użu tal-għajnuniet għall-ipproċessar li ġejjin:

il-ġelatina li tittiekel;

il-proteini tal-pjanti li ġejjin mill-qamħ u mill-piżelli;

l-isinglass;

il-kaseina u l-kaseinati tal-potassju;

l-abjad tal-bajd;

il-bentonit;

id-diossidu tas-siliċju f'forma ta' ġell jew ta' soluzzjoni kollojdali.

 


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1).


Top