EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0809(24)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tas-Slovakkja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tas-Slovakkja

OJ C 261, 9.8.2017, p. 110–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/110


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tas-Slovakkja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tas-Slovakkja

(2017/C 261/24)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lis-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, is-Slovakkja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt.

(3)

Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017 għas-Slovakkja ġie ppublikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan evalwa l-progress tas-Slovakkja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tas-Slovakkja lejn il-miri nazzjonali Ewropa 2020 tagħha.

(4)

Is-Slovakkja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2017 fis-26 ta’ April 2017. Biex jittieħed kont tal-interkonnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun meħtieġ appoġġ għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif hija tuża dik id-dispożizzjoni f’linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

(6)

Bħalissa s-Slovakkja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2017, il-Gvern qed jippjana titjib tad-defiċit nominali għal 1,3 % tal-PDG fl-2017 u gradwalment għal 0 % tal-PDG fl-2019 u l-2020. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG — huwa mistenni li jintlaħaq fl-2018. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG huwa mistenni li jinżel gradwalment għal 46 % sal-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli.

(7)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda li s-Slovakkja tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ 0,5 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2017. Abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2017, fl-2017 hemm riskju ta’ xi devjazzjoni minn dik ir-rakkomandazzjoni.

(8)

Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tagħha, is-Slovakkja hija mistennija li taġġusta ulterjorment lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju tagħha ta’ defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Skont il-matriċi ta’ aġġustament miftiehma b’mod komuni skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dak l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja tal-gvern netta (5) li ma teċċedix 2,9 %. Ikun jikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Jekk il-politiki ma jinbidlux, tul il-perjodu 2017-2018 hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dan ir-rekwiżit. Kollox ma’ kollox, il-Kunsill huwa tal-fehma li jeħtieġ li s-Slovakkja tkun lesta li tieħu aktar miżuri biex tiżgura l-konformità fl-2017 u li ser ikunu meħtieġa miżuri ulterjuri fl-2018 biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-valutazzjoni tal-pjanijiet u l-eżiti tal-baġit jinħtieġ li tieħu kont tal-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif imfakkar fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew tal-2017 li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tal-eżiti baġitarji tal-2018 ser ikollhom bżonn iqisu kif dovut l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li għaddej u għall-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tas-Slovakkja. F’dak il-kuntest, il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha twettaq valutazzjoni globali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni ċiklika tas-Slovakkja.

(9)

Il-finanzi pubbliċi tas-Slovakkja għadhom jiffaċċaw riskji fuq terminu twil. In-nefqa fuq is-saħħa għadha tippreżenta riskju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, minħabba li ż-żieda tal-kosteffettività tal-kura tas-saħħa fis-Slovakkja għadha sfida. Ittieħdu xi passi biex il-kura fl-isptarijiet tiġi razzjonalizzata u jitbaxxew il-kostijiet, iżda għad m’hemmx riżultati viżibbli. L-analiżi tal-infiq tal-2016 identifikat iffrankar potenzjali. Madankollu, il-progress fil-prattika biex titwettaq riforma komprensiva tas-sistema tas-saħħa u tal-infiq fuq is-saħħa sa issa kienet imdewma, bi progress kajman fl-introduzzjoni tas-sistema ta’ pagamenti fi gruppi relatati mad-dijanjożi u t-tnedija ta’ sistemi tas-saħħa elettroniċi. Sadanittant, id-defiċit tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi huwa previst li jirdoppja fuq terminu twil, u l-età tal-irtirar hija fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. Aġġustamenti reċenti fis-sistema tal-pensjonijiet kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom ad hoc u għal żmien qasir.

(10)

L-evażjoni u l-evitar tat-taxxa naqsu, u qegħdin isiru sforzi biex tiżdied il-konformità volontarja. It-titjib fil-ġbir tat-taxxi naqqas b’mod sinifikanti dik li kienet, fl-imgħoddi, diskrepanza tal-VAT kbira. Il-limitar tal-frodi tal-VAT jidher li kellu wkoll impatt pożittiv fuq il-ġbir tat-taxxa korporattiva. L-amministrazzjoni finanzjarja tagħmel enfasi fuq it-titjib tal-konformità mal-VAT, partikolarment permezz tal-awditjar. Fl-istess waqt, qegħdin jiġu esplorati attivitajiet li mhumiex tal-awditjar biex tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tat-taxxa volontarja.

(11)

Minkejja titjib fis-suq tax-xogħol li jirriżulta minn irkupru ekonomiku robust u ħolqien tax-xogħol b’saħħtu, il-qgħad fit-tul għadu problema. Ir-rata ta’ qgħad fit-tul għadha waħda mill-ogħla fl-Unjoni. B’mod partikolari din taffettwa r-Rom marġinalizzati, persuni b’livelli baxxi ta’ ħiliet u ż-żgħażagħ. Barra minn hekk, għadhom jippersistu differenzi reġjonali — ir-rata tal-qgħad fis-Slovakkja tal-Lvant għadha d-doppju ta’ dik fi Bratislava. Il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni li tagħti ċans ieħor għadha baxxa. Minkejja miżuri li jinkoraġġixxu lill-ħaddiema b’paga baxxa u riforma li għaddejja tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, għad fadal problemi biex jiġi introdott appoġġ individwalizzat lil dawk qiegħda fit-tul u lil gruppi vulnerabbli minħabba, fost l-oħrajn, għadd kbir ta’ każijiet. Il-pjan ta’ azzjoni Slovakk dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul, iffinanzjat fil-biċċa l-kbira mill-Fond Soċjali Ewropew, għandu l-għan li jirrimedja dan permezz ta’ approċċ komprensiv għas-servizzi personalizzati. Dan sa jinkiseb billi tingħata konsulenza speċjalizzata, sistema ġdida ta’ pprofilar, kooperazzjoni ma’ aġenziji ta’ impjieg privati, u t-twettiq ta’ programmi ta’ taħriġ immirati apposta ddiżinjati minn impjegaturi abbażi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol reġjonali. Il-parteċipazzjoni tar-Rom fis-suq tax-xogħol Slovakk għadha baxxa ħafna u l-progress fiż-żieda tar-rata ta’ impjieg tagħhom għadu kajman. Livelli baxxi ta’ edukazzjoni u ħiliet u diskriminazzjoni huma fatturi li jaffettwaw l-eżiti baxxi tagħhom fis-suq tax-xogħol. Ir-rata ta’ impjieg baxxa tan-nisa fl-età riproduttiva tirrifletti l-liv tal-ġenituri twil (sa tliet snin) li rari jeħduh l-irġiel, in-nuqqas ta’ faċilitajiet tal-kura tat-tfal, partikolarment għal tfal taħt it-tliet snin, u adozzjoni baxxa ta’ arranġamenti ta’ ħin tax-xogħol flessibbli.

(12)

Is-sistema edukattiva mhijiex immirata biżżejjed biex iżżid il-potenzjal ekonomiku tas-Slovakkja. L-eżiti edukattivi u l-livell ta’ ħiliet bażiċi għadhom diżappuntanti meta mqabbla ma’ standards internazzjonali, u komplew jiddeterjoraw bejn l-2012 u l-2015. Barra minn hekk, għadhom jippersistu differenzi reġjonali qawwija. Il-prestazzjoni baxxa hija primarjament marbuta ma’ impatt qawwi tal-isfond soċjoekonomiku u etniku tal-istudenti, ma’ kwistjonijiet ta’ ekwità, aċċess, u inklussività, kif ukoll mal-fatt li l-professjoni tal-għalliema relattivament mhijiex attraenti. Minkejja ż-żieda f’żewġ stadji fis-salarji għall-għalliema fl-2016 (4 % f’Jannar u 6 % f’Settembru) u iktar żidiet ippjanati għall-2017-2020, il-kondizzjonijiet tas-salarji mhux kompetittivi u t-taħriġ kontinwu limitat tal-għalliema huma fost il-fatturi li jagħmlu l-professjoni pjuttost mhux attraenti, partikolarment għal għalliema prospettivi żgħażagħ u dawk li jgħixu fir-reġjuni aktar żviluppati tal-pajjiż. Il-leġislazzjoni adottata dan l-aħħar kontra s-segregazzjoni, dwar il-komunità emarġinata tar-Rom, għad fadlilha biex tiġi implimentata kollha kemm hi biex twassal għal tibdil pożittiv u żżid il-parteċipazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni ordinarja inklussiva, b’enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, kif ukoll l-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola.

(13)

L-amministrazzjoni pubblika Slovakka qed tiġi mmodernizzata, iżda l-korruzzjoni għadha sfida li trid tingħeleb. Il-perċezzjoni tal-korruzzjoni għadha għolja, u din isservi ta’ ostaklu kbir għan-negozju. Il-mekkaniżmi ta’ kontroll u l-infurzar ta’ regoli kontra l-korruzzjoni għadhom jidhru inadegwati, u inizjattivi ta’ politika dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta u kumpanniji tal-isem jista’ jkun li mhumiex biżżejjed biex il-problema tissolva. Barra minn hekk, il-prattiki tal-akkwist pubbliku jonqsu mill-istandard tal-aħjar prattika f’bosta oqsma. Qegħdin jiġu żviluppati miżuri ta’ taħriġ biex il-persunal ikun kapaċi jmexxi sistema ta’ akkwist pubbliku iktar effiċjenti. Madankollu, kunflitti ta’ interess, speċifikazzjonijiet tas-sejħiet għal offerti individwalizzati u l-użu eċċessiv tal-kriterju tal-irħas prezz għadhom ta’ tħassib, u jwasslu għal kompetizzjoni abbażi tal-kwalità limitata. Id-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku huma persistentement irrappurtati li jaffettwaw l-effiċjenza tal-allokazzjoni ta’ riżorsi pubbliċi.

(14)

L-ambjent leġislattiv li jinbidel spiss jagħmilha diffiċli u għalja għall-kumpanniji biex jimxu mal-leġislazzjoni, u l-proċessi leġislattivi u regolatorji, u l-arranġamenti ta’ insolvenza spiss jitqiesu li mhumiex adattati biżżejjed għan-negozji. M’ilux twaqqaf grupp ta’ ħidma interministerjali għan-negozju, immexxi mis-Segretarju tal-Istat tal-Ministeru għall-Ekonomija, li huwa mistenni li sa Ġunju 2017 jippreżenta proposti għal miżuri biex jitjieb l-ambjent tan-negozju. Fadal ostakli regolatorji kbar għas-settur tas-servizzi għan-negozju fis-Slovakkja. F’Jannar 2017, fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar rakkomandazzjonijiet ta’ riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali ngħatat gwida speċifika għal kull professjoni biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, bħala parti minn pakkett ta’ miżuri biex jindirizzaw l-ostakli fis-swieq tas-servizzi.

(15)

It-titjib fl-effettività, inkluża l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, għadha ta’ sfida għas-Slovakkja, minkejja li qed isiru sforzi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet. Madankollu, għad fadal xi tħassib dwar l-effiċjenza u l-indipendenza tal-ġudikatura. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni pubblika għadha mkidda mill-ineffiċjenza, in-nuqqas ta’ kapaċità, u l-frammentazzjoni. L-adozzjoni tal-istrateġija dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani f’Ottubru 2015 u l-adozzjoni reċenti tal-Att dwar is-Servizz Ċivili huma passi pożittivi ’l quddiem. Il-Kunsill il-ġdid dwar is-Servizz Ċivili, li huwa politikament indipendenti, ser jissorvelja l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Att dwar is-Servizz Ċivili kif ukoll il-Kodiċi tal-Etika għall-Ħaddiema taċ-Ċivil. Il-qafas regolatorju kumpless u opak jikkumplika r-relazzjonijiet bejn il-partijiet interessati fis-suq tal-enerġija. Bidliet reċenti fl-iffissar tat-tariffi tad-distribuzzjoni jindikaw li għad hemm influwenza politika u kummerċjali. L-indipendenza tar-regolatur tal-prezzijiet tal-enerġija hija mistennija li tonqos wara l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni li tagħti lill-Gvern dritt esklużiv biex jinnomina l-president tar-regolatur u tagħti lill-Ministeri tal-Ekonomija u tal-Ambjent id-dritt li jintervjenu fi proċediment ta’ ffissar tal-prezzijiet.

(16)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovakkja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovakkja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovakkja, imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata input fil-livell tal-Unjoni fid-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(17)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovakkja tieħu azzjoni fl-2017 u fl-2018 biex:

1.

Fl-2018 tagħmel sforz fiskali sostanzjali f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jissaħħaħ l-irkupru li għaddej bħalissa u li tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tas-Slovakkja. Ittejjeb il-kosteffettività tas-sistema tas-saħħa tagħha, inkluż billi timplimenta l-proġett dwar il-valur għall-flus.

2.

Ittejjeb miżuri ta’ attivazzjoni għal gruppi żvantaġġati, inkluż billi timplimenta l-pjan ta’ azzjoni għall-persuni qiegħda fit-tul u billi tipprovdi servizzi individwalizzati u t-taħriġ immirat apposta għalihom. Ittejjeb l-opportunitajiet ta’ xogħol għan-nisa, speċjalment billi testendi l-kura tat-tfal ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd. Ittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u żżid il-parteċipazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni ordinarja inklussiva.

3.

Ittejjeb il-kompetizzjoni u t-trasparenza fl-operazzjonijiet tal-akkwist pubbliku u tintensifika l-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi tinforza aktar il-leġislazzjoni eżistenti. Tadotta u timplimenta pjan komprensiv biex tnaqqas l-ostakli amministrattivi u regolatorji għan-negozji. Ittejjeb l-effettività tas-sistema tal-ġustizzja, inkluż tnaqqis fit-tul ta’ żmien li jieħdu l-każijiet ċivili u kummerċjali.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  In-nefqa netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti b’mod sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezzjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjat nazzjonalment huwa mifrux fuq perjodu ta’ 4 snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(6)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top