EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0185

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/185 tat-2 ta' Frar 2017 li jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0470

OJ L 29, 3.2.2017, p. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 03/02/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/185/oj

3.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/21


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/185

tat-2 ta' Frar 2017

li jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 jipprevedu bidliet sinifikanti fir-regoli u fil-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-operaturi tan-negozji tal-ikel u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Billi l-applikazzjoni b'effett immedjat ta' għadd ta' dawk ir-regoli u proċeduri, f'ċerti każijiet kienet toħloq diffikultajiet prattiċi, kien jeħtieġ li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali.

(2)

Ir-Rapport tat-28 ta' Lulju 2009 li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Iġjene (KE) Nru 852/2004, (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-rapport”) jippreżenta b'mod ġenerali l-esperjenza li nkisbet u d-diffikultajiet li nqalgħu fl-2006, fl-2007 u fl-2008, mill-partijiet kollha li kienu involuti fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti.

(3)

Ir-rapport jinkludi tagħrif dwar tal-esperjenzi li nkisbu fl-implimentazzjoni tal-miżuri tranżizzjonali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2076/2005 (4). Ir-rapport jirreferi wkoll għad-diffikultajiet li ġew osservati fir-rigward tal-provvista lokali ta' kwantitajiet żgħar ta' ċertu ikel, u jgħid li hemm bżonn ta' aktar kjarifika tal-kundizzjonijiet fuq l-importazzjoni meta japplikaw ir-regoli nazzjonali dwar l-importazzjoni, billi ma hemmx regoli fil-livell tal-Unjoni, u li l-kriżijiet li kien hemm minħabba li l-ikel impurtat kien fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti, kif ukoll prodotti ta' oriġini mill-annimali pproċessati (prodotti komposti) ikkonfermaw il-bżonn li jkun hemm aktar kontroll fuq dawn il-prodotti.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2013 (5) stabbilixxa l-miżuri tranżizzjonali għal perjodu ta' tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2016, biex jippermettu tranżizzjoni faċli għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli u l-proċeduri l-ġodda. It-tul taż-żmien tal-perjodu ta' tranżizzjoni ġie stabbilit filwaqt li tqies ir-rieżami tal-qafas regolatorju dwar l-iġjene previst fir-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004.

(5)

Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni li nġabret mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mingħand is-setturi rilevanti tan-negozju tal-ikel fl-Unjoni waqt awditi riċenti li wettqu l-ispetturi tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jinżammu ċerti miżuri tranżizzjonali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1079/2013 sakemm jiddaħħlu r-rekwiżiti permanenti msemmijin fil-preambolu ta' dan ir-Regolament.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jeskludi mill-kamp tal-applikazzjoni tiegħu l-forniment dirett mill-produtturi lill-konsumaturi aħħarin jew lil stabbilimenti tal-imnut lokali li jfornu direttament lill-konsumaturi aħħarin, ta' kwantitajiet żgħar ta' laħam frisk tat-tjur u tal-lagomorfi li jinqatlu fl-irziezet. Jekk din id-dispożizzjoni tkun limitata għal-laħam frisk, dan ikun piż addizzjonali fuq il-produtturi ż-żgħar. Għal din ir-raġuni, ir-Regolament (UE) Nru 1079/2013 jipprevedi deroga mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għall-forniment dirett ta' dawn il-prodotti bażiċi taħt ċerti kundizzjonijiet, mingħajr ma tiġi limitata għal-laħam frisk. Dik l-esklużjoni għandha tinżamm għal perjodu ta' tranżizzjoni miżjud previst f'dan ir-Regolament, filwaqt li titqies il-possibbiltà li jkun hemm deroga permanenti.

(7)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 jistipulaw ċerti regoli għall-importazzjoni ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali u ta' prodotti komposti fl-Unjoni. Ir-Regolament (UE) Nru 1079/2013 jipprevedi miżuri tranżizzjonali li jidderogaw minn xi wħud minn dawk ir-regoli għal ċerti prodotti komposti li fil-livell tal-Unjoni għad ma hemmx rekwiżiti dwarhom mil-lat tas-saħħa pubblika biex jiġu importati fl-Unjoni, eż. għall-prodotti komposti barra dawk imsemmijin fl-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 (6)

(8)

Bħalissa waslet biex tiġi adottata bi proċedura leġiżlattiva ordinarja proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-kontrolli uffiċjali fil-katina agroalimentari. Ladarba dak ir-Regolament jiġi adottat u jkun japplika, se jkun jipprevedi bażi ġuridika għal approċċ addattat għar-riskji biex il-prodotti komposti jiġu kontrollati mal-importazzjoni. Jeħtieġ li jiġu previsti aktar derogi tul perjodu ta' tranżizzjoni miżjud ta' erba' snin sa meta huwa mistenni li jkun sar japplika r-Regolament il-ġdid.

(9)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 jippermettu l-importazzjoni tal-ikel ta' oriġini mill-annimali minn stabbilimenti li jaħdmu bi prodotti ta' oriġini mill-annimali li dwarhom l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 ma jistipula ebda rekwiżit speċifiku sakemm ma tiġix stabbilita lista armonizzata ta' pajjiżi awtorizzati li mhumiex membri tal-UE u jiġi stabbilit mudell ta' ċertifikat tal-importazzjoni. Jinħtieġ aktar żmien għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi barra mill-UE, meta jitqies l-impatt possibbli fuq l-importazzjoni ta' dan it-tip ta' ikel mill-istabbiliment ta' din il-lista u tal-mudell taċ-ċertifikat tal-importazzjoni.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 għal perjodu ta' tranżizzjoni mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 2

Deroga li tikkonċerna l-forniment dirett ta' kwantitajiet żgħar ta' laħam tat-tjur u tal-lagomorfi

B'deroga mill-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, id-dispożizzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-forniment dirett, mill-produttur lill-konsumatur aħħari jew lill-istabbilimenti tal-imnut lokali li jfornu b'mod dirett lill-konsumatur aħħari, ta' kwantitajiet żgħar ta' laħam tat-tjur u tal-lagomorfi li jinqatlu fir-razzett.

Artikolu 3

Deroga li tikkonċerna r-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali u ta' ikel li fih prodotti ta' oriġini veġetali kif ukoll prodotti pproċessati ta' oriġini mill-annimali

1.   L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 ma għandux japplika għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali li għalihom, fil-livell tal-Unjoni, ma ġie stabbilit l-ebda rekwiżit armonizzat tas-saħħa pubblika biex jiġu importati.

L-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tal-Istat Membru li jimportahom.

2.   B'deroga mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-operaturi tan-negozji tal-ikel li jimportaw ikel li fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali, minbarra dawk imsemmijin fl-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 għandhom ikunu eżentati mill-obbligi previsti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

L-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tal-Istat Membru li jimportahom.

Artikolu 4

Deroga li tikkonċerna l-proċeduri tas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali

Il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 ma għandux japplika għall-importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali li għalihom l-ebda kundizzjoni armonizzata tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni ma ġiet stabbilita fil-livell tal-Unjoni.

L-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tal-Istat Membru li jimportahom.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(3)  COM(2009) 403 finali.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi l-arranġamenti tranżizzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004, (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2013 tal-31 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 292, 1.11.2013, p. 10).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 tal-11 ta' Jannar 2012 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tal-importazzjoni għall-Unjoni u tat-tranżitu minn ġol-Unjoni ta' ċerti prodotti komposti u li jemenda d-Deċiżjoni 2007/275/KE u r-Regolament (KE) Nru 1162/2009 (ĠU L 12, 14.1.2012, p. 1).


Top