EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1857

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1857 tat-13 ta' Ottubru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Istati Uniti għal tranżazzjonijiet ta' derivati li ssirilhom superviżjoni mill-Commodity Futures Trading Commission bħala ekwivalenti għal ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/6572

OJ L 265, 14.10.2017, p. 23–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1857/oj

14.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/23


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1857

tat-13 ta' Ottubru 2017

dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Istati Uniti għal tranżazzjonijiet ta' derivati li ssirilhom superviżjoni mill-Commodity Futures Trading Commission bħala ekwivalenti għal ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprovdi għal mekkaniżmu maħsub biex jistabbilixxi soluzzjonijiet li jiżguraw konsistenza bejn ir-rekwiżiti legali stabbiliti mill-Unjoni u dawk ta' pajjiżi terzi fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament. Fost dawn is-soluzzjonijiet, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jiddikjaraw li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar ta' pajjiż terz huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4, 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex il-kontropartijiet involuti fi tranżazzjoni fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun stabbilita f'dak il-pajjiż terz, ikunu meqjusa li ssodisfaw dawk ir-rekwiżiti b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dak il-pajjiż terz tar-reġim legali. Dik id-dikjarazzjoni ta' ekwivalenza tippermetti li tiġi evitata l-applikazzjoni ta' regoli doppji jew kunfliġġenti u b'hekk tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi billi tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti internazzjonalment tal-prinċipji maqbula min-naħa tal-imsieħba internazzjonali tal-Unjoni u stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(2)

Il-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kif speċifikat mill-istandards tekniċi adottati skont l-Artikolu 11(14)(a) u (b) u l-Artikolu 11(15) ta' dak ir-Regolament, jistabbilixxi rekwiżiti legali tal-Unjoni li jikkonċernaw konferma fil-ħin, il-kompressjoni tal-portafoll u r-rikonċiljazzjoni applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn komtroparti ċentrali (CCP), u l-obbligi tas-soluzzjoni għat-tilwim applikabbli għal dawk il-kuntratti (“tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali”) kif ukoll l-obbligi dwar l-iskambju ta' kollateral (“marġni”) bejn il-kontropartijiet.

(3)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali u ta' rekwiżiti tal-marġini, l-eżitu sostantiv applikabbli tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar għandhom ikunu ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni fir-rigward tal-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza għalhekk huwa li tivverifika li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) jiżguraw li l-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP u li jiddaħħlu b'mill-inqas kontroparti waħda stabbilita f'dak il-pajjiż terz ma jesponux is-swieq finanzjarji fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawk is-swieq jistgħu jkunu esposti għalih minn dak it-tip ta' kuntratti tad-derivattivi li jkunu saru minn kontroparti stabbilita fl-Unjoni u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni.

(4)

Fl-1 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku mill-Awtorità Ewropea tas-Swieq tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar fl-Istati Uniti (2) rigward, fost oħrajn, ta' tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Fil-parir tekniku tagħha, l-ESMA sabet li r-rekwiżiti legalment vinkolanti fuq konferma fil-ħin, rikonċiljazzjoni tal-portafoll u kompressjoni tal-portafoll fl-Istati Uniti kienu ekwivalenti għar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Madankollu l-ESMA qieset li fil-mument tal-valutazzjoni tagħha, ir-reġim tal-Istati Uniti għar-soluzzjoni għat-tilwim ma kienx ekwivalenti ma' dak tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-ESMA osservat ukoll li l-ekwivalenza bejn ir-reġimi tal-marġini bilaterali ma setgħetx tiġi evalwata fil-ħin, peress li l-istandards tekniċi li jispeċifikaw ir-regoli dwar marġini bilaterali tal-Unjoni ma kinux għadhom ġew żviluppati.

(5)

Il-Kummissjoni qieset il-parir tal-ESMA fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha, flimkien mal-iżviluppi regolatorji li seħħew minn dak iż-żmien' il hawn. Madankollu din id-Deċiżjoni mhijiex ibbażata biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti ġuridiċi, superviżorji u ta' infurzar applikabbli fl-Istati Uniti, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta' dawk ir-rekwiżiti, u fuq l-adegwatezza tagħhom biex inaqqsu r-riskji li jitnisslu minn dawk il-kuntratti, b'mod li jista' jitqies ekwivalenti għall-effetti tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

L-arranġamenti ġuridiċi, superviżorji u ta' infurzar applikabbli fl-Istati Uniti għal kuntratti tad-derivattivi OTC huma stabbiliti fit-Titolu VII tad-Dodd Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act (“l-Att Dodd-Frank”) u fir-regoli ta' implimentazzjoni speċifiċi adottati mill-Commodity Futures Trading Commission (“ir-Regolamenti CFTC”). L-Att Dodd-Frank, li daħal fis-seħħ f'Lulju 2010, stabbilixxa qafas regolatorju ġdid għal ċerti derivattivi OTC definiti bħala swaps fit-taqsima 1a(47) tal-Commodity Exchange Act (“is-CEA”), bl-għan li jitnaqqas ir-riskju sistemiku, tiżdied it-trasparenza u tiġi promossa l-integrità tas-suq fi ħdan is-sistema finanzjarja. Is-CFTC għandha ġurisdizzjoni fuq swaps u l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet operattivi tat-titolu VII tal-Att Dodd-Frank saru applikabbli fl-2011.

(7)

It-tekniki ta' mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, kif miżjud fit-taqsima l-ġdida 4s(i) taċ-CEA mit-taqsima 731 tal-Att Dodd-Frank japplikaw għal negozjanti tal-iswaps u għal parteċipanti ewlieni fl-iswaps, kif definit fis-CEA. Għalhekk din id-Deċiżjoni għandha tkopri l-arranġamenti ġuridiċi, superviżorji u ta' infurzar rigward il-konferma fil-ħin, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll l-obbligi ta' valutazzjoni u tar-soluzzjoni għat-tilwim, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal negozjanti tal-iswaps u parteċipanti ewlieni fl-iswaps stabbiliti fl-Istati Uniti li huma awtorizzati u sorveljati skont ir-Regolamenti tas-CFTC. Madankolli din id-Deċiżjoni m'għandhiex tkopri l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Istati Uniti applikabbli għal persuni li huma reġistrati mas-Securities and Exchange Commission bħala negozjant tal-iswaps ibbażat fuq titoli jew negozjant tal-iswaps ibbażat fuq titoli ewlieni skont is-Securities Exchange Act tal-1934 (15 U.S.C. 78a et seq.).

(8)

Ir-regolamenti CFTC dwar tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji operazzjonali għal kuntratti tad-derivati OTC mhux ikklerjati minn CCP jinkludu obbligi simili għal dawk previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. B'mod partikolari, is-Sottoparti I tal-Parti 23 tar-Regolamenti tas-CFTC fiha rekwiżiti dettaljati rigward konferma fil-ħin, rikonċiljazzjoni tal-portafoll, kompressjoni tal-portafoll, valwazzjoni ta' tranżazzjoni u soluzzjoni għat-tilwim applikabbli għal kuntratti tad-derivattvii OTC mhux ikklerjati minn CCP. Fl-aspetti kollha li ġejjin, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolamenti tas-CFTC huma ekwivalenti għar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012: (i) il-frekwenza u l-limiti għal rikonċiljazzjoni tat-tqabbil tar-rikonċiljazzjoni tal-portafoll; (ii) l-iskadenzi għal tqabbil ta' konferma fiil-ħin; (iii) rekwiżiti għal kompressjoni tal-portafoll fuq il-bażi ta' “ikkonforma jew spjega”; (iv) rekwiżiti għal valutazzjoni ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet mhux ikklerjati. B'kont meħud tal-impatt limitat minħabba d-differenza fil-kamp ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti għal ftehimiet dwar kif jiġi solvut it-tilwim, dawk ir-rekwiżiti għandhom ukoll jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar ir-soluzzjoni għat-tilwim.

(9)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, fir-rigward ta' swaps taħt fil-ġurisdizzjoni tas-CFTC, kif definit fit-taqsima 1a(47) tas-CEA, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tas-CFTC applikabbli għal negozjanti tal-iswaps u parteċipanti fl-iswaps ewlenin għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward ta' konferma fil-ħin, rikonċiljazzjoni tal-portafoll u s-soluzzjoni għat-tilwim, valutazzjoni u l-obbligi applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP kif stipulat fl-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 11(2) ta' dak ir-Regolament.

(10)

Dwar il-marġni għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tas-CFTC jikkonsistu mir-Rekwiżiti tal-Marġini għal Swaps mhux ikklerjat għal Negozjanti tal-Iswaps u għal Parteċipanti Ewlenin tal-Iswaps ippubblikati f'Jannar 2016 (“ir-regola tal-marġni finali”) u r-Rekwiżiti ta' Marġni għal swaps mhux ikklerjat għal Negozjanti tal-iswaps u Parteċipanti tal-iswaps ewlenin— Applikazzjoni Transfrunitera tar-Rekwiżiti ta' Marġni (“ir-regola ta' marġni transfruntiera”) ippubblikati f'Awwissu 2016.

(11)

Filwaqt li r-Regolamenti tas-CFTC dwar it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP japplikaw għan-negozjanti tal-iswaps u għall-parteċipant tal-iswaps ewlenin kollha, ir-Regolamenti tas-CFTC dwar il-marġini għal dawk il-kuntratti tad-derivattivi OTC japplikaw biss għal negozjanti tal-iswaps u parteċipanti tal-iswaps ewlenin li mhumiex soġġetti għal regolatur prudenzjali. Id-definizzjoni tas-CEA ta' “regolatur prudenzjali” tinkludi l-Bord tal-Gvernaturi tas-Sistema tar-Riżerva Federali, l-Uffiċċju tal-Kontrollur tal-Munita, il-Korporazzjoni Federali tal-Assigurazzjoni tad-Depożiti, il-Farm Credit Administration u l-Federal Housing Finance Agency.

(12)

Il-marġnijiet tar-Regolamenti tas-CFTC applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP jeħtieġu biss skambju ta' marġni inizjali b' “kontroparti kopert” kif definit fit-taqsima 23.151 tar-Regolamenti tas-CFTC. Kontroparti kopert huwa kontroparti finanzjarja li huwa 'utent finanzjarju aħħari b'esponiment ta' swaps materjali jew entità ta' swaps li tidħol fi swaps ma' entità koperta ta' swaps. Skont it-taqsima 23.150 tar-Regolamenti tas-CFTC, l-esponiment għal swaps materjali huwa ta' valur nozzjonali ta' kuljum medju ta' derivati OTC mhux ikklerjati li jaqbeż USD 8 biljun (EUR 8 000 miljun), filwaqt li l-limitu massimu analogu stabbilit fl-Artikolu 28 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (3) huwa ta' EUR 8 biljun (8 000 miljun). Fl-Unjoni, ir-rekwiżit għal skambju ta' marġni ta' varjazzjoni m'għandux limitu ta' materjalità, u japplika għall-kontropartijiet kollha bla ħsara għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Ir-Regolamenti tas-CFTC għal ammont minimu ta' trasferiment kombinat ta' marġni inizjali u għall-varjazzjoni fir-regola ta' marġni finali huwa ta' USD 500 000, filwaqt li r-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa ta' EUR 500 000. B'kont meħud tal-impatt limitat minħabba d-differenza fil-muniti, dawn l-ammonti għandhom jiġu meqjusa bħala ekwivalenti.

(13)

Ir-rekwiżiti tar-regola ta' marġni finali japplikaw għal swaps, li jiġbru fihom kważi l-kuntratti kollha definiti bħala derivattivi OTC fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 bl-eċċezzjoni ta' forwards ta' kambju barrani u swaps tal-kambju barrani, li għalihom ir-regola tal-marġini finali ma tistipula l-ebda rekwiżit.. Barra minn hekk, ir-Regolamenti tas-CFTC ma fihom ebda trattament speċifiku għal prodotti strutturati li jinkludu bonds koperti u titolizzazzjonijiet. Fl-Unjoni, swaps ta' kambju barrani u forward tal-kambju barrani huma eżentati mir-rekwiżiti tal-marġni inizjali, u d-derivattivi relatati ma' bonds koperti għal skopijiet ta' hedging jistgħu wkoll ikunu eżentati mir-rekwiżiti tal-marġini inizjali. Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tapplika biss għal derivattivi OTC li huma suġġett għal marġni kemm taħt il-liġi tal-Unjoni kif ukoll taħt ir-Regolamenti tas-CFTC.

(14)

Ir-rekwiżiti fir-Regolamenti tas-CFTC għall-kalkolu tal-marġni inizjali li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Bħal fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, ir-Regolamenti tas-CFTC jippermettu l-użu ta' mudell standardizzat. Alternattivament, jistgħu jintużaw mudelli interni jew ta' parti terza għal dak il-kalkolu fejn dawk il-mudelli fihom ċerti parametri speċifiċi, inkluż intervalli ta' kunfidenza minimi u perjodi ta' marġni ta' riskju, u ċerta data storika, inklużi perjodi ta' stress. Dawk il-mudelli għandhom ikunu approvati mis-CFTC jew minn assoċjazzjoni rreġistrata fil-futur.

(15)

Ir-rekwiżiti tar-Regolamenti tas-CFTC fuq kollateral eliġibbli u dwar kif dak il-kollateral jiġi miżmum u segregati huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Ir-Regolamenti tas-CFTC jinkludu lista ekwivalenti ta' kollateral eliġibbli, u l-preambolu tar-regola tal-marġni finali jgħid li negozjanti tal-iswaps u parteċipanti ewlieni fl-iswaps li mhumiex soġġetti għal regolatur prudenzjali għandhom iqisu l-konċentrazzjoni tal-kollateral. Ir-rekwiżiti tas-CFTC dwar marġni għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP għandhom għalhekk ikunu meqjusa bħala ekwivalenti għal dawk previsti skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(16)

Fir-rigward tal-livell ekwivalenti ta' protezzjoni tas-sigriet professjonali, fl-Istati Uniti l-informazzjoni miżmuma mis-CFTC, kif ukoll minn regolaturi federali oħra, hija suġġetta għall-Att dwar il-Privatezza u l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tal-Istati Uniti (FOIA). Skont il-FOIA, f'ħafna każijiet, għandhom jittieħdu passi minn individwu jew minn organizzazzjoni biex jiġi żgurat trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni ppreżentata. Għalhekk, l-Att dwar il-Privatezza u l-Att dwar il-FOIA jipprovdu garanziji ta' segretezza professjonali, inkluża l-protezzjoni ta' sigrieti kummerċjali kondiviżi mill-awtoritajiet ma' partijiet terzi, ekwivalenti għal dawk stipulati fit-Titolu VIII tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Ir-rekwiżiti tal-Istati Uniti għandhom jiġu kkunsidrati li jipprovdu livell ekwivalenti ta' protezzjoni tas-sigriet professjonali kif garantit fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(17)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-superviżjoni u l-infurzar effettivi tal-arranġamenti legali fl-Istati Uniti, is-CFTC għandha setgħat investigattivi u ta' sorveljanza wiesgħa biex tivvaluta l-konformità bil-konferma fil-ħin, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll u l-obbligi tal-valutazzjoni u tar-soluzzjoni għat-tilwim applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Is-CFTC tista' tieħu firxa wiesgħa ta' miżuri superviżorji biex twaqqaf kwalunkwe ksur tar-rekwiżiti applikabbli. Barra minn hekk il-qafas legali tal-Istati Uniti jipprovdi għal penali ċivili, inkluż trażżin temporanju jew permanenti fuq ordnijiet jew inġunzjonijiet u multi, kif ukoll pieni kriminali għal ksur tar-rekwiżiti applikabbli. Dawk il-miżuri għandhom għalhekk, jitqiesu li jipprovdu għall-applikazzjoni effettiva tal-arranġamenti legali, regolatorji u ta' infurzar rilevanti taħt l-Att Dodd-Frank, ir-Regolamenti tas-CEA u s-CFTC b'mod ekwu u mhux distorżiv sabiex ikunu żgurati superviżjoni u infurzar effettivi.

(18)

Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, għandha tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni u tal-implimentazzjoni effettiva tal-arranġamenti ġuridiċi, superviżorji u ta' infurzar fl-Istati Uniti għal kuntratti tad-derivattivi OTC dwar il-konferma fil-ħin, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni, tas-soluzzjoni għat-tilwim u tal-marġni applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP fuq il-bażi fuqha ttieħdet din id-Deċiżjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, li fiħ żviluppi rilevanti jagħmluha essenzjali li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir ta' din id-Deċiżjoni.

(19)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Istati Uniti tal-Amerika (“USA”) għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali li huma applikati għal transazzjonijiet regolati bħala “swaps” mill-Commodity Futures Trading Commission (CFTC) skont it-Taqsima 721(a)(21) tal-Att Dodd-Frank u li ma jiġux ikklerjati minn CCP għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fejn għall-inqas waħda mill-kontropartijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet hija stabbilita fl-Istati Uniti u reġistrata mas-CFTC bħala negozjant tal-iswaps jew parteċipant ewlieni fl-iswaps.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Istati Uniti għall-iskambju ta' kollateral li huma applikati għal transazzjonijiet regolati bħala “swaps” mill-Commodity Futures Trading Commission (CFTC) skont it-Taqsima 721(a)(21) tal-Att Dodd-Frank u li mhumiex ikklerjati minn CCP għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet hija stabbilita fl-Istati Uniti u reġistrata mas-CFTC bħala negozjant tal-iswaps jew parteċipant ewlieni fl-iswaps u dik il-kontroparti hija soġġetta għar-Rekwiżiti ta' Marġni għal Swaps mhux Ikklerjat għal Negozjanti tal-Iswaps u għal Parteċipanti Ewlenin tal-Iswaps u r-Rewiżiti ta' Marġni għal Swaps mhux Ikklerjat għal Negozjanti tal-Iswaps u għal Parteċipanti Ewlenin tal-Iswaps— Applikazzjoni Transkonfinali tar-Rekwiżiti ta' Marġni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  ESMA/2013/BS/1157, Parir tekniku dwar l-ekwivalenza regolatorju ta' pajjiż terz taħt EMIR — l-Istati Uniti, Rapport finali, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-1 ta' Settembru 2013.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).


Top