Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2463

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2463 tat-18 ta' Diċembru 2017 li tawtorizza lill-Kroazja, lin-Netherlands, lill-Portugall u lir-Rumanija biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

OJ L 348, 29.12.2017, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2463/oj

29.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2463

tat-18 ta' Diċembru 2017

li tawtorizza lill-Kroazja, lin-Netherlands, lill-Portugall u lir-Rumanija biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri kontra t-teħid jew żamma illeċiti huma parti essenzjali minn dik il-politika.

(2)

Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (“Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares lill-minuri mill-effetti dannużi tat-teħid jew żamma illeċiti u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn minnufih tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja.

(3)

Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' minuri li jittieħdu jew jinżammu illeċitament.

(4)

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(5)

L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.

(6)

Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

(7)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

(8)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi ma' dik il-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' Stat aderenti.

(9)

Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (3), id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni taħt il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jaqgħu taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

(10)

San Marino ddepożita l-istrument ta' adeżjoni tiegħu mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-14 ta' Diċembru 2006. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għal San Marino fl-1 ta' Marzu 2007.

(11)

L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Kroazja, tad-Danimarka, tan-Netherlands, tal-Portugall u tar-Rumanija, diġà aċċettaw l-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni f'San Marino wasslet għall-konklużjoni li l-Kroazja, in-Netherlands, il-Portugall u r-Rumanija jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni ta' San Marino skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(12)

Għalhekk jenħtieġ li l-Kroazja, in-Netherlands, il-Portugall u r-Rumanija jkunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni li diġà aċċettaw l-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma jeħtiġux li jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni, peress li d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi taħt il-liġi internazzjonali pubblika.

(13)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament Brussell IIa u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(14)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kroazja, in-Netherlands, il-Portugall u r-Rumanija huma b'dan awtorizzati biex jaċċettaw l-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Diċembru 2018, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni, li għandha tkun ifformulata kif ġej:

“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2463”.

3.   L-Istati Membri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dikjarazzjonijiet fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitawhom lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Dawk l-Istati Membri li ddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' San Marino mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kroazja, lin-Netherlands, lill-Portugall u lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  Opinjoni tat-30 ta' Novembru 2017 (għadha mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).

(3)  ECLI:EU:C:2014:2303.


Top