EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0586

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/586 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-kooperazzjoni f'attivitajiet superviżorji, verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2016/4415

OJ L 87, 31.3.2017, p. 382–386 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/586/oj

31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/382


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/586

tal-14 ta' Lulju 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-kooperazzjoni f'attivitajiet superviżorji, verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva emendatorja 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont id-Direttiva 2014/65/UE għandu jkollha ambitu biżżejjed u tkun ta' natura li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet ta' superviżjoni u l-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi jiskambjaw informazzjoni li tippermettilhom li jissorveljaw l-imġiba ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom.

(2)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jimmonitorjaw b'mod effettiv id-ditti tal-investiment, l-operaturi tas-suq u l-fornituri tas-servizz tad-dejta, huwa importanti għalihom li jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti dwar: informazzjoni ġenerali ta' sfond u dokumenti kostituttivi (inklużi dokumenti nazzjonali ta' inkorporazzjoni, jew dokumenti oħra li jipprovdu għarfien dwar l-istruttura u l-attivitajiet operattivi ta' entità); informazzjoni dwar il-proċess ta' awtorizzazzjoni; informazzjoni dwar il-korpi maniġerjali ta' ditti tal-investiment, inkluża pereżempju informazzjoni li tista' tivverifika l-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali bħal l-esperjenza tax-xogħol tagħhom (inkluż il-curriculum vitae tagħhom li jiddikjara l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti u l-attivitajiet professjonali jew ta' funzjonijiet oħra li bħalissa huma meħtieġa għall-finijiet tad-Direttiva 2014/65/UE); informazzjoni dwar ir-reputazzjoni tagħhom; informazzjoni dwar azzjonisti u membri b'holdings kwalifikati bħal informazzjoni tal-ġestjoni tan-negozju u r-reputazzjoni; informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tad-ditta inkluża informazzjoni dwar dawk id-ditti li ngħataw jew ġew rifjutati l-awtorizzazzjoni; informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-organizzazzjoni ta' swieq regolati; informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta' fornituri tas-servizz tad-dejta; informazzjoni dwar l-eżenzjonijiet mogħtija jew rifjutati biex il-klijenti jiġu kkategorizzati bħala “professjonali”; informazzjoni dwar sanzjonijiet u azzjoni ta' infurzar; informazzjoni dwar l-attivitajiet operattivi u l-imġiba rilevanti u storja tal-konformità.

(3)

Huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu wkoll jiskambjaw informazzjoni rilevanti għall-monitoraġġ effettiv ta' istituzzjonijiet ta' kreditu meta dawn jipprovdu servizzi ta' investiment jew iwettqu attivitajiet tal-investiment.

(4)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta' sorveljanza b'mod komprensiv, huwa importanti wkoll li jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni rilevanti li jista' jkollhom, inkluża informazzjoni dwar ditti tal-investiment, operaturi tas-suq, fornituri ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta, istituzzjonijiet ta' kreditu, kontropartijiet finanzjarji, membri jew parteċipanti ta' swieq regolati, faċilitajiet multilaterali tan-negozjar jew persuni eżenti skont l-Artikolu 2 jew 3 tad-Direttiva 2014/65/UE. Barra minn hekk, skont id-Direttiva 2014/65/UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni tal-isfond rilevanti dwar persuni li jipprovdu servizzi ta' investiment mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa.

(5)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(7)

L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(8)

L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi dwar dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji peress li dawn huma marbuta mal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti meta dawn jikkooperaw f'attivitajiet superviżorji, verifiki fuq il-post, u investigazzjonijiet u dan tqies bħala sproporzjonat fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' Applikazzjoni

L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti li għalihom issir talba għall-kooperazzjoni (l-awtorità li ssirilha t-talba) u l-awtorità kompetenti li tagħmel talba għall-kooperazzjoni (awtorità rikjedenti) skont l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/65/UE jistgħu jikkonċernaw l-entitajiet li ġejjin:

(a)

ditta tal-investiment, operatur tas-suq jew fornitur ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE;

(b)

istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Patlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li tipprovdi servizzi ta' investiment jew li twettaq attivitajiet ta' investiment,

(c)

kull persuna fiżika jew ġuridika oħra, jew kwalunkwe entità jew assoċjazzjoni mhux inkorporata, mhux speċifikati fil-punti (a) u (b).

Artikolu 2

Informazzjoni li għandha tiġi skambjata rigward id-ditti tal-investiment, l-operaturi tas-suq jew il-fornituri tas-servizz ta' rapportar tad-dejta

1.   Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li titlob kooperazzjoni din tista' titlob l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' entitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1:

(a)

informazzjoni ġenerali u dokumenti relatati mal-kostituzzjoni tal-entitajiet:

(i)

l-informazzjoni dwar l-isem tal-entitajiet prinċipali tagħhom, l-indirizz u/jew l-uffiċċju reġistrat, id-dettalji ta' kuntatt, in-numru nazzjonali ta' identifikazzjoni tal-entità u siltiet minn reġistri miżmuma fuq livell nazzjonali;

(ii)

informazzjoni dwar dokumenti kostituzzjonali li l-entitajiet huma rikjesti li jkollhom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tagħhom;

(b)

informazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2014/65/UE dwar il-proċess ta' awtorizzazzjoni ta' entità fejn din l-informazzjoni ma tkunx preżenti fuq ir-reġistru pubbliku tal-ESMA stabbilit skont l-Artikolu 8(1)(k) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;

(c)

informazzjoni marbuta mal membri tal-korp maniġerjali, jew il-persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-entitajiet, li ġew ipprovduti bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni li jinkludu:

(i)

l-ismijiet tagħhom, in-numru ta' identifikazzjoni personali (jekk disponibbli f'dak l-Istat Membru), post ta' residenza u d-dettalji ta' kuntatt;

(ii)

informazzjoni dwar il-pożizzjoni li fiha jinħatru dawn il-persuni fl-entità;

(iii)

organigramm tal-istruttura ta' tmexxija jew l-identifikazzjoni ta' persuni responsabbli għall-attivitajiet imwettqa skont id-Direttiva 2014/65/UE mill-entità;

(d)

informazzjoni meħtieġa biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali jew persuni li effettivament imexxu n-negozju ta' dawn l-entitajiet, inkluż:

(i)

informazzjoni marbuta mal-esperjenza tax-xogħol;

(ii)

informazzjoni dwar ir-reputazzjoni ta' membru jew persuna li jinkludu:

nformazzjoni dwar rekords kriminali, jew investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti, każijiet ċivili u amministrattivi rilevanti, u miżuri ta' dixxiplina (inkluża l-esklużjoni bħala direttur ta' kumpanija jew falliment, insolvenza jew proċeduri simili), permezz ta' ċertifikat uffiċjali jekk disponibbli, jew permezz ta' dokument ekwivalenti ieħor;

informazzjoni dwar investigazzjonijiet miftuħa, proċedimenti ta' infurzar, sanzjonijiet, jew deċiżjoni oħra ta' infurzar kontra persuna;

rifjut ta' reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex jitwettaq kummerċ, negozju jew professjoni; l-irtirar, revoka jew it-tmiem ta' tali reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja, jew esklużjoni minn korp regolatorju jew tal-gvern jew minn entità jew assoċjazzjoni professjonali;

tneħħija minn pożizzjoni ta' impjieg jew minn pożizzjoni ta' fiduċja, relazzjoni ta' fiduċjarju jew sitwazzjoni simili;

(e)

informazzjoni dwar l-azzjonisti u l-membri b'parteċipazzjoni kwalifikanti inklużi:

(i)

il-lista ta' persuni b'parteċipazzjoni kwalifikanti;

(ii)

għal azzjonisti li huma membri ta' grupp korporattiv, l-organigramm tal-grupp korporattiv li jindika l-attivitajiet imwettqa minn kull ditta fil-grupp u l-identifikazzjoni ta' xi ditti jew individwi fil-grupp li joperaw skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE;

(iii)

informazzjoni u dokumenti meħtieġa biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tagħhom;

(f)

informazzjoni dwar l-istruttura organizzattiva, il-kundizzjonijiet operattivi u l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE, inklużi:

(i)

informazzjoni dwar il-konformità u l-politiki tal-ġestjoni tar-riskju u l-proċeduri li huma meħtieġa skont id-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tal-entitajiet u l-aġenti marbuta tagħhom;

(ii)

rekords ta' konformità tal-entitajiet inkluża informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti;

(iii)

informazzjoni dwar arranġamenti organizzattivi u amministrattivi li jkunu mfasslin biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess kif definiti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/65/UE;

(iv)

fil-każ ta' ditti tal-investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji għall-bejgħ lil klijenti, informazzjoni dwar il-proċess għall-approvazzjoni ta' kull strument finanzjarju li jkun jinkludi informazzjoni dwar it-tqassim tas-suq fil-mira u l-istrateġija kif ukoll informazzjoni dwar l-arranġamenti ta' politika ta' rieżami tagħha;

(v)

fir-rigward ta' ditti tal-investiment, informazzjoni dwar l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(vi)

informazzjoni li tista' tintalab minn ditti tal-investiment f'konformità mal-attivitajiet u r-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/65/UE;

(g)

informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta' ditti tal-investiment mogħtija skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 2014/65/UE;

(h)

informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta' swieq regolati u fornituri ta' servizzi ta' rappurtar tad-dejta mogħtija rispettivament f'konformità mal-Artikoli 44, 45 u 46, kif ukoll l-Artikoli 59 sa 63 tad-Direttiva 2014/65/UE;

(i)

informazzjoni dwar l-eżenzjonijiet mogħtija jew miċħuda rigward il-klijenti li jistgħu jiġu ttrattati bħala professjonali fuq talba kif stipulat fl-Anness II tad-Direttiva 2014/65/UE;

(j)

informazzjoni dwar sanzjonijiet u azzjoni ta' infurzar imposti kontra l-entitajiet inklużi:

(i)

informazzjoni dwar sanzjonijiet imposti kontra entità, jew kontra membru tal-korp maniġerjali jew persuni li effettivament imexxu l-operat tal-entità;

(ii)

informazzjoni relatata ma' ksur minn entitajiet, jew mill-persuni li jilħqu pożizzjonijiet maniġerjali;

(iii)

informazzjoni dwar rekords kriminali, investigazzjonijiet kriminali jew amministrattivi, proċedimenti, każijiet ċivili u amministrattivi, u miżuri ta' dixxiplina, permezz ta' ċertifikat uffiċjali jekk disponibbli, jew permezz ta' dokument ekwivalenti ieħor;

(k)

informazzjoni relatata mal-attivitajiet operattivi u kondotta rilevanti u storja tal-konformità relatati mas-suġġett tat-talba inklużi:

(i)

informazzjoni relatata mal-attivitajiet tan-negozju tal-entità, skont id-Direttiva 2014/65/UE;

(ii)

minuti interni jew rekords miżmuma minn ditti u fergħat għall-ispezzjoni mill-awtorità kompetenti rilevanti;

(l)

kull informazzjoni oħra meħtieġa għal kooperazzjoni f'attivitajiet superviżorji, verifiki jew investigazzjonijiet fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

2.   Fejn Stati Membru jesiġi li ditta ta' pajjiż terz tistabbilixxi fergħa skont l-Artikolu 39(1) u (2) tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor tista' titlob mingħand l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni ta' dik il-fergħa, informazzjoni miksuba minn awtorità tal-Istat ta' oriġini fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-ftuħ tal-fergħa, inkluża:

(a)

informazzjoni rilevanti għall-monitoraġġ tal-konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew id-dispożizzjonijiet u l-miżuri adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b)

reazzjoni tal-korp maniġerjali tad-ditta tal-investiment tal-pajjiż terz, jew persuni li effettivament imexxu l-operat tal-entità, għall-mistoqsijiet mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 3

Informazzjoni li għandha tiġi skambjat rigward l-istituzzjonijiet ta' kreditu

Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li titlob kooperazzjoni din tista' titlob l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' entitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1:

(a)

l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (f), (i) u (j) tal-Artikolu 2(1);

(b)

kull informazzjoni oħra li tkun rilevanti għall-monitoraġġ ta' konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew id-dispożizzjonijiet u l-miżuri adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE;

(c)

kull informazzjoni oħra meħtieġa għal kooperazzjoni f'attivitajiet superviżorji, verifiki jew investigazzjonijiet fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Artikolu 4

Informazzjoni li għandha tiġi skambjata rigward il-persuni msemmijin fil-punt (c) tal-Artikolu 1

1.   Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li titlob kooperazzjoni fir-rigward ta' persuni fiżiċi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1 tista' titlob mill-inqas l-isem, id-data u l-post tat-twelid, in-numru nazzjonali ta' identifikazzjoni personali, l-indirizz, u d-dettalji ta' kuntatt.

2.   Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, jew kull entità jew assoċjazzjoni mhux inkorporata, imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1, awtorità kompetenti tista' titlob ukoll mill-inqas id-dokumenti li jiċċertifikaw l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tiegħu, u l-indirizz postali jekk differenti, id-dettalji ta' kuntatt u n-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali tiegħu; reġistrazzjoni tal-forma ġuridika skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti; lista kompleta tal-persuni li effettivament jmexxu n-negozju, l-isem, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta' kuntatt, in-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali tagħhom.

3.   Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu l-informazzjoni li ġejja li għandha tiġi skambjata b'rabta ma' persuni li jipprovdu servizzi jew attivitajiet ta' investiment mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa jew reġistrazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE:

(a)

dettalji dwar is-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment li qed jiġu pprovduti;

(b)

dettalji ta' kull persuna li jingħad ġiet ikkuntattjata minn individwu jew persuna ġuridika b'rabta mal-forniment ta' servizzi ta' investiment jew it-twettiq ta' attivitajiet ta' investiment mingħajr l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni meħtieġa.

4.   F'kull każ, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu informazzjoni fir-rigward ta' persuni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1 miksuba skont, u rilevanti għall-monitoraġġ tal-konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE jew jistgħu jitolbu kull informazzjoni oħra meħtieġa biex jikkooperaw f'attivitajiet superviżorji, verifiki jew investigazzjonijiet fuq il-post, imsemmija fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mid-data li tidher l-ewwel fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(4)  Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 1997 dwar skemi ta' kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22).

(5)  ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012. (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).


Top