Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017L0853

Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

OJ L 137, 24.5.2017, p. 22–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/853/oj

24.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/22


DIRETTIVA (UE) 2017/853 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2017

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE (3) stabbiliet miżura ta' akkumpanjament għas-suq intern. Ħolqot bilanċ bejn, minn naħa waħda, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta' moviment għal xi armi tan-nar u komponenti essenzjali tagħhom fl-Unjoni, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li dik il-libertà tiġi kkontrollata b'garanziji ta' sigurtà, adatti għal dawk il-prodotti.

(2)

Ċerti aspetti mid-Direttiva 91/477/KEE jeħtieġ li jiġu mtejba aktar b'mod proporzjonat, biex jindirizzaw l-użu ħażin ta' armi tan-nar għal finijiet kriminali, u l-kunsiderazzjoni tal-atti terroristiċi li seħħew dan l-aħħar. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni sejħet fil-komunikazzjoni tagħha tat-28 ta' April 2015 dwar l-“Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà”, għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva u għal approċċ komuni dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar bħala prevenzjoni kontra l-attivazzjoni mill-ġdid u l-użu tagħhom mill-kriminali.

(3)

Ladarba l-armi tan-nar jiġu akkwistati u jinżammu fil-pussess b'mod legali f'konformità mad-Direttiva 91/477/KEE, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġarr tal-armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersall.

(4)

Għall-finijiet tad-Direttiva 91/477/KEE, jenħtieġ li d-definizzjoni ta' sensar tkopri kwalunkwe persuna naturali jew legali, inklużi soċjetajiet f'isem kollettiv, u t-terminu “provvista” jenħtieġ li jitqies li jinkludi self u lokazzjoni. Peress li s-sensara jipprovdu servizzi simili għal dawk ipprovduti min-negozjanti, jenħtieġ li dawn ukoll ikunu koperti mid-Direttiva 91/477/KEE fir-rigward ta' dawk l-obbligi ta' negozjanti li huma rilevanti għall-attivitajiet tas-sensara, sal-punt li dawn ikunu f'pożizzjoni li jwettqu dawk l-obbligi u sakemm dawn ma jitwettqux minn negozjant dwar l-istess tranżazzjoni sottostanti.

(5)

L-attivitajiet ta' negozjant jinkludu mhux biss il-manifattura iżda wkoll il-modifika jew il-konverżjoni ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon, bħat-tqassir ta' arma tan-nar sħiħa, li jwasslu għal bidla fil-kategorija jew is-sottokategorija tagħhom. Attivitajiet purament privati, mhux kummerċjali, bħal ikkargar bl-idejn u l-ikkargar mill-ġdid ta' munizzjon minn komponenti ta' munizzjon għal użu proprju jew modifiki tal-armi tan-nar jew komponenti essenzjali li jkunu proprjetà tal-persuna kkonċernata, bħal tibdil fiċ-ċipp jew verifika jew manutenzjoni li tindirizza t-tkagħbir bl-użu ta' komponenti essenzjali, jenħtieġ li ma jitqisux bħala attivitajiet li jitħalla jagħmel biss negozjant.

(6)

Sabiex tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali kollha u biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tagħhom, l-armi tan-nar kollha jew il-komponenti essenzjali tagħhom jenħtieġ li jiġu mmarkati b'mod ċar, permanenti u b'immarkar uniku u reġistrati fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords tal-Istati Membri.

(7)

Ir-reġistri miżmuma fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords jenħtieġ li jinkludu l-informazzjoni kollha li tippermetti li arma tan-nar tiġi marbuta mas-sid tagħha u jenħtieġ li jirreġistraw l-isem tal-manifattur jew il-marka kummerċjali, il-pajjiż jew il-post tal-manifattura, it-tip, il-marka, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje tal-arma tan-nar jew kwalunkwe marka unika applikata fuq il-qafas jew ir-riċevitur tal-arma tan-nar. Komponenti essenzjali minbarra l-qafas jew ir-riċevitur jenħtieġ li jiġu rreġistrati fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords taħt il-fajl relatat mal-arma tan-nar li jkunu se jiġu armati magħha.

(8)

Biex jiġi evitat li l-immarkar jitħassar faċilment u biex jiġi ċċarat fuq liema komponenti essenzjali jenħtieġ li jsir l-immarkar, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli tal-Unjoni komuni dwar l-immarkar. Dawk ir-regoli jenħtieġ li japplikaw biss għal armi tan-nar jew komponenti essenzjali li huma manifatturati jew importati fl-Unjoni fi jew wara l-14 ta' Settembru 2018, meta jiġu introdotti fis-suq, filwaqt li l-armi tan-nar u partijiet manifatturati jew importati fl-Unjoni qabel dik id-data jenħtieġ li jibqgħu koperti minn dawn il-ħtiġiet ta' mmarkar u reġistrazzjoni skont id-Direttiva 91/477/KEE li huma applikabbli sa dik id-data.

(9)

Fid-dawl tan-natura perikoluża u d-durabbiltà tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali, sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitraċċaw l-armi tan-nar u kompenenti essenzjali għall-fini ta' proċedimenti amministrattivi u kriminali u b'kont meħud tal-liġi proċedurali nazzjonali, jeħtieġ li rekords fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords jiġu miżmuma għal perijodu ta' 30 sena wara l-qerda tal-armi tan-nar jew tal-komponenti essenzjali kkonċernati. L-aċċess għal dawk ir-rekords u d-data personali kollha relatata jenħtieġ li jkun ristrett għall-awtoritajiet kompetenti u jenħtieġ li jkun permess biss sa 10 snin wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali kkonċernati għall-finijiet tal-għoti jew l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet jew għall-proċeduri doganali inkluż il-possibbiltà ta' impożizzjoni ta' penali amministrattivi, u sa 30 sena wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali kkonċernati fejn dak l-aċċess huwa meħtieġ għall-infurzar tad-dritt kriminali.

(10)

L-iskambju effiċjenti ta' informazzjoni bejn in-negozjanti u s-sensara, minn naħa, u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, min-naħa l-oħra, huwa importanti għall-operazzjoni effettiva tas-sistemi ta' arkivjar tar-rekords. In-negozjanti u s-sensara jenħtieġ għalhekk li jipprovdu informazzjoni mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet kompetentinazzjonali. Sabiex dak jiġi ffaċilitat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistabbilixxu mezzi ta' konnessjoni elettronika aċċessibbli għan-negozjanti u s-sensara, li jistgħu jinkludu s-sottomissjoni tal-informazzjoni bil-posta elettronika jew direttament permezz ta' bażi ta' data jew reġistru ieħor.

(11)

Fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri li jkollhom sistema ta' monitoraġġ biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-ġarr ta' armi tan-nar jiġu ssodisfatti għat-tul kollu tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu jekk il-valutazzjoni tkunx trid tinvolvi jew le test mediku jew psikoloġiku minn qabel.

(12)

Mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jindirizzaw ir-responsabbiltà professjonali, jenħtieġ li l-valutazzjoni ta' informazzjoni medika jew psikoloġika rilevanti ma tkunx preżunta li tassenja responsabbiltà lill-professjonist mediku jew persuni oħra li jipprovdu tali informazzjoni meta armi tan-nar li jkunu f'pussess f'konformità mad-Direttiva 91/477/KEE jiġu użati ħażin.

(13)

Jenħtieġ li l-armi tan-nar u l-munizzjon jinħażnu b'mod sikur meta ma jkunux taħt superviżjoni immedjata. Għajr jekk maħżuna f'kustodja sikura, armi tan-nar u munizzjon jenħtieġ li jinħażnu separatament minn xulxin. Meta l-arma tan-nar u l-munizzjon iridu jiġu mgħoddija lil trasportatur għat-trasport, jenħtieġ li dan it-trasportatur ikun responsabbli għas-superviżjoni u l-ħżin xierqa. Il-kriterji għall-ħżin kif suppost u t-trasport sikuri jenħtieġ li jiġu ddefiniti mal-liġi nazzjonali, waqt li jitqiesu l-għadd u l-kategorija tal-armi tan-nar u l-munizzjon ikkonċernati.

(14)

Id-Direttiva 91/477/KEE jenħtieġ li ma taffettwax ir-regoli tal-Istati Membri li jippermettu li tranżazzjonijiet leċiti li jinvolvu armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon jiġu organizzati permezz ta' ordnijiet bil-posta, bl-Internet jew kuntratti mill-bogħod fis-sens tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), pereżempju permezz ta' katalgi ta' rkant online jew reklami kklassifikati, permezz tat-telefon jew permezz tal-posta elettronika. Madankollu, huwa essenzjali li l-identitajiet tal-partijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet u l-kapaċità legali tagħhom li jidħlu f'tali tranżazzjonijiet tkun tista' tiġi ċċekkjata u ċċekkjata tassew. Fir-rigward tax-xerrejja, għaldaqstant huwa xieraq li jiġi żgurat li l-identità tagħhom u, fejn rilevanti, il-fatt tal-awtorizzazzjoni tagħhom sabiex jakkwistaw arma tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikunu ċċekkjati permezz ta' negozjant jew sensar liċenzjati jew awtorizzati, jew minn awtorità pubblika jew minn rappreżentant ta' dik l-awtorità, mhux aktar tard mill-kunsinna.

(15)

Għall-armi l-aktar perikolużi, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli aktar stretti fid-Direttiva 91/477/KEE sabiex jiżguraw li dawk l-armi tan-nar, b'xi eċċezzjonijiet raġonevoli limitati u debitament motivati, ma jitħallewx jiġu akkwistati, fil-pussess ta' xi ħadd u lanqas ma jitħallew jiġu kkummerċjalizzati. Jekk dawk ir-regoli ma jiġux rispettati, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa,li jistgħu jinkludu anke l-konfiska ta' dawk l-armi tan-nar.

(16)

Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jawtorizzaw l-akkwist u pussess ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikat fil-kategorija A fejn meħtieġ għal finijiet edukattivi, kulturali, inklużi ċ-ċinema u t-teatru, ta' riċerka jew storiċi. Il-persuni awtorizzati jistgħu jinkludu, inter alia, l-armiera, iċ-ċentri ta' ttestjar, il-manifatturi, l-esperti ċċertifikati, ix-xjenzati forensiċi u, f'ċerti każijiet, dawk involuti fir-reġistrazzjonijiet ċinematografiċi jew televiżivi. L-Istati Membri jenħtieġ ukoll jitħallew jawtorizzaw lil individwi jakkwistaw u jkunu fil-pussess ta' armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon ikklassifikat fil-kategorija A għal finijiet ta' difiża nazzjonali, bħal fil-kuntest ta' taħriġ militari volontarju previst taħt il-liġi nazzjonali.

(17)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li jagħtu awtorizzazzjonijiet lill-mużewijiet u l-kolletturi rikonoxxuti biex jakkwistaw u jżommu fil-pussess tagħhom armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikat fil-kategorija A meta jkun meħtieġ għal finijiet storiċi, kulturali, xjentifiċi, tekniċi, edukattivi jew ta' wirt storiku, sakemm tali mużewijiet u kolletturi juru, qabel jingħataw tali awtorizzazzjoni, li jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw kwalunkwe riskju għas-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħżin xieraq. Kwalunkwe awtorizzazzjoni bħal din jenħtieġ li tqis u tirrifletti s-sitwazzjoni speċifika, inkluż in-natura tal-kollezzjoni u l-iskopijiet tagħha, u l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li teżisti sistema għall-monitoraġġ tal-kolletturi u l-kollezzjonijiet.

(18)

Jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara ma jiġux miżmuma milli jimmaniġġaw armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikat fil-kategorija A f'każijiet fejn l-akkwist u l-pussess ta' tali armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon jiġi awtorizzat eċċezzjonalment, fejn l-immaniġġar tagħhom ikun meħtieġ għall-finijiet ta' diżattivazzjoni jew konverżjoni, jew meta dan l-akkwist u pussess jkun permess skont id-Direttiva 91/477/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva. Lanqas ma jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara jiġu miżmuma milli jimmaniġġaw tali armi tan-nar, komponeneti essenzjali u munizzjon f'każijiet mhux koperti mid-Direttiva 91/477/KEE kif emendata minn din id-Direttiva, bħal armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon li jenħtieġ li jiġu esportati barra mill-Unjoni jew armi li se jiġu akkwistati mill-forzi armati, mill-pulizija jew l-awtoritajiet pubbliċi.

(19)

Jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara jkunu jistgħu jirrifjutaw li jwettqu kwalunkwe tranżazzjoni suspettuża għall-akkwist ta' dawriet sħaħ ta' munizzjon jew ta' komponenti ta' kapsijiet attivi tal-munizzjon. Tranżazzjoni tista' titqies suspettuża meta, pereżempju, tinvolvi kwantitajiet insoliti previsti għall-użu privat, jekk ix-xerrej jidher mhux familjari mal-użu tal-munizzjon jew jekk ix-xerrej jinsisti li jħallas fi flus kontanti filwaqt li ma jkunx lest li jagħti prova tal-identità tiegħu jew tagħha. Jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara jkunu jistgħu jirrapportaw tali tranżazzjonijiet suspettużi lill-awtoritajiet kompetenti.

(20)

Ir-riskju li armi akustiċi u tipi oħra ta' armi tal-isparar in bjank jiġu konvertiti f'armi tan-nar proprja huwa għoli. Għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-problema ta' tali armi tan-nar konvertiti li jintużaw fit-twettieq ta' reati kriminali, partikolarment billi dawn jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/477/KEE. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-armi tal-allarm u tas-sinjal jiġu mmanifatturati b'tali mod li jistgħu jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi biex jiġi żgurat li dawn ma jkunux jistgħu jiġu hekk ikkonvertiti.

(21)

Minħabba r-riskju għoli li jiġu attivati mill-ġdid l-armi tan-nar diżattivati b'mod mhux xieraq u biex tiżdied is-sigurtà fl-Unjoni kollha, tali armi tan-nar jenħtieġ li jkunu koperti mid-Direttiva 91/477/KEE. Jenħtieġ li tingħata definizzjoni ta' armi tan-nar diżattivati, li tirrifletti l-prinċipji ġenerali tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar kif previst mill-Protokoll kontra l-Iffabrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/164/UE (5), li tittrasponi dak il-Protokoll fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni.

(22)

Armi tan-nar imfassla għal użu militari, bħall-AK47 u M16, u li huma mgħammra biex joperaw fuq il-bażi ta' nar selettiv, fejn jistgħu jiġu aġġustati manwalment bejn il-modi ta' sparar awtomatiku u semiawtomatiku, jenħtieġ li jiġu kklassifikati bħala armi tan-nar fil-kategorija A u għaldaqstant jenħtieġ li jiġu pprojbiti għal użu ċivili.Jekk jiġu konvertiti f'armi tan-nar semiawtomatiċi, jenħtieġ li jiġu kklassifikati fil-punt 6 tal-kategorija A.

(23)

Xi armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f'armi tan-nar awtomatiċi, u għalhekk huma ta' theddida għas-sigurtà. Anke fin-nuqqas ta' konverżjoni bħal din, ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jkunu perikolużi ħafna meta l-kapaċità tagħhom, f'termini ta' għadd ta' tiri li jistgħu jieħdu, tkun għolja. Għalhekk, armi tan-nar semiawtomatiċi b'apparat tal-ikkargar fiss li jippermetti li jiġu sparati għadd kbir ta' tiri, kif ukoll armi tan-nar semiawtomatiċi flimkien ma' apparat tal-ikkargar li jinqala' b'kapaċità għolja, jenħtieġ li jiġu pprojbiti għal użu ċivili. Is-sempliċi possibbiltà li jitwaħħal apparat tal-ikkargar b'kapaċità li taqbeż l-10 dawriet għal armi tan-nar twal u 20 dawra għal armi tan-nar qosra ma tiddeterminax il-klassifikazzjoni tal-arma tan-nar f'kategorija speċifika.

(24)

Mingħajr preġudizzju għat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet skont id-Direttiva 91/477/KEE, armi tan-nar semiawtomatiċi li jużaw rimfire percussion, inklużi dawk b'kalibru ta' mhux aktar minn.22, jenħtieġ li ma jiġux ikklassifikati fil-kategorija A sakemm ma jkunux ġew konvertiti minn armi tan-nar awtomatiċi.

(25)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477/KEE relatati mal-pass Ewropew tal-armi tan-nar bħala d-dokument ewlieni meħtieġ minn tiraturi għall-attivitajiet rispettivi tagħhom jenħtieġ li jittejbu billi tiġi inkluża fid-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha referenza għal armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw regoli aktar stretti.

(26)

Jenħtieġ li l-oġġetti, li għandhom dehra fiżika ta' arma tan-nar (“replika”), iżda li jiġu manifatturati b'tali mod li ma jistgħux jinbidlu biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli, ma jkunux koperti mid-Direttiva 91/477/KEE.

(27)

Fejn l-Istati Membri jkollhom liġijiet nazzjonali li jirregolaw armi antiki, dawn l-armi ma jkunux soġġetti għad-Direttiva 91/477/KEE. Madankollu, riproduzzjonijiet ta' armi antiki ma għandhomx l-istess importanza storika jew interess storiku marbuta magħhom u jistgħu jinbnew bl-użu ta' metodi moderni li jistgħu jtejbu d-durabbiltà u l-preċiżjoni tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li dawn ir-riproduzzjonijiet jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/477/KEE. Id-Direttiva 91/477/KEE ma tapplikax għal oġġetti oħra, bħal apparati airsoft, li ma jikkorrisponduxgħad-definizzjoni ta' arma tan-nar u ma humiex għaldaqstant regolati minn dik id-Direttiva.

(28)

Sabiex jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, ikun ta' għajnuna kieku l-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta l-elementi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' sistema li tappoġġa dan l-iskambju tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi ta' arkivjar kompjuterizzati tar-rekords eżistenti fl-Istati Membri, inkluż il-fattibbiltà li kull Stat Membru jingħata l-opportunità li jaċċedi għal tali sistema. Dik is-sistema tista' tuża modulu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) speċifikament personalizzat għall-armi tan-nar. Tali skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri jenħtieġ li jsir f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). F'każ li l-awtorità kompetenti teħtieġ aċċess għar-rekords kriminali ta' persuna li tkun qed tapplika għal awtorizzazzjoni biex takkwista jew tieħu l-pussess ta' arma tan-nar, dik l-awtorità jenħtieġ li tkun tista' tikseb din l-informazzjoni skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (8). Jekk ikun xieraq, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tista' tiġi akkumpanjata bi proposta leġislattiva li tqis l-istrumenti eżistenti relatati mal-iskambju ta' informazzjoni.

(29)

Sabiex jiġi żgurat l-iskambju xieraq ta' informazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għat-trasferiment tal-armi tan-nar lejn Stat Membru ieħor u dwar rifjut milli jingħataw awtorizzazzjonijiet għall-akkwist jew għall-pussess ta' arma tan-nar, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet li jippermetti lill-Istati Membri joħolqu din is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat ta' gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(30)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw is-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(31)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(32)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li japplika għall-ipproċessar ta' data personali fil-qafas tad-Direttiva 91/477/KEE. Fejn id-data personali miġbura taħt id-Direttiva 91/477/KEE tiġi pproċessata għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jenħtieġ li l-awtoritajiet li jipproċessaw dik id-data jikkonformaw mar-regoli adottati skont id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(33)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l- Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(34)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 91/477/KEE tiġi emendata skont dan.

(35)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Direttiva u d-Direttiva 91/477/KEE jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (12), li jaqgħu fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (13).

(36)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Direttiva u d-Direttiva 91/477/KEE jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (14), li jaqgħu fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (15).

(37)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Direttiva u d-Direttiva 91/477/KEE jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (16), li jaqgħu fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (17),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 91/477/KEE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“arma tan-nar” tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista' tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista' tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minn dik id-definizzjoni minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-Taqsima III tal-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-Taqsima II tal-Anness I.

Oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli jekk:

(a)

ikollu l-apparenza ta' arma tan-nar; u

(b)

bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu jkun jista' jiġi faċilment konvertit hekk;

(2)

“komponent essenzjali” tfisser il-kanna, il-qafas, ir-riċevitur, inklużi r-riċevituri ta' fuq kif ukoll ta' taħt, fejn xieraq, is-slajd, iċ-ċilindru, il-firroll jew il-blokka tal-kulatta, li, billi huma oġġetti separati, huma inklużi fil-kategorija tal-armi tan-nar li jiġu mmuntati fuqhom jew huma maħsuba li jiġu mmuntati fuqhom;

(3)

“munizzjon” tfisser ir-round sħiħ jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-kaxxi tal-iskrataċ, il-kaps, il-porvli tal-propellant, il-balal jew il-projettili, li jintużaw f'arma tan-nar, sakemm dawk il-komponenti stess ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat;

(4)

“armi tal-allarm u tas-sinjal” tfisser apparati b'ħowlder tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew tiri pirotekniċi li jisparaw tiri, u li ma jkunux kapaċi li jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli;

(5)

“armi akustiċi u tas-salut” tfisser l-armi tan-nar ikkonvertiti speċifikament biex jintużaw biss għall-isparar in bjank, f'attivitajiet bħal spettakli teatrali, sessjonijiet fotografiċi, reġistrazzjonijiet ċinematografiċi u dawk televiżivi, rappreżentazzjonijiet teatrali ta' avvenimenti storiċi, parati, avvenimenti sportivi u taħriġ;

(6)

“armi tan-nar diżattivati” tfisser armi tan-nar li jkunu ġew diżattivati b'mod li jkunu saru għal kollox mhux utilizzabbli, u jkun ġie żgurat li l-komponenti essenzjali kollha tal-arma tan-nar inkwistjoni jkunu saru definittivament inoperabbli u impossibbli li jiġu maqlugħa, sostitwiti jew modifikati b'mod li jippermetti li l-arma tan-nar tiġi riattivata bi kwalunkwe mod;

(7)

“mużew” tfisser istituzzjoni permanenti fis-servizz tas-soċjetà u tal-iżvilupp tagħha, miftuħa għall-pubbliku, li tikseb, tikkonserva, tirriċerka u teżibixxi armi tan-nar, komponenti essenzjali tagħhom jew munizzjon għal finijiet storiċi, kulturali, xjentifiċi, tekniċi, edukattivi, għal skopijiet ta' wirt kulturali jew ta' rikreazzjoni, u rikonoxxuti bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat;

(8)

“kollettur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika ddedikata għall-ġbir u l-konservazzjoni ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali jew tal-munizzjon għal finijiet storiċi, kulturali, xjentifiċi, tekniċi, edukattivi jew ta' wirt kulturali, u li jkun rikonoxxut bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat;

(9)

“negozjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew parzjalment minn waħda mis-segwenti:

(a)

il-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-kiri, it-tiswija, il-modifika jew il-konverżjoni ta' armi tan-nar jew ta' komponenti essenzjali;

(b)

il-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-modifika jew il-konverżjoni ta' munizzjon;

(10)

“sensar” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, ħlief negozjant, li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew parzjalment minn waħda mis-segwenti:

(a)

in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-provvista ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon;

(b)

l-arranġament tat-trasferiment ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon fi Stat Membru, minn Stat Membru għal ieħor, minn Stat Membru għal pajjiż terz jew minn pajjiż terz għal Stat Membru;

(11)

“manifattura illegali” tfisser il-manifattura jew l-immuntar tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali tagħhom u l-munizzjon tagħhom:

(a)

minn kwalunkwe parti essenzjali ta' tali armi tan-nar li jkunu ġew traffikati illegalment;

(b)

mingħajr awtorizzazzjoni, konformement mal-Artikolu 4 minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih iseħħu l-manifattura jew l-immuntar; jew

(c)

mingħajr l-immarkar tal-armi tan-nar mmuntati waqt il-manifattura, konformement mal-Artikolu 4;

(12)

“traffikar illegali” tfisser l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali tagħhom jew il-munizzjon minn jew b'passaġġ mit-territorju ta' Stat Membru wieħed lejn dak ta' Stat Membru ieħor, jekk wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati ma jawtorizzax li dan isir f'konformità ma' din id-Direttiva jew jekk l-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali jew il-munizzjon ma jkunux immarkati f'konformità mal-Artikolu 4;

(13)

“traċċar” tfisser l-ittraċċar sistematiku tal-armi tan-nar u, fejn possibbli, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon tagħhom mill-manifattur sax-xerrej bil-għan li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jiskopru, jinvestigaw u janalizzaw il-manifattura illeċita u t-traffikar illegali.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, persuna għandha tkun ikkunsidrata residenti tal-pajjiż indikat fl-indirizz li jidher fuq dokument uffiċjali li juri l-post tar-residenza tagħha, bħalma hu passaport jew karta tal-identità nazzjonali, li meta jsir kontroll fuq l-akkwist jew il-pussess, jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jew lil negozjant jew sensar. Jekk indirizz ta' persuna ma jidhirx fuq il-passaport jew il-karta tal-identità nazzjonali tagħha, il-pajjiż ta' residenza tagħha għandu jiġi ddeterminat abbażi ta' kwalunkwe prova uffiċjali oħra ta' residenza rikonoxxuta mill-Istat Membru kkonċernat.

3.   Il-“Pass Ewropew tal-armi tan-nar” għandu jinħareġ fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru lil persuna li b'mod legali tikseb pussess ta' arma tan-nar u tużaha. Għandu jkun validu għal perijodu massimu ta' ħames snin, li jista' jiġi estiż, u li għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Anness II. M'għandux ikun trasferibbli u għandu jirreġistra l-arma tan-nar jew l-armi tan-nar fil-pussess tad-detentur tal-Pass użati minnu in konnessjoni miegħu. Irid dejjem ikun fil-pussess tal-persuna li tkun qed tuża l-arma tan-nar u kwalunkwe bidla fil-pussess jew fil-karatteristiċi tal-armi tan-nar, kif ukoll is-serq jew it-telf tagħhom, għandhom jiġu indikati fuq il-Pass.”;

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġarr ta' armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersall, bl-użu ta' armi akkwistati u fil-pussess b'mod legali f'konformità ma' din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-akkwist jew għall-pussess ta' armi jew ta' munizzjon, f'konformità mal-liġi nazzjonali, mill-forzi armati, mill-pulizija jew mill-awtoritajiet pubbliċi. Lanqas ma għandha tapplika għat-trasferimenti rregolati mid-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1).”;"

(3)

L-Artikolu 4, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Fir-rigward tal-armi tan-nar manifatturati jew importati fl-Unjoni fi jew wara l-14 ta' Settembru 2018, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe arma tan-nar, jew kwalunkwe komponent essenzjali, li jkun ġie introdott fis-suq ikun ġie:

(a)

mogħti marka unika, li tkun ċara u permanenti, mingħajr dewmien wara l-manifattura u l-aktar tard qabel l-introduzzjoni fis-suq tiegħu, jew mingħajr dewmien wara l-importazzjoni fl-Unjoni; u

(b)

irreġistrat f'konformità ma' din id-Direttiva mingħajr dewmien wara l-manifattura u l-aktar tard qabel l-introduzzjoni fis-suq tiegħu, jew mingħajr dewmien wara l-importazzjoni fl-Unjoni.

2.   Il-marka unika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi l-isem tal-manifattur jew il-marka kummerċjali, il-pajjiż jew il-post tal-manifattura, in-numru tas-serje u s-sena tal-manifattura, sakemm din ma tkunx diġà parti min-numru tas-serje, u l-mudell fejn fattibbli. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għaż-żieda tal-marka kummerċjali tal-manifattur. Meta komponent essenzjali jkun żgħir wisq biex jiġi mmarkat f'konformità ma' dan l-Artikolu, għandu tal-inqas jiġi mmarkat b'numru tas-serje jew kodiċi alfanumeriku jew diġitali.

Ir-rekwiżiti ta' mmarkar għal arma tan-nar jew komponenti essenzjali li huma ta' importanza storika partikolari għandhom jiġu determinati f'konformità mal-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull pakkett elementari ta' munizzjon sħiħ ikun immarkat b'tali mod li jindika l-isem tal-manifattur, in-numru ta' identifikazzjoni tal-lott, il-kalibru u t-tip ta' munizzjon.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1 u ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jagħżlu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Marki tal-Prova fuq l-Armi Żgħar tal-1 ta' Lulju 1969.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fil-ħin tat-trasferiment ta' arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali tagħha mill-ħażniet governattivi għall-użu ċivili permanenti, l-immarkar uniku, kif previst fil-paragrafu 1, li jippermetti lill-Istati jidentifikaw faċilment l-entità tat-trasferiment.

2a.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2).

3.   Kull Stat Membru għandhom jistabbilixxu sistema għar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tan-negozjanti u tas-sensara. Tali sistemi għandhom jinkludu mill-inqas il-miżuri li ġejjin:

(a)

ir-reġistrazzjoni tan-negozjanti u tas-sensara li joperaw fit-territorji ta' dak l-Istat Membru;

(b)

il-liċenzjar jew l-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet tan-negozjanti u tas-sensara fit-territorju ta' dak l-Istat Membru; u

(c)

verifika tal-integrità privata u professjonali u tal-kapaċitajiet rilevanti tan-negozjant jew tas-sensar ikkonċernat. Fil-każ ta' persuna ġuridika, il-verifika għandha ssir kemm fuq il-persuna ġuridika kif ukoll fuq il-persuna/i fiżika/ċili jkunu qegħdin imexxu l-impriża.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Dik is-sistema ta' arkivjar tar-rekords għandha tirreġistra l-informazzjoni kollha relatata mal-armi tan-nar li tkun meħtieġa għat-traċċar u l-identifikazzjoni ta' dawk l-armi tan-nar, inkluż:

(a)

it-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje ta' kull arma tan-nar u l-marka applikata mal-qafas jew mar-riċevitur tagħha bħala l-immarkar uniku skont il-paragrafu 1, li għandu jservi bħala l-identifikatur uniku ta' kull arma tan-nar;

(b)

in-numru tas-serje jew l-immarkar uniku applikat għall-komponenti essenzjali, meta dak ikun differenti mill-immarkar fuq il-qafas jew ir-riċevitur ta' kull arma tan-nar;

(c)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-fornituri u tal-persuni li jakkwistaw jew li jkollhom fil-pussess tagħhom l-arma tan-nar, flimkien mad-data jew dati rilevanti; u

(d)

kwalunkwe konverżjoni jew modifika għal arma tan-nar li twassal għal bidla fil-kategorija jew fis-subkategorija tagħha, inklużi ċ-ċertifikati ta' diżattivazzjoni jew ta' qerda tagħha u d-data jew dati rilevanti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekord tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali, inkluża d-data personali relatata, jinżamm mill-awtoritajiet kompetenti fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords għal perijodu ta' 30 sena wara l-qerda tal-armi tan-nar jew tal-komponenti essenzjali inkwistjoni.

Ir-rekords tal-armi tan-nar u komponenti essenzjali msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu u d-data personali relatata għandhom ikunu disponibbli għall-aċċess:

(a)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-għoti jew irtirta' awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 jew 7 jew mill-awtoritajiet kompetenti għal proċedimenti doganali, għal perijodu ta' 10 snin wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali inkwistjoni; u

(b)

mill-awtoritajiet kompetenti għall--prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, għal perijodu ta' 30 sena wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali inkwistjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data personali titħassar mis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords hekk kif jiskadu l-perijodi speċifikati fit-tieni u fit-tielet subparagrafi. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn data personali speċifika tkun ġiet trasferita lil awtorità kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u jintużaw f'dak il-kuntest speċifiku, jew lil awtoritajiet kompetenti oħra għal skop kompatibbli previst mil-liġi nazzjonali. F'dawk il-każijiet, l-ipproċessar ta' tali data mill-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi rregolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data.”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Matul il-perijodu ta' attività tagħhom, in-negozjanti u s-sensara għandhom jintalbu jżommu reġistru li fih għandu jinżamm rekord ta' kull arma tan-nar u kull komponent essenzjali soġġetti għal din id-Direttiva li jaslu għandhom jew li ma jibqgħux għandhom, flimkien ma' partikolaritajiet li permezz tagħhom tkun tista' ssir l-identifikazzjoni tal-arma tan-nar jew tal-komponent essenzjali kkonċernat, b'mod partikolari t-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje tagħhom u l-ismijiet u l-indirizzi tal-fornituri u tal-persuni li jakkwistahom.

Meta jieqfu mill-attivitajiet tagħhom, in-negozjanti u s-sensara għandhom jagħtu dak ir-reġistru lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords prevista fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li negozjanti u sensara stabbiliti fit-territorju tagħhom jirrappurtaw tranżazzjonijiet li jinvolvu armi tan-nar jew komponenti essenzjali mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li n-negozjanti u s-sensara jkollhom konnessjoni elettronika ma' dawk l-awtoritajiet għal tali skopijiet ta' rappurtar u li s-sistemi ta' arkivjar tar-rekords huma aġġornati immedjatament malli jirċievu informazzjoni li tikkonċerna tali tranżazzjonijiet.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-armi tan-nar kollha jkunu jistgħu jiġu assoċjati mas-sidien tagħhom fi kwalunkwe ħin.”.

(4)

L-Artikolu 4a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4a

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar minn persuni li jkunu ngħataw liċenzja jew, fir-rigward ta' armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija C, li jkunu speċifikament awtorizzati li jakkwistaw u jkollhom pussess ta' tali armi tan-nar f'konformità mal-liġi nazzjonali.”;

(5)

L-Artikolu 4b jitħassar;

(6)

L-Artikoli 5 u 6 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar biss minn persuni li għandhom raġuni tajba u li:

(a)

ikollhom mill-inqas 18-il sena, ħlief fil-każ tal-akkwist, sakemm mhux permezz ta' xiri, u l-pussess ta' armi tan-nar għall-kaċċa u għall-isparar fuq bersall, bil-kundizzjoni li f'dak il-każ il-persuni li jkunu għadhom m'għalqux it-18-il sena jkunu kisbu l-permess tal-ġenituri, jew ikollhom il-gwida tal-ġenituri jew il-gwida ta' adult li jkollu liċenzja valida tal-armi tan-nar jew tal-kaċċa jew ikunu f'ċentru ta' taħriġ liċenzjat jew approvat xort'oħra, u l-ġenitur, jew adult li jkollu liċenzja valida tal-armi tan-nar jew tal-kaċċa, jassumi r-responsabbiltà għall-ħżin xieraq skont l-Artikolu 5a; u

(b)

aktarx ma jkunux ta' periklu għalihom infushom jew għal ħaddieħor, għall-ordni pubbliku jew għas-sikurezza pubblika; il-fatt li persuna tkun instabet ħatja ta' reat vjolenti intenzjonat għandu jitqies bħala indikattiv ta' tali periklu.

2.   L-Istati Membri għandu jkollhom sistema ta' monitoraġġ, li jistgħu jkunu qed joperaw fuq bażi kontinwa jew mhux kontinwa, biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni stabbiliti bil-liġi nazzjonali jiġu osservati matul il-perijodu ta' awtorizzazzjoni u, inter alia, informazzjoni medika u psikoloġika rilevanti tiġi vvalutata. L-arranġamenti speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti b'mod konformi mal-liġi nazzjonali.

Meta xi waħda mill-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ma tibqax tiġi ssodisfata, l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjoni rispettiva.

L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu lill-persuni residenti fit-territorju tagħhom milli jkollhom pussess ta' arma tan-nar mixtrija fi Stat Membru ieħor sakemm l-akkwist tal-istess tip ta' arma tan-nar ma jkunx ipprojbit fit-territorju tagħhom stess.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjoni ta' akkwist u awtorizzazzjoni ta' pussess ta' arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija B għandha tiġi rtirata jekk il-persuna li tkun ingħatat dik l-awtorizzazzjoni tinstab li tkun fil-pussess ta' apparat għat-tagħbija, adattat biex jitwaħħal fuq armi tan-nar semiawtomatiċi centre-fire jew armi tan-nar b'ripetitur, li:

(a)

jistgħu jieħdu aktar minn 20 dawra; jew

(b)

f'każ ta' armi tan-nar twal, jistgħu jieħdu aktar minn 10 dawriet,

sakemm dik il-persuna ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6 jew awtorizzazzjoni li tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a).

Artikolu 5a

Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju li persuni mhux awtorizzati jiksbu aċċess għall-armi tan-nar u għall-munizzjon, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar is-superviżjoni xierqa tal-armi tan-nar u l-munizzjon u regoli dwar il-ħżin xieraq tagħhom b'mod sigur. L-armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom ma għandhomx ikunu faċilment aċċessibbli flimkien. Is-superviżjoni xierqa għandha tfisser li l-persuna li jkollha l-pussess legali tal-arma tan-nar jew il-munizzjon ikkonċernati jkollha kontroll fuqhom waqt it-trasport u l-użu tagħhom. Il-livell ta' skrutinju għal tali arranġamenti ta' ħżin xierqa għandu jirrifletti n-numru u l-kategorija tal-armi tan-nar u tal-munizzjon ikkonċernati.

Artikolu 5b

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet li jinvolvu l-akkwist u l-bejgħ tal-armi tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, B jew C permezz ta' kuntratti mill-bogħod kif iddefinit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), l-identità, u fejn meħtieġ, l-awtorizzazzjoni tax-xerrej li jkun qed jakkwista l-arma tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon, jiġu ċċekkjati qabel jew sa mhux aktar tard minn meta jiġu kkonsenjati lil dik il-persuna, permezz ta':

(a)

negozjant jew sensar liċenzjati jew awtorizzati; jew

(b)

awtorità pubblika jew rappreżentant ta' dik l-awtorità.

Artikolu 6

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A. Huma għandhom jiżguraw li dawk l-armi tan-nar, il-komponenti u l-munizzjon essenzjali miżmuma illegalment bi ksur ta' dik il-projbizzjoni jiġu kkonfiskati.

2.   Għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura kritika, it-trasport marittimu kummerċjali, konvojs ta' valur għoli u postijiet sensittivi, kif ukoll għal finijiet ta' difiża nazzjonali, ta' edukazzjoni, kultura, riċerka u finijiet storiċi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jagħtu f'każijiet individwali, eċċezzjonali u b'mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku.

3.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħtu lill-kolletturi, f'każijiet speċjali individwali, eċċezzjonalment u b'mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għall-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A soġġetti għal kundizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà, inkluża d-dimostrazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkun hemm fis-seħħ miżuri sabiex jindirizzaw kwalunkwe riskji għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku u li armi tan-nar u l-komponenti essenzjali jew il-munizzjon ikkonċernati jiġu maħżuna b'livell ta' sigurtà proporzjonat mar-riskji marbuta ma' aċċess mhux awtorizzat għal tali oġġetti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kolletturi awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jkunu jistgħu jiġu identifikati fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords imsemmija fl-Artikolu 4. Tali kolletturi awtorizzati għandhom ikunu obbligati jżommu reġistru tal-armi tan-nar kollha li jkunu fil-pussess tagħhom ikklassifikati fil-kategorija A, li għandu jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' monitoraġġ xierqa fir-rigward ta' tali kolletturi awtorizzati, filwaqt li jqisu l-fatturi rilevanti kollha.

4.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lin-negozjanti jew lis-sensara, fil-kapaċitajiet professjonali rispettivi tagħhom, biex jakkwistaw, jimmanifatturaw, jiddiżattivaw, isewwu, ifornu, jittrasferixxu u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, soġġett għal kundizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà.

5.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil mużewijiet biex jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, soġġett għal kundizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà.

6.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil tiraturi fuq bersall jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6 jew 7 tal-kategorija A, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

valutazzjoni sodisfaċenti tal-informazzjoni rilevanti li toħroġ mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2);

(b)

għoti ta' provi li t-tiratur fuq bersall ikkonċernat qiegħed jipprattika jew jieħu sehem b'mod attiv f'kompetizzjonijiet tal-isparar rikonoxxuti minn organizzazzjoni tal-isport tal-isparar rikonoxxuta uffiċjalment tal-Istat Membru kkonċernat jew minn federazzjoni tal-isport tal-isparar stabbilita internazzjonalment u rikonoxxuta uffiċjalment; u

(c)

għoti ta' ċertifikat minn organizzazzjoni tal-isport tal-isparar rikonoxxuta uffiċjalment li jikkonferma li:

(i)

it-tiratur fuq bersall huwa membru ta' klabb tal-isparar u, li ilu jipprattika l-isparar ta' bersall regolarment miegħu tal-inqas għal 12-il xahar, u

(ii)

l-arma tan-nar inkwistjoni hija meħtieġa għal dixxiplina tal-isparar rikonoxxuta minn federazzjoni tal-isport tal-isparar stabbilita internazzjonalment u rikonoxxuta uffiċjalment.

Fir-rigward ta' armi tan-nar ikklassifikati fil-punt 6 tal-kategorija A, l-Istati Membri li japplikaw sistema militari msejsa fuq lieva ġenerali u li matul dawn l-aħħar 50 sena kellhom fis-seħħ sistema ta' trasferiment ta' armi tan-nar lil persuni li jitilqu mill-armata wara li jaqdu d-dmirijiet militari tagħhom jistgħu jagħtu lil dawk il-persuni, bħala dilettanti tal-isparar, awtorizzazzjoni biex iżommu arma waħda tan-nar użata waqt il-perijodu militari obbligatorju. L-awtorità pubblika rilevanti għandha tittrasforma dawk l-armi tan-nar f'armi tan-nar semiawtomatiċi u għandha tivverifika perjodikament li l-persuni li jużaw dawn l-armi tan-nar ma jirrappreżentawx riskju lis-sigurtà pubblika. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu.

7.   Awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu rieżaminati perjodikament f'intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin.”;

(*2)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64)."

(7)

L-Artikolu 7 huwa emendat b'dan li ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“Awtorizzazzjoni għall-pussess ta' arma tan-nar għandha tiġi rieżaminata perjodikament, f'intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin. Awtorizzazzjoni tista' tiġġedded jew tiġi mtawla jekk jibqgħu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tkun ingħatat l-istess awtorizzazzjoni.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jikkonfermaw, iġeddu jew itawwlu awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A fir-rigward ta' arma tan-nar li kienet ikklassifikata fil-kategorija B, u akkwistata legalment u rreġistrata, qabel it-13 ta' Ġunju 2017, soġġett għall-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f'din id-Direttiva. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tali armi tan-nar jiġu akkwistati minn persuni awtorizzati oħra mill-Istati Membri skont din id-Direttiva kif emendata permezz tad-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

(*3)  Id-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 22).”;"

(8)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Kemm-il darba Stat Membru jipprojbixxi jew jagħmel l-akkwist u l-pussess ta' arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji B jew C fit-territorju tiegħu soġġetta għall-awtorizzazzjoni, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, li għandhom espressament jinkludu dikjarazzjoni f'dan is-sens f'kull pass Ewropew għall-armi tan-nar li huma joħorġu għal din l-arma tan-nar, skont l-Artikolu 12(2).”;

(9)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   L-arranġamenti għall-akkwist u l-pussess tal-munizzjon għandhom ikunu l-istess bħal dawk dwar il-pussess tal-armi tan-nar li għalihom ikun maħsub il-munizzjon.

L-akkwist ta' apparati għal armi tan-nar semiawtomatiċi centre-fire li jista' jkollhom aktar minn 20 dawra jew aktar minn 10 dawriet f'każ ta' armi tan-nar twal għandhom ikunu permessi biss għal l-persuni li jingħataw awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6 jew awtorizzazzjoni li tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a).

2.   Negozjanti u sensara jistgħu jirrifjutaw li jikkonkludu kwalunkwe tranżazzjoni għall-akkwist ta' dawriet sħaħ ta' munizzjon, jew komponenti ta' munizzjon, li huma raġonevolment iqisu li hija suspettuża minħabba n-natura jew il-kobor tagħha, u għandhom jirrappurtaw kwalunkwe tentattiv ta' tranżazzjoni ta' din ix-xorta, lill-awtoritajiet kompetenti.”;

(10)

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 10a

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li apparati b'ħowlder tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew tiri pirotekniċi tas-sinjali, ma jkunux kapaċi li jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala armi tan-nar apparati b'ħowlder tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew tiri pirotekniċi tas-sinjali u li jkunu kapaċi li jiġi konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal manifatturati jew importati fl-Unjoni fi jew wara l-14 ta' Settembru 2018 sabiex jiġi żgurat li huma ma jkunux jistgħu jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2). Il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel att ta' implimentazzjoni bħal dan sal-14 ta' Settembru 2018.

Artikolu 10b

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex awtorità kompetenti tivverifika d-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar sabiex jiġi żgurat li l-modifiki li jkunu saru fuq l-arma tan-nar ikunu għamlu l-komponenti essenzjali kollha tagħha inoperabbli b'mod permanenti u li ma jkunux jistgħu jinqalgħu, jinbidlu jew jiġu modifikati b'mod li jippermetti li l-arma tan-nar b'xi mod tiġi attivata mill-ġdid. L-Istati Membri għandhom jipprevedu, fil-kuntest ta' dik il-verifika, il-ħruġ ta' ċertifikat u ta' rekord li jixhed li l-arma tan-nar tkun ġiet diżattivata u li tkun saret marka viżibbli b'mod ċar fuq l-arma tan-nar li tixhed dan.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu standards u tekniki tad-diżattivazzjoni biex tiżgura li l-komponenti kollha essenzjali ta' arma tan-nar ikunu inoperabbli b'mod permanenti u li ma jkunux jistgħu jinqalgħu, jinbidlu jew jiġu modifikati b'mod li jippermetti li l-arma tan-nar tiġi attivata mill-ġdid bi kwalunkwe mod. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2).

3.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m'għandhomx japplikaw għal armi tan-nar diżattivati qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni sakemm dawk l-armi tan-nar ma jkunux ġew trasferiti lejn Stat Membru ieħor jew introdotta fis-suq wara dik id-data.

4.   L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn wara t-13 ta' Ġunju 2017 l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni tagħhom applikati qabel it-8 ta' April 2016, u jiġġustifikaw ir-raġunijiet li minħabba fihom il-livell ta' sigurtà żgurata minn dawk l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni huwa ekwivalenti għal dak żgurat mit-tekniki speċifiċi għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 (*4) kif applikabbli fit-8 ta' April 2016.

5.   Meta l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara n-notifika, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddeċiedu jekk l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni hekk notifikati żgurawx li l-armi tan-nar ġew diżattivati b'livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak żgurat mill-ispeċifikazzjonijiet tekniki tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 kif applikabbli fit-8 ta' April 2016. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2).

6.   Sad-data tal-applikazzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, kwalunkwe arma tan-nar diżattivata skont l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni applikati qabel it-8 ta' April 2016 għandha, meta tiġi trasferita lejn Stat Membru ieħor jew titqiegħed fis-suq tosserva l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2403.

7.   Armi tan-nar diżattivati qabel it-8 ta' April 2016 f'konformità mal-istandards u tekniki nazzjonali ta' diżattivazzjoni li nstabu li jiżguraw livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak żgurat mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 kif applikabbli fit-8 ta' April 2016, għandhom jitqiesu bħala armi tan-nar diżattivati, inkluż meta jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor jew introdotti fis-suq wara d-data ta' applikazzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

(*4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 tal-15 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment (ĠU L 333, 19.12.2015, p. 62).”;"

(11)

fit-titolu tal-Kapitolu 3, il-kelma “Komunità” hija sostitwita bil-kelma “Unjoni”;

(12)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-armi tan-nar jistgħu jiġu biss ittrasferiti minn Stat Membru għall-ieħor skont il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu. Dik il-proċedura għandha tapplika wkoll fir-rigward tat-trasferimenti ta' armi tan-nar wara li dawn ikunu nbiegħu permezz ta' kuntratt mill-bogħod kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE.”;

(13)

L-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Minkejja l-paragrafu 1, kaċċaturi u rappreżentaturi teatrali ta' avvenimenti storiċi fir-rigward tal-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija C u tiraturi sportivi, fir-rigward tal-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija B jew C u armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 6(6) jew li għalihom l-awtorizzazzjoni tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a), jistgħu, mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 11(2), ikunu fil-pussess ta' arma tan-nar waħda jew aktar waqt vjaġġ ġo żewġ Stati Membri jew aktar, bl-għan li jwettqu l-attivitajiet tagħhom, sakemm:

(a)

ikunu fil-pussess ta' pass Ewropew tal-armi tan-nar li jelenka tali arma tan-nar jew armi tan-nar; u

(b)

ikunu jistgħu jissostanzjaw ir-raġunijiet għall-vjaġġ tagħhom, b'mod partikolari billi jipproduċu stedina jew prova oħra tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall jew tal-attivitajiet ta'rappreżentazzjoni teatrali ta' avvenimenti storiċi tagħhom fl-Istat Membru ta' destinazzjoni.”;

(b)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Madankollu din id-deroga ma għandhiex tapplika għal vjaġġi lejn Stat Membru li, skont l-Artikolu 8(3), jew jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess tal-arma tan-nar in kwistjoni jew li jagħmilha soġġetta għal awtorizzazzjoni. F'dak il-każ għandha ssir dikjarazzjoni apposta fuq il-pass Ewropew tal-armi tan-nar. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirrifjutaw l-applikazzjoni ta' din id-deroga fil-każ ta' armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 6(6) jew li għalihom l-awtorizzazzjoni tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a).”;

(14)

fl-Artikolu 13, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw permezz ta' mezzi elettroniċi informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għat-trasferimenti tal-armi tan-nar fi Stat Membru ieħor, u informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet irrifjutati kif ipprovdut fl-Artikoli 6 u 7 għal raġunijiet ta' sigurtà jew b'rabta mal-affidabbiltà tal-persuna kkonċernata.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprevedi sistema għall-iskambju ta' informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 13a sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju sistematiku ta' informazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel minn dawn l-atti delegati sal-14 ta' Settembru 2018.”;

(15)

L-Artikolu 13a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13a

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 13(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mit-13 ta' Ġunju 2017.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13(5) tista' tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha twassal għat-tmiem tad-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(16)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13b

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(17)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1, il-kelma “Komunità” hija sostitwita bil-kelma “Unjoni”;

(18)

Artikolu 17 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Sal-14 ta' Settembru 2020, u kull ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż kontroll tal-idoneità tad-dispożizzjonijiet tagħha, li, jekk ikun xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti leġislattivi li jikkonċernaw b'mod partikolari l-kategoriji tal-armi tan-nar fl-Anness I u l-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tas-sistema għall-pass Ewropew tal-armi tan-nar, mal-immarkar u mal-impatti tat-teknoloġiji l-ġodda bħall-istampar 3D, l-użu tal-kodiċi QR u l-użu ta' identifikazzjoni bil-Frekwenza tar-Radju (RFID).”;

(19)

l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti II hija emendata kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-armi tan-nar huma kklasifikati fil-kategoriji li ġejjin:”;

(b)

il-punt A huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija mħassra;

(ii)

fil-kategorija A, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“6.

Armi tan-nar awtomatiċi li ġew ikkonvertiti f'armi tan-nar semiawtomatiċi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4a).

7.

Kwalunkwe arma tan-nar semiawtomatika centre-fire fost dawn li ġejjin:

(a)

armi tan-nar qosra li jippermettu l-isparar ta' aktar minn 21 dawra mingħajr ikkargar mill-ġdid, jekk:

(i)

apparat tal-ikkargar b'kapaċità li taqbeż 20 dawra jkun parti minn dik l-arma tan-nar; jew

(ii)

apparat tal-ikkargar li jiżżarma b'kapaċità li taqbeż 20 dawra jiddaħħal fiha;

(b)

armi tan-nar twal li jippermettu l-isparar ta' aktar minn 11-il dawra mingħajr ikkargar mill-ġdid, jekk:

(i)

apparat tal-ikkargar b'kapaċità li taqbeż 10 dawriet ikun parti minn dik l-arma tan-nar; jew

(ii)

apparat tal-ikkargar li jiżżarma b'kapaċità li taqbeż 10 dawriet tiddaħħal fiha.

8.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi (jiġifieri armi tan-nar li huma oriġinarjament maħsuba biex jiġu sparati minn fuq l-ispalla) li jistgħu jitqassru għal tul ta' inqas minn 60 cm mingħajr ma jitilfu l-funzjonalità permezz ta' ċipp li tintlewa jew li tingħalaq jew permezz ta' ċipp li tista' titneħħa mingħajr l-użu ta' għodda.

9.

Kwalunkwe arma tan-nar f'din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f'arma li tispara in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f'arma tas-salut jew akustika.”;

(iii)

kategorija B huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kategorija B — Armi tan-nar soġġetti għall-awtorizzazzjoni

1.

Armi tan-nar qosra li jirrepetu.

2.

Armi tan-nar qosra b'tir wieħed b'centre-fire percussion.

3.

Armi tan-nar qosra b'tir wieħed b'rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom huwa ta' inqas minn 28 cm.

4.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi li l-apparat tal-ikkargar u ċ-chamber tagħhom għandhom kapaċità ta' aktar minn tliet dawriet fil-każ ta' armi tan-nar b'rimfire u aktar minn tlieta iżda inqas minn tnax-il dawra fil-każ ta' armi tan-nar centrefire.

5.

Armi tan-nar qosra semiawtomatiċi minbarra dawk elenkati taħt il-punt 7(a) tal-kategorija A.

6.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi elenkati taħt il-punt 7(b) tal-kategorija A li l-apparat tal-ikkargar u ċ-chamber tagħhom flimkien ma għandhomx kapaċità ta' aktar minn tliet dawriet, fejn l-apparat tal-ikkargar jista' jitneħħa jew fejn ma jkunx żgur li l-arma ma tistax tiġi kkonvertita, b'għodda ordinarja, f'arma li l-apparat tal-ikkargar u ċ-chamber tagħha flimkien jistgħu jieħdu aktar minn tliet dawriet.

7.

Armi tan-nar twal li jirrepetu t-tiri u li huma semiawtomatiċi b'kanen lixxi li ma jaqbżux is-60 cm tul.

8.

Kwalunkwe arma tan-nar ikklassifikataf'din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f'arma li tispara in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f'arma tas-salut jew akustika.

9.

Armi tan-nar semiawtomatiċi għall-użu ċivili li jixbħu lill-armi b'mekkaniżmi awtomatiċi barra dawk elenkati taħt il-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A.”;

(iv)

kategorija C hija sostitwita b'dan li ġej:

“Kategorija C — Armi tan-nar u armi soġġetti għal dikjarazzjoni

1.

Armi tan-nar twal li jirrepetu, barra dawk elenkati fil-punt 7 tal-kategorija B.

2.

Armi tan-nar twal b'kanen li jisparaw tir wieħed.

3.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi barra dawk elenkati fil-kategorija A jew B.

4.

Armi tan-nar b'tir wieħed b'rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom ma jkunx inqas minn 28 cm.

5.

Kwalunkwe arma tan-nar f'din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f'arma li tispara in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f'arma tas-salut jew akustika.

6.

Armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A jew B jew din il-kategorija li ġew diżattivati f'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2403.

7.

Armi tan-nar twal b'tir wieħed u kanen lixxi introdotti fis-suq fi jew wara l-14 ta' Settembru 2018.”;

(v)

kategorija D hija mħassra;

(c)

il-punt B huwa mħassar.

(2)

Parti III hija sostitwita b'dan li ġej:

“III.

Għall-finijiet ta' dan l-Anness, oġġetti li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta' “arma tan-nar” m'għandhomx jiġu inklużi f'dik id-definizzjoni jekk:

(a)

huma ddisinjati għall-allarm, biex jagħtu sinjali, għas-salvataġġ, għall-qtil tal-annimali jew is-sajd bil-ħarpun jew għal finijiet industrijali jew tekniċi sakemm jistgħu jintużaw biss għall-fini ddikjarata;

(b)

huma meqjusa bħala armi antiki meta dawn ma jaqgħux taħt il-kategoriji stabbiliti fil-Parti II u huma soġġetti għal-liġijiet nazzjonali.

Sakemm issir il-koordinazzjoni tul l-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom għall-armi tan-nar mniżżla f'din il-Parti;”

(20)

fl-Anness II, il-punt (f) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(f)

id-dikjarazzjonijiet:

“Id-dritt li wieħed jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor b'arma tan-nar waħda jew aktar ikklassifikati fil-kategorija A, B jew C msemmija f'dan il-pass għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni/jiet korrispondenti minn qabel mill-Istat Membru taż-żjara. Tali awtorizzazzjonijiet jistgħu jitniżżlu fuq il-pass.

Fil-prinċipju m'hemmx bżonn tal-awtorizzazzjoni minn qabel fuq imsemmija sabiex wieħed jivvjaġġa b'arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija C bi ħsieb ta' parteċipazzjoni f'kaċċa jew attivitajiet ta' rappreżentazzjoni teatrali ta' avvenimenti storiċi jew b'arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija A, B jew C sabiex wieħed jieħu sehem fi sparar fuq bersalji, sakemm il-vjaġġatur ikollu fil-pussess tiegħu pass għall-arma tan-nar u jkun jista' jagħti r-raġuni għall-vjaġġ.”

Fejn Stat Membru jkun informa lill-Istati Membri l-oħra skont l-Artikolu 8(3), li l-pussess ta' ċerti armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija B jew C huwa pprojbit jew soġġett għall-awtorizzazzjoni, għandu jagħmel ukoll waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

“Vjaġġ lejn … (Stat(i) ikkonċernat(i)) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) għandu jkun ipprojbit.”

“Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni.””.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-14 ta' Settembru 2018. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 91/477/KEE, kif emendata permezz ta' din id-Direttiva, sal-14 ta' Diċembru 2019. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri taħt il-paragrafi 1 u 2, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tal-armi tan-nar miksuba qabel l-14 ta' Settembru 2018, jissospendu r-rekwiżit li jiddikjaraw l-armi tan-nar ikklassifikati fil-punt 5, 6 jew 7 tal-kategorija C sal-14 ta' Marzu 2021.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 77.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2017.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta' Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi (ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51).

(4)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/164/UE tal-11 ta' Frar 2014 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll kontra l-Iffabrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (ĠU L 89, 25.3.2014, p. 7).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta' Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(12)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(14)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(16)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


Top