EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1870

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1870 tas-16 ta' Ottubru 2017 dwar il-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassijiet tiegħu skont id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/6835

OJ L 266, 17.10.2017, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1870/oj

17.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/19


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1870

tas-16 ta' Ottubru 2017

dwar il-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassijiet tiegħu skont id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/55/UE għandha l-għan li tippromwovi l-użu tal-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku, b'mod li tiżgura l-interoperabbiltà semantika u ttejjeb iċ-ċertezza legali. Il-benefiċċji tal-fatturazzjoni elettronika huma mmassimizzati meta fattura tkun tista' tintbagħat, tiġi ġġenerata, trażmessa, riċevuta u pproċessata b'mod għalkollox awtomatiku. L-użu ta' standard Ewropew komuni dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-identifikazzjoni ta' lista limitata ta' sintassijiet huma garanzija li dawn il-benefiċċji jiġu milħuqa fil-kuntest tas-suq intern.

(2)

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/55/UE, il-Kummissjoni talbet lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-prodotti relatati, u fosthom prinċipalment il-lista ta' sintassijiet, ibbażata fuq it-talba ta' standardizzazzjoni tal-10 ta' Diċembru 2014, C(2014) 7912 final (2).

(3)

Fit-28 ta' Ġunju 2017, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) ħareġ l-istandard Ewropew EN 16931-1:2017, Fatturazzjoni elettronika — Parti 1: Mudell semantiku tad-data tal-elementi prinċipali ta' fattura elettronika u l-lista ta' sintassijiet CEN/TS 16931-2:2017, Fatturazzjoni elettronika — Parti 2: Il-lista ta' sintassijiet li jikkonformaw mal-EN 16931-1, skont is-sistema ta' klassifikazzjoni tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).

(4)

Il-prodotti relatati żviluppati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) bl-għan li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).

(5)

Il-Kummissjoni ttestjat l-applikazzjoni prattika għall-utent aħħari tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/55/UE. It-test wera li l-istandard Ewropew EN 16931-1:2017 huwa adattat għall-iskop u li jilħaq il-kriterji elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/55/UE u speċjalment il-kriterji tal-prattiċità, tal-faċilità tal-użu għall-utent u tal-ispejjeż possibbli ta' implimentazzjoni. Ir-Rapport tal-eżitu ta' dak it-test ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-11 ta' Ottubru 2017.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-fatturi elettroniċi jiġu riċevuti u pproċessati skont l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u mas-sintassijiet relatati kemm jista' jkun malajr, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Ir-referenza tal-istandard EN 16931-1:2017, Fatturazzjoni elettronika — Parti 1: Jenħtieġ għalhekk li mudell semantiku tad-data tal-elementi prinċipali ta' fattura elettronika u l-lista ta' sintassijiet CEN/TS 16931-2:2017, Fatturazzjoni elettronika — Parti 2 jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika “EN 16931-1:2017, Fatturazzjoni elettronika — Parti 1: Mudell semantiku tad-data tal-elementi prinċipali ta' fattura elettronika u l-lista ta' sintassijiet bir-referenza CEN/TS 16931-2: 2017, Fatturazzjoni elettronika — Parti 2: Lista ta' sintassijiet li jikkonformaw mal-EN 16931-1”, kif stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, huma b'dan ippubblikati.

Artikolu 2

It-18 ta' April 2019 hija d-data finali biex jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2014/55/UE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1.

(2)  Commission Implementing Decision C(2014) 7912 final of 10 December 2014 on a standardisation request to the European standardisation organisations as regards a European standard on electronic invoicing and a set of ancillary standardisation deliverables pursuant to Regulation (EU) No 1025/2012 of the European Parliament and of the Council (M/528).


ANNESS

LISTA TA' SINTASSIJIET

Il-lista ta' sintassijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/55/UE hija pprovduta minn CEN fil-klawżola 7 ta' CEN/TS 16931-2:2017, ippubblikata fit-28 ta' Ġunju 2017.

Iż-żewġ (2) sintassijiet huma dawn li ġejjin:

1.

Messaġġ UN/CEFACT ta' Fattura Intersettorjali f'XML (Cross Industry Invoice XML) kif speċifikat f'XML Schemas 16B (SCRDM — CII) (1).

2.

Messaġġi UBL ta' fattura u nota ta' kreditu kif definiti f'ISO/IEC 19845:2015 (2).


(1)  Dawn id-dokumenti huma disponibbli mill-UNECE (il-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa) fuq http://www.unece.org/cefact/xml_schemas/index

(2)  Dawn id-dokumenti huma disponibbli minn Oasis UBL (Universal Business Language) fuq http://docs.oasis-open.org/ubl/cs1-UBL-2.1/UBL-2.1.pdf


Top