EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0212

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/212 tas-7 ta' Frar 2017 li jaħtar il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar, li jistabbilixxi responsabbiltajiet u kompiti supplimentari għal dan il-laboratorju u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0659

OJ L 33, 8.2.2017, p. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/212/oj

8.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/27


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/212

tas-7 ta' Frar 2017

li jaħtar il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar, li jistabbilixxi responsabbiltajiet u kompiti supplimentari għal dan il-laboratorju u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (l-UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u għall-annimali ħajjin huma elenkati fil-Parti II tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament.

(2)

S'issa għad m'hemmx laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għandhom ikopru l-oqsma tal-liġi dwar l-għalf u l-ikel u tas-saħħa tal-annimali fejn huma meħtieġa riżultati analitiċi u dijanjostiċi preċiżi. It-tifqigħat tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar iwasslu għall-ħtieġa ta' riżultati analitiċi u dijanjostiċi preċiżi.

(3)

Fit-30 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni nediet sejħa għall-applikazzjonijiet biex tagħżel u taħtar laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar. Il-laboratorju magħżul “Centre de coopération internationale en recherche agronomique pour le développement (CIRAD)” għandu jinħatar bħala laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar.

(4)

Barra mill-funzjonijiet u d-dmirijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorju magħżul għandu jiġi assenjat ċerti kompiti u responsabbiltajiet speċifiċi. Dawn jikkonċernaw b'mod partikolari l-kollaborazzjoni bejn il-laboratorji ta' referenza nazzjonali tal-Istati Membri biex jappoġġaw il-funzjonijiet tagħhom u jipprovdu metodi ottimi għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar.

(5)

Għalhekk il-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandha tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-Centre de coopération internationale en recherche agronomique pour le développement (CIRAD), Montpellier, Franza jinħatar bħala laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar.

Ir-responsabbiltajiet u l-kompiti supplimentari ta' dak il-laboratorju huma stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, qed jiżdied il-punt 20 li ġej:

“20.

Laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar

“Centre de coopération internationale en recherche agronomique pour le développement (CIRAD)”

TA A-15/G,

Campus International de Baillarguet

34398 Montpellier Cedex

Franza”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

Ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar

Barra mill-funzjonijiet u d-dmirijiet ġenerali tal-laboratorji ta' referenza tal-UE fis-settur tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar għandu jkollu r-responsabbiltajiet u l-kompiti li ġejjin:

1.

li jiżgura l-kollaborazzjoni bejn il-laboratorji ta' referenza nazzjonali tal-Istati Membri u jipprovdi metodi ottimi għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar fil-bhejjem, speċifikament billi:

(a)

jagħmel tipizzazzjoni u karatterizzazzjoni antiġenika u ġenomika, jagħmel analiżi filoġenetika tal-vajrusijiet (ir-relazzjoni tagħhom ma' razez oħrajn tal-istess vajrus) u jaħżen ir-razez tal-vajrus tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar biex iħaffef is-servizzi ta' dijanjożi fl-Unjoni u, fejn ikun rilevanti u meħtieġ, pereżempju, biex ikun hemm segwitu epidemjoloġiku jew verifika ta' xi dijanjożi;

(b)

jibni u jżomm kollezzjoni aġġornata ta' razez u iżolati tal-vajrusijiet tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar u seri speċifiċi u reaġenti oħra kontra l-marda meta u jekk ikunu disponibbli;

(c)

jarmonizza d-dijanjożi u jiżgura ttestjar b'ħila fl-Unjoni bl-organizzazzjoni u t-tħaddim ta' provi komparattivi perjodiċi bejn il-laboratorji u eżerċizzji tal-assigurazzjoni tal-kwalità esterni dwar id-dijanjożi ta' din il-marda fil-livell tal-Unjoni u bit-tixrid perjodiku tar-riżultati ta' provi bħal dawn lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil-laboratorji ta' referenza nazzjonali kkonċernati;

(d)

iżomm għarfien espert dwar din il-marda li jippermetti dijanjożi divrenzjali rapida, b'mod partikolari minn ma' mard virali rilevanti ieħor;

(e)

iwettaq studji ta' riċerka bl-għan li jiżviluppa metodi mtejba ta' kontroll tal-mard, f'kollaborazzjoni mal-laboratorji ta' referenza nazzjonali maħtura għal din il-marda, u kif miftiehem mill-Kummissjoni;

(f)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar aspetti xjentifiċi marbutin mal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar u, b'mod partikolari, dwar l-għażla u l-użu tal-varjetajiet tal-vaċċin tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar;

2.

li jappoġġa l-funzjonijiet tal-laboratorji ta' referenza nazzjonali tal-Istati Membri maħtura għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar, partikularment billi:

(a)

jaħżen u jipprovdi seri standard u reaġenti oħra ta' referenza, bħall-vajrusijiet, l-antiġeni inattivati u l-linji taċ-ċelloli, lil dawn il-laboratorji, biex ikunu standardizzati t-testijiet dijanjostiċi u r-reaġenti użati f'kull Stat Membru fejn ikunu meħtieġa l-identifikazzjoni tal-aġent u/jew l-użu ta' testijiet seroloġiċi;

(b)

jgħin b'mod attiv fid-dijanjożi tal-mard b'rabta mas-suspett u l-konferma ta' tifqigħat fi Stati Membri billi jirċievi iżolati tal-vajrusijiet tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar għall-finijiet ta' dijanjożi konfermatorja, tal-karatterizzazzjoni tal-vajrus u tal-għoti ta' kontribut għall-investigazzjonijiet u l-istudji epidemjoloġiċi. Huwa għandu jibgħat ir-riżultati ta' dawn l-attivitajiet mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Istati Membri u lil-laboratorji ta' referenza nazzjonali kkonċernati;

3.

li jagħti l-informazzjoni u jwettaq taħriġ ulterjuri, partikolarment billi:

(a)

jiffaċilita l-provvista tat-taħriġ, ta' korsijiet ta' aġġornament u ta' sessjonijiet ta' ħidma għall-benefiċċju tal-laboratorji ta' referenza nazzjonali maħtura għad-dijanjożi tal-peste des petis ruminants u tal-esperti fid-dijanjostika fil-laboratorju bl-għan li jkun hemm armonizzazzjoni tat-tekniki dijanjostiċi għal din il-marda madwar l-Unjoni;

(b)

jipparteċipa f'fora internazzjonali li jikkonċernaw, b'mod partikolari, l-istandardizzazzjoni tal-metodi analitiċi għal din il-marda u l-implimentazzjoni tagħhom;

(c)

jikkollabora mal-laboratorji kompetenti rilevanti ta' pajjiżi terzi fejn din il-marda hija prevalenti li mhumiex Stati Membri tal-UE fir-rigward ta' metodi għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar;

(d)

jeżamina mill-ġdid, waqt il-laqgħa annwali tal-laboratorji ta' referenza nazzjonali maħtura għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar, ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-ittestjar stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (l-OIE) fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri u fil-Manwal ta' Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri;

(e)

jgħin lill-Kummissjoni fir-rieżami tar-rakkomandazzjonijiet tal-OIE stabbiliti fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri u fil-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini tal-Annimali Terrestri;

(f)

iżomm ruħu aġġornat dwar l-aħħar żviluppi fl-epidemjoloġija tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar.


Top