Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0809(21)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Portugall għall-2017 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Portugall għall-2017

OJ C 261, 9.8.2017, p. 92–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/92


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Portugall għall-2017 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Portugall għall-2017

(2017/C 261/21)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kienu approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u fl-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Portugall bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li għandu bħala munita l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Portugall jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4), hawn taħt.

(3)

Ir-rapport tal-pajjiżi tal-2017 dwar il-Portugall ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamel il-Portugall biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu li kien hemm għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress li għamel il-Portugall rigward il-miri nazzjonali tiegħu skont Europa 2020. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ukoll ippublikati fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Portugall għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, stokks kbar ta’ obbligazzjonijiet esterni netti, dejn privat u pubbliku u proporzjon għoli ta’ self improduttiv jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet f’kuntest ta’ qgħad għoli li però qed jonqos u ta’ tkabbir kajman fil-produttività. It-tkabbir potenzjali għadu lura meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi, affettwat minn ostakli u riġiditajiet persistenti fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, flimkien ma’ żbilanċi esterni. Il-bilanċ tal-kont kurrenti juri xi titjib, għalkemm jenħtieġ aktar sforzi sabiex l-obbligazzjonijiet esterni netti jsirilhom aġġustament aktar sinifikanti. Wara aġġustament sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, il-kostijiet tal-unitajiet lavorattivi bdew jiżdiedu minħabba tkabbir produttiv kajman u pagi li bdew jogħlew. Id-dejn privat qed jonqos, u d-dejn tal-gvern stabbilizza ruħu, f’kuntest fejn għad hemm bżonn ta’ tnaqqis tad-dejn. L-istokk ta’ self improduttiv għadu għoli u, flimkien mal-profittabbiltà baxxa u l-bafers kapitali skarsi, dawn joħolqu riskji għall-karti bilanċjali tal-banek. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol tjiebu, madankollu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u fit-tul għadu għoli, kif għadu għoli l-ammont tal-impjegati temporanji.

(4)

Fit-28 ta’ April 2017, il-Portugall ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu għall-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2017. Biex jiġu kkunsidrati l-interkonnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Portugall għall-2017 jinkludi impenji kemm fuq terminu ta’ żmien qasir kif ukoll medju. B’mod partikolari, jinkludi miżuri sabiex titjieb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u tal-ambjent tan-negozju, u sabiex jiġi indirizzat id-dejn tal-kumpaniji. Fih l-impenn dwar riformi ambizzjużi sabiex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata, sabiex jitjieb il-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol u titjieb il-governanza fl-intrapriżi tal-istat. Huwa jkopri wkoll l-isfidi identifikati fir-rapport tal-pajjiżi tal-2017 u r-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, inkluż il-ħtieġa li tingħata ħajja ġdida lill-investiment u li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Dawn il-miżuri, jekk jiġu implimentati bis-sħiħ fl-iskeda ta’ żmien indikata, jgħinu biex l-iżbilanċi makroekonomiċi tal-Portugall u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jiġu indirizzati. Abbażi tal-valutazzjoni tal-impenji tal-Portugall dwar il-politiki, il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni preċedenti tagħha li f’dan l-istadju ma humiex ġustifikati aktar passi fil-qafas tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku. L-implimentazzjoni tal-aġenda għal riforma fil-politika ser tiġi segwita mill-qrib permezz ta’ monitoraġġ speċifiku.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li tkopri l-perijodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

(6)

Wara li tħassret il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, il-Portugall bħalissa jinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u huwa soġġett għar-regola transizzjonali dwar id-dejn. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2017, il-Portugall qed jippjana li jikseb defiċit nominali ta’ 1,5 % tal-PDG u ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2017 u fl-2018 rispettivament, u titjib ulterjuri fil-bilanċ pożittiv ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2020. Dawn il-pjanijiet ma jinkludux l-impatt potenzjali li jżid id-defiċit bil-miżuri ta’ appoġġ għall-banek. Hu ppjanat li l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju – bilanċ strutturali pożittiv ta’ 0,25 % tal-PDG – jintlaħaq sal-2021. Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017 jipprevedi li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali għall-PDG jilħaq 127,9 % fl-2017 u 124,2 % fl-2018, li mbagħad ikun ta’ 117,6 % fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma msejsa dawk il-previżjonijiet baġitarji huwa plawżibbli għall-2017, iżda favorevoli għas-snin ta’ wara. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu sostnuti l-miri ppjanati b’rabta mad-defiċit mill-2017 ’il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed.

(7)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lill-Portugall biex fl-2017 jikseb aġġustament fiskali annwali ta’ mill-inqas 0,6 % tal-PDG fl-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, hemm ir-riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak l-aġġustament irrakkomandat fl-2017.

(8)

Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali u b’mod partikolari tal-livell ta’ dejn tiegħu, il-Portugall huwa mistenni li jkompli jaġġusta biex jasal għall-objettiv baġitarju tiegħu ta’ terminu medju ta’ bilanċ strutturali pożittiv ta’ 0,25 % tal-PDG. Skont il-matriċi ta’ aġġustament maqbula komunement skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dak l-aġġustament isarraf f’rekwiżit ta’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (5) li ma taqbiżx 0,1 % fl-2018. Din tikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ mill-inqas 0,6 % tal-PDG. Bil-politiki mhux mibdulin, hemm ir-riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dan ir-rekwiżit fl-2018. Il-Portugall prima facie mhux previst li jikkonforma mar-regola ta’ dejn transizzjonali fl-2017 u fl-2018. Kollox ma’ kollox il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2017 ’il quddiem ser ikunu meħtieġa aktar miżuri sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-pjanijiet baġitarji u tal-eżiti tqis il-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif imfakkar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew 2017 li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju għall-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tal-eżiti baġitarji għall-2018 jenħtieġ li jieħdu inkonsiderazzjoni l-għan li tinkiseb pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li għadu għaddej kif ukoll biex jiġi żgurat li l-finanzi pubbliċi tal-Portugall ikunu sostenibbli. F’dak il-kuntest, il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha twettaq valutazzjoni globali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni ċiklika tal-Portugall.

(9)

Konsolidazzjoni baġitarja soda tiddependi fuq l-implimentazzjoni f’waqtha u stretta tal-liġi l-ġdida għall-qafas tal-baġit, li tirrevedi u tirrazzjonalizza l-infiq pubbliku u li tkompli ttejjeb il-ġbir tad-dħul. Il-Portugall beda eżerċizzju ta’ analiżi tal-infiq, prinċipalment ibbażat fuq il-miżuri ta’ effiċjenza li jinvolvu l-ministeri tas-saħħa u tal-edukazzjoni, l-intrapriżi tal-Istat u l-akkwist pubbliku (ċentralizzat) kif ukoll il-ġestjoni tal-proprjetà immobbli. Madankollu, din l-analiżi tal-infiq għad ma għandhiex ambitu komprensiv peress li tkopri biss il-gvern ċentrali u tiffoka fuq il-kisbiet marbutin mal-effiċjenza li jirriżultaw mis-simplifikazzjoni tas-servizzi. Fis-settur tas-saħħa, il-Gvern adotta miżuri li għandhom l-għan li jippromwovu l-prevenzjoni tal-mard u l-politiki dwar is-saħħa pubblika. Barra minn hekk, ittieħdu diversi passi sabiex is-settur tal-kura tas-saħħa jkun aktar effiċjenti u sostenibbli, pereżempju permezz tal-akkwist ċentralizzat jew billi jintużaw aktar il-mediċini ġeneriċi. Fl-istess ħin, filwaqt li tkompli r-riforma tal-isptarijiet, jifdal il-kwistjoni importanti tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit fl-isptarijiet. Il-morożità fil-ħlas (l-arretrati) qed tkompli tiżdied u dan jindika dgħufijiet fil-mekkaniżmi ta’ kontroll kontabilistiku u fil-prattiki maniġerjali. L-ibbaġitjar preċiż u bbilanċjat, il-kontrolli mtejba u l-infurzar effettiv tal-liġi għall-kontroll tal-impenji jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-arretrati u jitjiebu l-effiċjenza u l-kwalità f’dan is-settur. L-ispejjeż għoljin marbutin max-xjuħija u li dejjem qed jiżdiedu għadhom ipoġġu f’riskju s-sostenibbiltà fiskali. Fuq terminu ta’ żmien medju, ir-riskji fiskali akbar huma mistennija li jkunu fil-biċċa l-kbira relatati mal-ispejjeż ta’ finanzjament tal-pensjonijiet. Fuq terminu ta’ żmien twil, ir-riskji fiskali fil-pajjiż jitqiesu li huma baxxi, l-aktar bis-saħħa tar-riformi tal-pensjonijiet u dment li ma ssir l-ebda bidla fil-politiki u li tkompli titnaqqas id-dipendenza tas-sistema tal-pensjonijiet minn fuq it-trasferimenti baġitarji. Ir-ristrutturar tal-intrapriżi tal-Istat biex isiru fiskalment sostenibbli għadu ma ġiex indirizzat b’mod sħiħ. L-intrapriżi tal-Istat taħt is-superviżjoni tal-unità ta’ monitoraġġ tal-Ministeru għall-Finanzi (UTAM), fit-tieni trimestru tal-2016 kellhom pożizzjoni ta’ dejn li totalment tilħaq it-EUR 32 biljun. Li jkun hemm qafas b’miri stabbiliti, sabiex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà finanzjarja tal-intrapriżi tal-Istat, jista’ jgħin biex tonqos id-dipendenza tagħhom fuq it-trasferimenti baġitarji tal-Istat u jiġi ttrattat l-istokk ta’ dejn kbir.

(10)

Is-suq tax-xogħol Portugiż kompla jirkupra fl-2016, b’titjib kontinwu fl-indikaturi tas-suq tax-xogħol u b’mod partikolari tnaqqis fir-rata tal-qgħad. Parti sinifikanti mill-impjiegi l-ġodda maħluqin għandhom kuntratti permanenti. Madankollu, l-għadd ta’ kuntratti temporanji għadu stabbli b’livelli għoljin. Segmentazzjoni għolja fis-suq tax-xogħol tolqot b’mod negattiv il-prospetti ta’ karriera u tad-dħul tal-ħaddiema, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ. F’Jannar 2017, il-Portugall fassal mill-ġdid il-programm tiegħu ta’ appoġġ għall-impjieg sabiex jiġi promoss l-ingaġġ b’kuntratti permanenti. Madankollu, l-impatt mistenni tiegħu sabiex titnaqqas is-segmentazzjoni jidher limitat, peress li ftit huma l-persuni li relattivament mistennija jiġu koperti minn dak il-programm. Għalkemm dawn l-aħħar riformi tas-suq tax-xogħol tejbu l-inċentivi għall-ħolqien tal-impjiegi, ċerti aspetti tal-qafas legali xorta jistgħu jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jimpjegaw ħaddiema b’kuntratti permanenti. B’mod partikolari, min iħaddem qed jiffaċċa spejjeż inċerti f’każ li s-sensja li tingħata fuq livell individwali lill-ħaddiema b’kuntratt permanenti titqies li hi inġusta. Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li l-ħaddiem jista’ jerġa’ jingħata l-impjieg jekk jitqies li s-sensja kienet inġusta, u għal ineffiċjenzi fil-proċedimenti legali.

(11)

Bit-tnaqqis fil-qgħad sa mill-2014, l-għadd assolut ta’ dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil qed jonqos ukoll. Madankollu, aktar minn nofs in-nies qiegħda ilhom bla xogħol għal sena jew aktar, u dan il-porzjon mhux qed jonqos bl-irkupru. Livelli għolja ta’ qgħad fuq terminu ta’ żmien twil u ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ iżidu r-riskju li l-persuni bla xogħol jinqatgħu mis-suq tax-xogħol u gradwalment jitilfu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tagħhom, u b’hekk jagħmlu pressjoni negattiva fuq it-tkabbir potenzjali. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ, għalkemm għadu kbir, qed jonqos minħabba firxa ta’ miżuri li ttieħdu fis-snin preċedenti, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (6). Dan jista’ jispjega parzjalment għaliex il-porzjon taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) huwa aktar baxx mill-medja tal-Unjoni. Il-Portugall qed jieħu wkoll azzjoni sabiex jissimplifika l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u sabiex jindirizza l-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Din tinkludi l-introduzzjoni ta’ inċentivi fil-qasam tal-impjiegi (permezz ta’ sussidji tas-sigurtà soċjali) f’April 2017, li huma mmirati biex jiġu ingaġġati b’kuntratti indefiniti ż-żgħażagħ u l-persuni li jkunu ilhom qiegħda għal żmien twil. Madankollu, biex jiġi żgurat li dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil isiru attivi b’mod effettiv, huwa kruċjali li s-servizzi pubbliċi tal-impjieg jikkooperaw b’mod effettiv mas-servizzi soċjali sabiex jiġu identifikati u indirizzati aħjar il-bżonnijiet ta’ dan il-grupp. Pass importanti f’din id-direzzjoni jkun li jinħolqu l-punti uniċi ta’ servizz għall-impjiegi li tħabbru.

(12)

Skont l-iskeda mħabbra, il-Gvern żied il-paga minima għat-tielet sena konsekuttiva fl-2017. L-aħħar żieda, li hi ogħla mill-inflazzjoni mistennija u ż-żieda fil-produttività medja, hija mistennija li ssaħħaħ dejjem aktar in-natura kontraenti tal-paga minima, peress li l-porzjon tal-impjegati koperti diġà kien jammonta għal wieħed minn kull ħamsa mit-total tal-2016. Iż-żidiet fil-paga minima jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar fost dawk li jaħdmu, li bħalissa huwa għoli, u jista’ jkollu impatt pożittiv fuq id-domanda aggregata. Madankollu, dawn jistgħu jinvolvu riskji marbuta mal-impjiegi, b’mod partikolari għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet. Dawn ir-riskji ma seħħewx fil-kuntest attwali ta’ rkupru, iżda għadhom sfida. Il-Gvern qed isegwi mill-qrib l-impatt tal-iżviluppi fil-paga minima permezz tar-rapporti ta’ kull trimestru, li huma ppubblikati u diskussi mas-sħab soċjali.

(13)

Il-Portugall għamel titjib sinifikanti fir-riżultati tiegħu marbutin mal-edukazzjoni fl-iskejjel, kif muri mill-aktar riżultati reċenti tal-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA). Madankollu, il-pajjiż għadu fost il-pajjiżi tal-OECD bl-ogħla rati ta’ ripetizzjoni tal-istess sena, li huwa ppruvat li jżid ir-riskju ta’ tluq bikri mill-iskola u jagħmel pressjoni sinifikanti fuq l-ispejjeż tal-edukazzjoni. Il-livelli ġenerali ta’ ħiliet tal-forza tax-xogħol għadhom fost l-aktar baxxi fl-Ewropa u jxekklu l-potenzjal ta’ innovazzjoni u ta’ kompetittività tal-pajjiż. Barra minn hekk, il-ħiliet diġitali għadhom jostakolaw it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol. Madwar 22 % tal-persuni fis-suq tax-xogħol Portugiż ma għandhomx ħiliet diġitali (l-aktar minħabba li ma jużawx l-Internet b’mod regolari), madwar id-doppju tal-medja tal-Unjoni. Il-Gvern ħa azzjoni biex jippromwovi l-edukazzjoni għall-adulti u l-ħiliet diġitali, b’mod partikolari billi stabbilixxa l-Programm “Qualifica” u inizjattiva nazzjonali għall-ħiliet diġitali (l-Inizjattiva INCoDe2030). Sabiex jiġi żgurat li jkunu effettivi, ser ikun kruċjali li jipprovdu opportunitajiet ta’ kwalità għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, f’konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-Gvern ħa wkoll għadd ta’ miżuri sabiex jappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja u s-settur tan-negozji, b’mod partikolari b’rabta mal-eżiti u l-attivitajiet ta’ riċerka tagħhom. Madankollu, l-istrutturi tal-università jeħtieġ li jadattaw irwieħhom sabiex din il-kooperazzjoni timxi ’l quddiem.

(14)

Għalkemm is-sitwazzjoni qed titjieb, l-ammont kbir ta’ self korporattiv improduttiv, flimkien ma’ livell baxx ta’ profittabbiltà, skopertura għal riskji marbutin mad-dejn sovran u ta’ bafers kapitali dgħajfin għadhom problematiċi għas-settur bankarju. Id-deterjorament fil-kwalità tal-assi, b’mod partikolari fis-settur korporattiv, huwa ta’ piż fuq il-profittabbiltà tas-settur bankarju. Huwa wieħed mill-fatturi, flimkien ma’ bafers kapitali baxxi, li jimpedixxu l-allokazzjoni produttiva tal-kreditu u tal-investiment. Għalkemm il-livell ta’ self improduttiv qed jonqos, il-proporzjon tas-self improduttiv għadu għoli (19,5 % meta mqabbel ma’ 19,6 % fl-aħħar tal-2015) u għadu qed jiżdied għal xi wħud mis-setturi tal-ekonomija, b’mod partikolari għal ditti attivi fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobiljari. Ittieħdu xi passi sabiex jiġi indirizzat l-ammont kbir ta’ self improduttiv. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ strateġija komprensiva sabiex jiġi żgurat tnaqqis sinifikanti fid-dejn indebolit, inkluż it-trawwim tal-iżvilupp ta’ swieq sekondarji sabiex il-banek ikunu jistgħu ibigħu partijiet mill-portafolli f’diffikultà.

(15)

Il-kundizzjonijiet ta’ kreditu kienu qed jitjiebu gradwalment min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista, iżda għall-SMEs l-aċċess għall-finanzjament għadu jrid jitjieb. Il-persentaġġ tal-SMEs Portugiżi li ma rnexxilhomx jiksbu l-ammont sħiħ ta’ self mitlub tela’ minn 34 % għal 42 %, meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni li qed tonqos u li laħqet it-30 % fl-2016. L-impriżi innovattivi u kompetittivi b’potenzjal qawwi ta’ tkabbir jibbenefikaw minn aċċess aħjar għall-kapital. Dan inaqqas id-dipendenza tagħhom fuq il-finanzjament tad-dejn u jtejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, biex b’hekk l-impriżi jiġu megħjuna jespandu u jinternazzjonalizzaw ruħhom. Id-differenza fil-kost tal-kapital bejn l-investimenti ffinanzjati bid-dejn u dawk iffinanzjati permezz ta’ ekwità fl-2016 kienet il-ħames l-ogħla fl-Unjoni, u ’l fuq sew mill-medja tal-Unjoni. Għalkemm il-bidliet fir-reġim fiskali naqqsu l-inċentivi għall-finanzjament tad-dejn, għadu kmieni wisq biex wieħed jara xi impatt fuq it-tendenza pjuttost għolja li tiffavorixxi d-dejn fit-tassazzjoni korporattiva. F’Lulju 2016, l-awtoritajiet nedew il-programm Capitalizar li ġie maħsub prinċipalment biex jiġi mħeġġeġ l-investiment privat. Il-programm jistabbilixxi linji ta’ kreditu ġodda għall-SMEs, joħloq fondi speċjalizzati li jistgħu jintużaw f’investimenti privati u jintroduċi bidliet fir-reġim tat-taxxa sabiex jiġi appoġġjat l-investiment. B’mod parallel, il-Gvern stabbilixxa programm ieħor (Programa Semente) sabiex jipprovdi finanzjament lil negozji ġodda u lil impriżi ż-żgħar fl-istadji bikrin tagħhom (kapital inizjali). Il-programm ser jgħinhom biex isaħħu l-finanzjament tal-ekwità billi joffri ħelsien mit-taxxa, għal mhux iktar minn tliet snin, lill-investituri individwali li jixtru ishma ġodda f’dawn il-kumpanniji. Iż-żewġ programmi huma mistennija li jtejbu l-finanzjament tal-kumpaniji fil-Portugall, dment li jiġu implimentati b’ħeffa u b’mod sħiħ.

(16)

F’Jannar 2017, bħala parti mill-pakkett ta’ miżuri sabiex jiġu indirizzati ostakli fis-suq tas-servizzi, il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri kollha dwar il-ħtiġijiet ta’ riforma nazzjonali sabiex jiġu rregolati s-servizzi professjonali li għandhom potenzjal kbir ta’ tkabbir u ta’ impjiegi. Ir-rakkomandazzjonijiet tar-riforma jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti abbażi ta’ analiżi komparattiva li ssegwi l-prinċipji u l-ħidma mwettqa fl-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka mal-Istati Membri f’dawn l-aħħar tliet snin. Il-Portugall ipparteċipa b’mod attiv f’dan l-eżerċizzju. Il-Portugall jispjega fil-pjan ta’ azzjoni nazzjonali tiegħu li, ġaladarba sa mill-2011 twettqu riformi kbar u analiżi tal-professjonijiet regolati, huwa mhux jistenna tibdil kbir fis-snin li ġejjin. Il-gwida offruta mill-Kummissjoni tikkomplementa l-evalwazzjonijiet tas-Semestru Ewropew 2017 billi speċifikament tindirizza r-rekwiżiti applikabbli għal dawk il-professjonijiet. F’diversi setturi hemm ħafna ostakli regolatorji u amministrattivi fl-aċċess għall-għoti ta’ servizzi. Matul il-programm ta’ assistenza finanzjarja kien hemm qbil dwar xi riformi li jimmiraw il-qasam tal-kostruzzjoni u l-aktar servizzi kummerċjali restrittivi, inkluż il-professjonijiet regolati, iżda dawn jew twaqqfu jew treġġgħu lura. Id-digrieti li jirregolaw ċerti professjonijiet huma anqas ambizzjużi mil-liġi qafas f’dak li għandu x’jaqsam mal-ftuħ ta’ dawk il-professjonijiet għall-kompetizzjoni. Huma jqajmu wkoll tħassib dwar l-effett dirett jew indirett li l-kompetizzjoni tiġi ristretta fis-suq tas-servizzi professjonali.

(17)

Għad fadal livelli baxxi ta’ effiċjenza u trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika Portugiża. Il-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku għadha limitata. Minkejja l-progress, għad hemm nuqqasijiet rigward it-trasparenza u l-affidabilità tad-data u tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku. It-trasparenza fil-kuntratti ta’ konċessjonijiet u fis-sħubijiet pubbliċi-privati għadha mxekkla minn awtoritajiet kontraenti li ma għandhomx l-għarfien espert meħtieġ għall-ġestjoni ta’ kuntratti kumplessi. L-użu ta’ għotjiet diretti għadu għoli fl-akkwist pubbliku. Reċentement ġie stabbilit li ssir reviżjoni tal-Kodiċi dwar l-Akkwist Pubbliku reċentement u l-attwazzjoni ta’ din ir-reviżjoni ser tiġi ssorveljata mill-qrib mill-Kummissjoni. Il-piż amministrattiv u n-nuqqas ta’ prattiki omoġeni ta’ implimentazzjoni fil-pajjiż qed idewmu r-riforma tal-proċeduri. Minkejja li sar xi progress, kien hemm dewmien fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi lokali u ċentrali, bil-livelli differenti tal-amministrazzjoni pubblika ftit li xejn ikkoordinati. L-awtoritajiet Portugiżi approvaw programm ta’ simplifikazzjoni ġdid, imsejjaħ SIMPLEX+. Dan jinkludi pakkett ta’ miżuri pjuttost ambizzjużi għaċ-ċittadini u għan-negozji. Dawn il-miżuri huma promettenti u jenħtieġ li tiġi żgurata implimentazzjoni bikrija tal-pakkett SIMPLEX+ sabiex il-programm ikun jista’ jibda jkollu impatt effettiv. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fil-pakkett li huma rilevanti għan-negozji issa bdew jiġu implimentati. Il-prestazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tal-Portugall għadha taħt il-medja tal-Unjoni. Fil-Portugall, l-indikaturi tal-effiċjenza għall-każijiet ċivili, kummerċjali u ta’ tilwim relatat mat-taxxa għadhom baxxi. Dan għandu impatt negattiv fuq d-dinamika tal-kummerċ u biex jiġbed l-investiment dirett barrani. L-effiċjenza tal-qrati amministrattivi u tat-taxxa għadha sfida fir-rigward tar-rata ta’ riżoluzzjoni, u l-proċedimenti għadhom jieħdu wisq fit-tul. Xorta għad iridu jgħaddu 40 xahar sabiex jiġu konklużi l-proċedimenti ta’ qorti tal-insolvenza, u dan iqajjem dubju dwar l-effiċjenza tal-oqfsa SIREVE.

(18)

Il-Portugall qed jagħmel progress b’aktar trasparenza u qed jiġġieled il-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika, iżda ma hemmx strateġija globali. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tidher li saret prijorità reali għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, u twaqqfu proċeduri aktar effiċjenti għall-ġestjoni tal-każijiet u tar-riżorsi. Madankollu, wieħed għad irid jara jekk dawn hux ser issarfu f’titjib fir-rati ta’ kundanna finali għall-korruzzjoni ta’ livell għoli u fl-applikazzjoni ta’ penali li jipprovdu deterrent aktar b’saħħtu. Min-naħa tal-prevenzjoni, il-pjanijiet għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni stabbiliti f’kull istituzzjoni pubblika sa issa kienu fil-biċċa l-kbira ta’ natura formali. Ma humiex adattati bis-sħiħ għal kull organizzazzjoni, u lanqas ma huma ikkumplimentati b’monitoraġġ adegwat.

(19)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Portugall u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż għall-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Portugall fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Portugall, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.

(20)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt.

(21)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4), hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall jieħu azzjoni fl-2017 u fl-2018 biex:

1.

Jiżgura li l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv isservi fit-tul. Jagħmel sforz fiskali sostanzjali fl-2018 f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li jikkunsidra l-ħtieġa li jsaħħaħ l-irkupru li għaddej bħalissa u li jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Portugall. Juża l-qligħ mhux mistenni biex jaċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali għall-PDG. Iżżid l-isforzi biex jestendi l-analiżi tal-infiq biex tkopri parti sostanzjali tal-infiq tal-gvern ġenerali f’diversi politiki. Isaħħaħ il-kontroll tal-infiq, il-kosteffettività u l-ibbaġitjar adegwat, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa, b’enfasi fuq it-tnaqqis tal-arretrati fl-isptarijiet, u jiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. Bil-għan li jżid is-sostenibbiltà finanzjarja tal-intrapriżi tal-Istat, jistabbilixxi miri speċifiċi għas-setturi marbutin mal-effiċjenza qabel il-baġit tal-2018, itejjeb id-dħul nett kumplessiv tal-intrapriżi tal-Istat u jnaqqas il-piż fuq il-baġit tal-Istat.

2.

Jippromwovi l-ingaġġ b’kuntratti indefiniti, inkluż billi jirrevedi l-qafas legali. Jiżgura li dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil isiru attivi b’mod effettiv. Flimkien mas-sħab soċjali, jiżgura li l-iżviluppi fil-paga minima ma jagħmlux ħsara lill-impjieg ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet.

3.

Iżid l-isforzi sabiex inaddaf il-karti bilanċjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu billi jimplimenta strateġija komprensiva li tindirizza s-self improduttiv, inkluż billi jtejjeb is-suq sekondarju għall-assi indeboliti. Itejjeb l-aċċess għall-kapital, b’mod partikolari għan-negozji ġodda u għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

4.

Jimplimenta pjan direzzjonali biex ikompli jnaqqas il-piż amministrattiv u jindirizza l-ostakli regolatorji fil-qasam tal-kostruzzjoni u tas-servizzi kummerċjali sal-aħħar tal-2017. Iżid l-effiċjenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza u tat-taxxa.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  L-infiq nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perijodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri diskrezzjonali b’rabta mad-dħul jew iż-żidiet diskrezzjonali b’rabta mad-dħul preskritti bil-liġi huma inklużi. Il-miżuri ta’ darba kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll min-naħa tal-infiq huma esklużi.

(6)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1).

(7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top