EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1592

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1592 tal-15 ta' Mejju 2017 dwar il-miżura SA.35429 — 2017/C (ex 2013/NN) implimentata mill-Portugall għall-estensjoni tal-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-ġenerazzjoni tal-idroelettriku (notifikata bid-dokument C(2017) 3110) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/3110

OJ L 243, 21.9.2017, p. 5–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1592/oj

21.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1592

tal-15 ta' Mejju 2017

dwar il-miżura SA.35429 — 2017/C (ex 2013/NN) implimentata mill-Portugall għall-estensjoni tal-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-ġenerazzjoni tal-idroelettriku

(notifikata bid-dokument C(2017) 3110)

(It-test Portugiż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fit-18 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni rċeviet ilment imressaq minn ċittadini privati kontra l-allegata għajnuna illegali mill-Istat mogħtija mill-Portugall lil EDP — Energias de Portugal, S.A (1). (“EDP”) rigward kemm l-ispejjeż mhux rikuperabbli fil-Portugall kif ukoll l-estensjoni tal-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-ġenerazzjoni tal-idroelettriku.

(2)

Fit-30 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni bagħtet l-ilment lill-Portugall u talbet ukoll informazzjoni addizzjonali, li l-Portugall ipprovda permezz ta' ittra datata t-8 ta' Jannar 2013. Fil-25 ta' Jannar 2013 saret laqgħa mal-awtoritajiet Portugiżi. Il-Portugall ipprovda aktar informazzjoni fis-7 ta' Marzu 2013.

(3)

Fit-18 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra lill-Portugall sabiex tinnotifika d-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali, skont il-proċedura tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat rigward biss l-estensjoni tal-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-ġenerazzjoni tal-idroelettriku.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-Portugall fil-21 ta' Ottubru 2013 u ġiet adottata rettifika xierqa fid-29 ta' Jannar 2014.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali (2) (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta' April 2014.

(6)

F'Mejju 2014, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand partijiet terzi.

(7)

Il-Portugall bagħat it-tweġiba tiegħu għall-osservazzjonijiet mibgħuta minn partijiet terzi fit-3 ta' Lulju 2014.

(8)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittra datata l-15 ta' April 2016. Il-Portugall bagħat it-tweġiba tiegħu fid-19 ta' Awwissu 2016.

(9)

Id-deċiżjoni preżenti tagħlaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali, li kienet infetħet skont l-Artikolu 108 TFUE. Hija ma tindirizzax il-konformità tal-miżura ma' dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-UE, bħar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u r-regoli tal-UE dwar l-antitrust abbażi tal-Artikoli 106/102 TFUE.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

2.1.   Is-suq tal-enerġija fil-Portugall

(10)

Qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku Portugiż fl-2007, l-elettriku prodott fil-Portugall ma kienx jinbiegħ direttament fis-suq, iżda kien jiġi akkwistat mill-operatur pubbliku tan-netwerk tal-elettriku, Rede Elétrica Nacional, S.A. (“REN”), abbażi tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (“Power Purchase Agreements — PPAs”) fit-tul. Skont dawk il-PPAs, REN kienet obbligata tixtri ammont garantit ta' elettriku mingħand produtturi awtorizzati, bi prezz garantit li jkopri b'mod preċiż il-partiti tal-kostijiet identifikati, u għal perjodu ta' żmien garantit, jiġifieri sal-2027.

2.2.   Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż mhux rikuperabbli

(11)

Wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Portugall iddeċieda li jipproċedi bit-terminazzjoni bikrija tal-PPAs u s-sostituzzjoni tagħhom bil-ħlas ta' kumpens li jirrigwardja l-ispejjeż mhux rikuperabbli (il-mekkaniżmu tal-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-ekwilibriju kuntrattwali (“CMEC”)). Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 240/2004, tas-27 ta' Diċembru 2004, jistabbilixxi l-parametri u l-metodoloġija għall-kalkolu tas-CMEC.

(12)

Il-Portugall innotifika l-miżura għal kumpens għall-ispejjeż mhux rikuperabbli fl-1 ta' April 2004, abbażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tirrigwardja l-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-ispejjeż mhux rikuperabbli (4). Dawn l-ispejjeż mhux rikuperabbli kellhom jitħallsu għat-terminazzjoni bikrija tal-PPAs bejn EDP u REN għal 34 impjant tal-enerġija, li 27 minnhom kienu impjanti tal-idroenerġija, b'kunsiderazzjoni tal-piż mistenni tal-investimenti tal-passat f'suq liberalizzat. Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż mhux rikuperabbli tirreferi wkoll għal Tejo Energia u Turbogas. Il-Portugall innotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħti wkoll spejjeż mhux rikuperabbli lil Tejo Energia u Turbogas. Il-miżura kienet ippjanata li tiġi ffinanzjata permezz tad-dħul li jirriżulta minn taxxa imposta fuq il-konsumaturi tal-elettriku finali, abbażi tal-enerġija sottoskritta.

(13)

Il-Kummissjoni approvat il-miżura fl-2004 sabiex tkopri t-telf potenzjali magħmul minn tliet impriżi, inklużi dawk eżistenti, (5) fid-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat N161/2004 — Spejjeż mhux rikuperabbli fil-Portugall (6).

(14)

Kif ġie stipulat f'dik id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-kumpens tas-CMEC imħallas lil EDP kull sena minn Lulju 2007 jikkonsisti f'żewġ elementi, jiġifieri komponent fiss li huwa sehem tal-ammont annwali massimu kkalkolat ex ante u komponent ta' aġġustament li jieħu f'kunsiderazzjoni l-valur reali tad-differenza bejn id-dħul attwali u l-ispejjeż tal-impjanti kkonċernati, ikkalkolati fil-livell tal-grupp ikkonsolidat ta' kumpaniji, f'dan il-każ EDP. Aġġustament finali tal-ammont ta' CMEC se jiġi kkalkolat fil-bidu tal-2018, li se tkun il-11-il sena wara t-terminazzjoni bikrija tal-PPA. L-aġġustament finali se jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul imbassar sal-aħħar tal-2027, li huwa t-tmiem tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu CMEC, wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

2.3.   Estensjoni tal-perjodu ta' konċessjoni

(15)

Il-ftehim ta' terminazzjoni għall-PPAs ta' EDP fir-rigward tal-impjanti tal-idroenerġija ġie konkluż fi Frar 2005 wara l-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 240/2004. Il-ftehim ta' terminazzjoni għall-PPAs fih klawżola b'effett sospensiv fuq it-terminazzjoni miftiehma. Dik il-klawżola tagħmel it-terminazzjoni tal-PPAs kundizzjonali fuq id-dritt li r-riżorsi pubbliċi tal-ilma jintużaw għal perjodu ta' mhux inqas mit-tmiem tal-ħajja tat-tagħmir u matul ix-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili. Fi kwalunkwe każ, id-dritt li jintużaw ir-riżorsi pubbliċi tal-ilma kellu jingħata lill-produttur tal-enerġija, jiġifieri EDP, għall-istess perjodu.

(16)

Skont l-Att Portugiż dwar l-Ilma Nru 58/2005, tad-29 ta' Diċembru 2005, u d-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007, tal-31 ta' Mejju 2007, dwar ir-reġim tal-użu tar-riżorsi tal-ilma, l-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-produzzjoni tal-enerġija huwa soġġett għal konċessjoni. L-għażla tal-entità li tirċievi l-konċessjoni kellha ssir permezz ta' waħda mill-proċeduri speċifiċi stabbiliti mil-liġi. Skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 240/2004 u d-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007, fi tmiem il-konċessjoni, l-assi li jappartjenu għall-attività soġġetta għall-konċessjoni jitreġġgħu lura mingħajr ħlas lill-Istat. Madankollu, jekk l-entità li tirċievi l-konċessjoni tkun għamlet investimenti awtorizzati mill-konċedent li ma kinux u ma setgħux jiġu amortizzati, l-Istat ma setax iħallas lura l-valur residwu jew jestendi t-termini tal-konċessjoni għaż-żmien li jifdal sabiex l-assi jiġu deprezzati, iżda fl-ebda każ ma għandhom jinqabżu l-75 sena (7).

2.4.   Il-valur tal-estensjoni tal-idrokonċessjonijiet

(17)

Il-Portugall wettaq tliet studji li jispjegaw fid-dettall il-kalkolu tal-valur ekonomiku possibbli li jirriżulta mill-estensjoni fl-2007. Ir-riżultati ewlenin tal-istudji kienu dawn li ġejjin:

(a)

REN tistma l-valur tal-estensjoni tal-konċessjoni għal EUR 1 672 miljun, abbażi ta' rata ta' skont waħda ta' 6,6 %, li tikkorrespondi għall-valur awto-rrapportat minn EDP tal-kost medju ponderat tal-kapital (“WACC — weighted average cost of capital”).

(b)

Caixa Banco de Investimento jistma' valur ta' bejn EUR 650 miljun u EUR 750 miljun, abbażi tal-użu ta' żewġ rati ta' skont: il-valur residwu tal-PPAs skontat għal 4,57 %, li jirriżulta minn firxa ta' 50 punt bażi fuq ir-rendiment ta' 4,05 % ta' bonds tal-Gvern għal 15-il sena; u l-flussi tal-flus ħielsa skontati b'WACC ta' 7,72 % abbażi ta' mudell tal-ipprezzar tal-assi kapitali fornut b'data derivata indirettament mill-estimi tal-kostijiet tar-riskju u tal-ekwità ta' utilitajiet Ewropej simili

(c)

Credit Suisse First Boston (“CSFB”) tistma' valur ta' EUR 704 miljun skont prezz tal-elettriku preżunt ta' 50 EUR/MWh, abbażi ta' sett ta' rati ta' skont ta' 7,89 % għad-WACC u 4,55 % għall-valur residwu, rispettivament. Ir-rata tad-WACC hija, bħal dik għal Caixa Banco de Investimento, bbażata fuq mudell tal-ipprezzar tal-assi kapitali pprovdut b'data derivata indirettament minn estimi tal-kostijiet tar-riskju u tal-ekwità ta' utilitajiet Ewropej simili.

(18)

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007 ta appoġġ legali lill-klawżoli sospensivi tal-PPAs billi estenda t-terminu tad-drittijiet li jintużaw ir-riżorsi pubbliċi tal-ilma miżmuma mill-impjanti tal-idroenerġija mħaddma minn EDP, li l-PPAs tagħhom kienu ġew itterminati permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 240/2004.

(19)

Skont l-Artikolu 91(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007, it-trażmissjoni tad-drittijiet lill-produtturi tal-elettriku (de facto EDP) kienet soġġetta għal ħlas ta' ammont li jirrifletti bilanċ ekonomiku u finanzjarju. Kif definit fl-Artikolu 92(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007, dan l-ammont kien jikkorrespondi, għal kull impjant tal-enerġija, għad-differenza bejn il-valur tas-suq tal-operat sat-tmiem tat-terminu estiż espress fi flussi ta' flus u l-valur residwu tal-investiment, kif stabbilit fil-PPA u skontat b'rati ta' skont xierqa għal kull wieħed minn dawk iż-żewġ komponenti tal-prezz. Dik id-dispożizzjoni ppermettiet li t-tranżazzjoni ma tiġix ittrattata bħala investiment wieħed f'termini finanzjarji, minħabba li jintużaw rati tal-imgħax differenti sabiex jiġu skontati dawn li ġejjin:

(a)

il-valur residwu (li jrid jitħallas lil EDP);

(b)

il-flussi tal-flus finanzjarji ħielsa li jakkumulaw għal EDP mill-bejgħ sussegwenti tal-elettriku ġġenerat minn dawk l-impjanti tal-idroenerġija (li jridu jitħallsu lill-Portugall minn EDP u eventwalment mill-konsumaturi).

(20)

B'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007, EDP ħallset lill-Istat Portugiż is-somma ta' EUR 759 miljun bħala korrispettiv għall-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tal-estensjoni tal-konċessjonijiet tas-27 impjant tal-idroenerġija kollha. Din iċ-ċifra tinkludi l-ammont ta' EUR 55 miljun li jikkorrespondi għar-rata tat-taxxa tar-riżorsi tal-ilma. Jirriżulta li l-ammont nett ta' dak il-korrispettiv imħallas minn EDP kien ta' EUR 704 miljun.

2.5.   L-ilment

(21)

Fl-ilment li wasal f'Settembru 2012, kien allegat li l-Portugall kien ta għajnuna illegali mill-Istat, inkompatibbli mas-suq intern, lil EDP, li rriżultat minn żewġ miżuri distinti kif ġej:

(a)

il-kumpens għall-ispejjeż mhux rikuperabbli lil EDP qabel il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku, li l-Kummissjoni approvat fid-Deċiżjoni tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat N 161/2004 — Spejjeż mhux rikuperabbli fil-Portugall (imsemmija fil-premessa 12 (8)): l-ilmentatur isostni li, minħabba bidliet fiċ-ċirkostanzi minn mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-inkonsistenza mat-termini tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-ispejjeż mhux rikuperabbli (9), l-għajnuna approvata fl-2004 ma tibqax kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat;

(b)

il-prezz baxx li tħallas minn EDP lill-Portugall fl-2007 għall-estensjoni mingħajr offerta pubblika tat-tul tal-konċessjonijiet għad-dritt li jintużaw riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-ġenerazzjoni tal-idroenerġija, biex b'hekk irrinunzja għad-dħul mill-Istat għall-vantaġġ ta' EDP.

2.6.   Id-deċiżjoni tal-ftuħ

(22)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni rribattiet il-parti tal-ilment relatata mal-kumpens għall-ispejjeż mhux rikuperabbli u kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet biex tiddikjara li l-għajnuna ma kinitx għadha kompatibbli mas-suq intern.

(23)

Madankollu, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar l-għajnuna mill-Istat possibbli lil EDP fl-implimentazzjoni tar-reġim tal-użu tar-riżorsi tal-ilma. Il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod preliminari fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha li l-ammont possibbilment baxx imħallas minn EDP għall-estensjoni tad-dritt li jintużaw ir-riżorsi pubbliċi tal-ilma fl-implimentazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007, jekk jiġi kkonfermat, jidher bħala li kien jinvolvi vantaġġ ekonomiku selettiv lil EDP.

(24)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà, il-Kummissjoni ma ddikjaratx, f'dak l-istadju, kwalunkwe bażi ġuridika xierqa għall-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat possibbli lil EDP.

2.6.1.   Nuqqas ta' offerta

(25)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li l-għoti tal-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma taħt konċessjoni għall-iskop tal-operat ta' servizz fornut f'suq ma jistax jinvolvi vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju, meta l-konċessjoni tingħata bħala riżultat ta' proċedura ta' ħruġ ta' offerti miftuħa u mhux diskriminatorja li tiġbor għadd suffiċjenti ta' operaturi interessati. Madankollu, fil-każ inkwistjoni, il-ftehimiet ta' terminazzjoni tal-PPA de facto tawlu b'medja ta' madwar 25 sena d-dritt esklussiv ta' EDP li topera l-impjanti tal-enerġija kkonċernati mingħajr ebda proċedura ta' ħruġ ta' offerti. Tabilħaqq, l-organizzazzjoni ta' offerta kienet ippreġudikata mill-klawżoli sospensivi tas-27 ftehim ta' terminazzjoni tal-PPA bejn REN u EDP.

(26)

Minħabba s-sehem sinifikanti tas-suq Portugiż irrappreżentat mill-impjanti tal-enerġija (27 %), il-pożizzjoni ta' EDP fis-suq Portugiż tal-provvista bl-ingrossa u l-ġenerazzjoni tal-elettriku (55 %) u l-interess speċifiku tal-impjanti tal-idroenerġija f'portafoll tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li tali klawżoli sospensivi setgħu wasslu għal effett ta' preklużjoni fuq bażi dejjiema għad-dħul fis-suq tal-kompetituri prospettivi li setgħu għamlu offerta f'sejħa għall-offerti miftuħa. Għalhekk, jista' jiġi stabbilit vantaġġ ekonomiku li minnu tibbenifika indebitament EDP f'każ li l-offerta tkun irriżultat fi prezz ogħla mill-prezz imħallas minn EDP, nett mill-valur residwu dovut lil din l-impriża.

2.6.2.   Appoġġ għall-istudji ekonomiċi użati sabiex jiġi stmat il-prezz tat-tranżazzjoni

(27)

It-tieni nett, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni qieset li t-tieni l-aħjar soluzzjoni fin-nuqqas ta' offerta setgħet kienet negozjati distakkati bejn l-awtoritajiet Portugiżi u EDP. Il-Portugall li jaġixxi bħala operatur tas-suq kellu jkollu l-għan li jikseb l-ogħla redditu fuq il-beni pubbliċi li tpoġġew għal konċessjoni. B'dan l-approċċ, in-negozjati ma' EDP kienu jkunu sostnuti mill-valutazzjoni mwettqa fl-2007, (10) li wriet li kienet l-aktar waħda ta' benefiċċju għall-Portugall, jiġifieri l-valutazzjoni proposta minn REN.

(28)

Kif issemma fil-premessa 44 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Portugall ta l-kunsens tiegħu għal prezz finali li jammonta għal kważi nofs il-prezz evalwat minn REN. Jekk il-valutazzjoni proposta minn REN uriet li kienet l-aktar waħda preċiża, jidher li huwa implawsibbli li l-Istat kien jaġixxi bħala operatur tas-suq fin-negozjati ma' EDP.

2.6.3.   Il-metodoloġija finanzjarja użata sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tat-tranżazzjoni

(29)

It-tielet nett, tqajmu dubji addizzjonali rigward il-metodoloġija użata sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tat-tranżazzjoni. Il-metodu stabbilit fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007 isegwi mill-qrib l-approċċ ippreżentat minn Caixa Banco da Investimento, li juża żewġ rati ta' skont (11).

(30)

Il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha li nuqqas ta' użu tal-istess rata ta' skont, ibbażata biss fuq il-kost tal-kapital ta' EDP, kif proposta minn REN, jista' jkun ta' vantaġġ ekonomiku għal EDP. Il-Kummissjoni nnotat li jekk ir-rata użata sabiex jiġu skontati l-valur residwu u l-flussi tal-flus ħielsa kienet rata waħda ta' WACC ibbażata fuq il-kost tipiku tal-kapital ta' ġeneratur tal-elettriku Ewropew (7,55 %), EDP kellha tħallas EUR 1 340 miljun, jiġifieri, EUR 581 miljun aktar mill-ammont effettivament imħallas minn EDP.

(31)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha li, meta titqies l-għażla magħmula mill-awtoritajiet Portugiżi li jestendu l-konċessjonijiet għall-benefiċċju esklussiv ta' EDP minflok permezz ta' proċedura ta' ħruġ ta' offerti miftuħa għal kompetituri oħrajn, seta' kien aktar xieraq li tintuża rata ta' skont ibbażata fuq id-WACC attwali ta' EDP sabiex tirrifletti l-kost proprju u veru tal-kapital tagħha. REN irrapportat li d-WACC attwali ta' EDP fl-2007 kien ta' 6,6 % u, għalhekk, jista' jkun xieraq li jintuża dan il-valur minflok 7,55 %. B'hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li jista' jiġi stabbilit vantaġġ ekonomiku li minnu tibbenifika indebitament EDP.

3.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(32)

Matul l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand l-ilmentaturi u EDP.

(33)

L-ilmentaturi kienu tal-fehma li, permezz tal-estensjoni tal-konċessjonijiet, EDP irċeviet għajnuna mill-Istat. Skont dawn, il-miżura tikkostitwixxi kumpens għad-dħul mitluf.

(34)

Fit-tweġiba tagħha datata d-19 ta' Mejju 2014, EDP qieset, bil-maqlub, li l-miżura ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat. L-ewwel nett, EDP issostni li hija ma kisbet ebda vantaġġ ekonomiku mir-rikonoxximent fl-2007 tad-dritt li jintużaw ir-riżorsi pubbliċi tal-ilma sal-aħħar tal-ħajja utli tat-tagħmir fis-27 impjant tal-enerġija idroelettrika b'PPAs, meta wieħed iqis li d-dritt ingħata taħt kundizzjonijiet tas-suq normali.

(35)

Skont EDP, il-preżenza ta' vantaġġ ekonomiku tista' tiġi eskluża jekk l-Istat jaġixxi bħala bejjiegħ privat fi tranżazzjoni distakkata fis-suq miftuħ u jfittex li jikseb l-aħjar prezz għall-assi.

(36)

EDP issostni li hija intitolata li tirċievi l-valur residwu tal-impjanti tal-enerġija idroelettrika jekk il-PPAs jintemmu qabel it-tmiem tal-ħajja utli tal-impjanti. Għalhekk, ma kienx ekonomikament vijabbli għall-Istat li jiftaħ offerta pubblika fl-2007 sabiex jagħti konċessjonijiet ġodda għar-riżorsi tal-ilma.

(37)

EDP tqis li jekk l-Istat ikun fittex li jikseb valur ogħla minn dak li jirriżulta mill-istudji indipendenti, EDP tkun għażlet li ma testendix id-dritt li jintużaw ir-riżorsi tal-ilma u li tirċievi l-valur residwu tal-impjanti tal-enerġija minnufih, kif kienet intitolata li tagħmel.

(38)

Barra minn hekk, EDP tqis li l-istudju ta' REN dwar il-valur ekonomiku tal-estensjoni tal-konċessjonijiet fih suppożizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mhux xierqa li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-valur tad-drittijiet, li jfisser li EDP qatt ma kienet taċċetta s-sejbiet ta' dak l-istudju għall-fini ta' “negozjati bilaterali”.

(39)

Għalhekk, EDP issostni li l-iffissar unilaterali tal-valur tal-estensjoni tal-konċessjonijiet, abbażi ta' metodoloġija ta' valutazzjoni oġġettiva, huwa biżżejjed sabiex tiġi evitata l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku.

(40)

It-tieni nett, EDP issostni li l-metodoloġija stabbilita fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007 hija oġġettiva u hija bbażata fuq prinċipji aċċettati b'mod ġenerali ta' kalkolu ekonomiku. L-applikazzjoni tagħha tippermetti l-kalkolu ta' kumpens koerenti, ġustifikabbli u mhux arbitrarju.

(41)

Fir-rigward tar-rati ta' skont xierqa li jridu jintużaw għall-flussi finanzjarji ta' kull impjant, kemm Caixa Banco de Investimento kif ukoll CSFB jikkonkludu li r-rata ta' skont tal-valur residwu tal-impjanti għandha tirrifletti r-riskju kuntrattwali inerenti f'dak il-valur. EDP tirrimarka li, minħabba li daħlu fis-seħħ fl-1995, il-PPAs kollha diġà intitolaw lil EDP sabiex tirċievi mingħand REN il-valur residwu tal-impjant li kieku l-kuntratti kellhom jiġu fi tmiemhom qabel id-data ta' skadenza tagħhom. Għalhekk, li kieku EDP ma kinitx interessata li testendi d-dritt tagħha li tuża r-riżorsi pubbliċi tal-ilma, hija kienet tirċievi l-valur residwu mingħand REN fid-data tal-iskadenza ta' kull PPA.

(42)

Barra minn hekk, EDP tispjega li l-valur residwu tal-impjanti tal-idroenerġija li hija intitolata li tirkupra huwa fil-fatt kreditu miżmum minn EDP fuq l-Istat, permezz ta' REN, mid-dħul fis-seħħ tal-PPAs fl-1995. REN hija impriża kkontrollata mill-Istat Portugiż. Għalhekk, ir-riskju li tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha għandu jiġi assoċjat mar-riskju ta' dejn tal-Istat. B'hekk, EDP tikkonkludi li r-rata ta' skont rilevanti għall-aġġornament ta' dak il-valur għandha tieħu f'kunsiderazzjoni biss ir-riskju assoċjat man-nuqqas ta' REN milli tikkonforma ma' dak l-obbligu.

4.   KUMMENTI U TWEĠIBIET MILL-PORTUGALL

(43)

Il-Portugall bagħat tweġiba għall-kummenti tal-partijiet interessati, iżda ffoka fuq il-kwistjoni tal-ispejjeż mhux rikuperabbli li dwarha l-Kummissjoni ma qajmet ebda dubju.

(44)

F'April 2016, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-Portugall. Il-Portugall wieġeb fis-16 ta' April 2016 u pprovda kjarifiki legali dwar id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 240/2004 u l-annessi għall-kuntratti ta' konċessjoni.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

5.1.   Eżistenza tal-għajnuna

(45)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistabbilixxi li kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, safejn tkun taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(46)

Sabiex jiġi konkluż jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex preżenti jew le, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-kriterji kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat (jiġifieri t-trasferiment ta' riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat, vantaġġ selettiv, id-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ ġewwa l-UE) humiex issodisfati għall-miżura li qed tiġi vvalutata.

5.1.1.   Imputabbiltà

(47)

Fir-rigward tal-imputabbiltà, f'każijiet fejn awtorità pubblika tagħti vantaġġ lil benefiċjarju, il-miżura hija definittivament imputabbli lill-Istat.

(48)

L-estensjoni tad-dritt li jintużaw riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-fini tal-ġenerazzjoni tal-idroenerġija għall-benefiċċju ta' EDP li taġixxi bħala subentità li tirċievi l-konċessjoni ta' REN tirriżulta mill-implimentazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007 dwar ir-reġim tal-użu tar-riżorsi tal-ilma. Id-dispożizzjonijiet ta' dan id-Digriet Leġiżlattiv jistabbilixxu wkoll ir-regoli li jridu jiġu segwiti mill-Istat għad-determinazzjoni tal-ħlas magħmul minn EDP bħala korrispettiv għall-benefiċċji ekonomiċi tal-estensjoni. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007 huwa att pubbliku adottat u ppromulgat mill-awtoritajiet Portugiżi. Jirriżulta li l-miżuri ta' għajnuna possibbilment inklużi fih ikunu imputabbli lir-Repubblika Portugiża.

5.1.2.   Ir-riżorsi tal-Istat

(49)

Fir-rigward tal-kwalifika tar-riżorsi tal-Istat, l-għoti tal-aċċess għal dominju pubbliku jew riżorsi naturali, jew l-għoti ta' drittijiet esklussivi jew speċjali mingħajr rimunerazzjoni adegwata skont ir-rati tas-suq, jista' jikkostitwixxi rinunzja tad-dħul tal-Istat (12).

(50)

Skont l-Att Portugiż dwar l-Ilma Nru 58/2005 u d-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007, ir-riżorsi tal-ilma fit-territorju Portugiż jappartjenu lill-Istat Portugiż u ma jistgħux jiġu approprjati privatament u jkunu proprjetà ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Jirriżulta li, fil-prinċipju, il-benefiċċji ekonomiċi derivati mill-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma huma pprovduti permezz ta' riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(51)

Ir-riżorsi naturali b'assi intanġibbli bħall-ilma jew l-arja jistgħu jkunu neċessarji u xi drabi essenzjali għaċ-ċittadini. Madankollu, jekk l-isfruttament tagħhom ma jkunx kummerċjabbli u/jew ma jkun attribwit ebda valur ekonomiku għall-użu tagħhom, tali riżorsi mhux bilfors jikkostitwixxu veikolu għall-attribut tal-benefiċċji ekonomiċi tat-tip li jiġbor l-Artikolu 107(1) tat-Trattat u ma jiġux ikkwalifikati bħala riżorsi tal-Istat. F'dan il-każ, il-miżura tikkonsisti fl-għoti ta' intitolament sabiex jintużaw ir-riżorsi tal-ilma li huma parti mid-dominju pubbliku. L-eżistenza ta' prezz tat-tranżazzjoni turi li dan l-intitolament huwa attribwit valur ekonomiku. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tinvolvi riżorsi tal-Istat.

(52)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jippreskrivi l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż għar-riżorsi tal-ilma, inċentivi adegwati fil-politiki dwar l-ipprezzar tal-ilma għall-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma u kontribuzzjoni adegwata minn, inter alia, l-industrija. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxu valur ekonomiku għal użi differenti tal-ilma. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, fil-każ tal-Portugall, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 91 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007 jiddeterminaw ukoll li l-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-finijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku jinvolvi valur ekonomiku, kwantifikabbli u kummerċjabbli skont il-liġi Portugiża.

(53)

Jirriżulta li l-estensjoni tad-dritt li jintużaw riżorsi tal-ilma għall-fini tal-ġenerazzjoni tal-idroenerġija għall-benefiċċju ta' EDP, li taġixxi bħala subentità li tirċievi l-konċessjoni ta' REN, kif stabbilit fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 226-A/2007, tidher li tinvolvi riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

5.1.3.   Nuqqas ta' vantaġġ

(54)

Jekk tranżazzjoni tkunx konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tista' tiġi stabbilita abbażi ta' metodoloġija ta' valutazzjoni standard aċċettata b'mod ġenerali (14). Tali metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq id-data affidabbli, verifikabbli u oġġettiva disponibbli (15), li għandha tkun dettaljata biżżejjed u għandha tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika fiż-żmien meta ġiet deċiża t-tranżazzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-livell ta' riskju u l-aspettattivi futuri (16).

(55)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk il-valutazzjoni ekonomika tal-estensjoni tal-konċessjonijiet, ivvalutata fl-2007, kinitx sottovalutata minħabba l-użu ta' rati ta' skont differenti applikati għaż-żewġ komponenti tagħha, il-valur residwu tal-assi mhux amortizzati u l-flussi tal-flus ħielsa ġġenerati mill-operat tal-impjanti tal-idroenerġija.

(56)

Il-prezz tal-estensjoni stmat fl-2007 huwa ta' EUR 704 miljun (nett mill-irtirar tat-taxxa li jammonta għal EUR 55 miljun) u għandu żewġ komponenti. L-ewwel nett, huwa kompost mill-flussi tal-flus ħielsa skontati mġarrba mill-operat tal-impjanti tal-idroenerġija matul il-perjodu 2020-2044 (17) (EUR 2 115-il miljun skontati fl-2007). It-tieni nett, huwa kompost mill-valur preżenti nett, fl-2007, tal-valur residwu (EUR 1 356 miljun skontati fl-2007). Għandu jiġi nnotat li EDP kienet tkun intitolata li tirkupra l-valur ta' dawn l-assi li kieku l-Portugall iddeċieda li ma jagħtix l-estensjoni tal-konċessjoni lil EDP.

(57)

Il-Kummissjoni staqsiet kemm l-applikazzjoni ta' fattur ta' skont aktar baxx għall-valur residwu tal-assi mhux amortizzati kienet aċċettabbli minn perspettiva metodoloġika (18).

(58)

Sabiex jirriflettu l-fatt li l-valur ta' dawn l-assi mhux amortizzati użati għall-operat tal-impjant se jkun magħruf fl-2020 u, għalhekk, huwa inqas inċert, minħabba li huma kkuntrattati ma' entitajiet li huma kkontrollati mill-Istat Portugiż, il-banek użaw rata ta' skont aktar baxxa mid-WACC applikat għall-flussi tal-flus, fi kliem ieħor, ir-rata tar-riskju flimkien ma' firxa ta' 50-80 bpp (madwar 4,6 % kontra 7,8 % għad-WACC). L-applikazzjoni ta' rata ta' skont aktar baxxa żżid il-valur preżenti nett tal-valur residwu u tnaqqas il-prezz tal-estensjoni. Minħabba li l-valur residwu mhuwiex affettwat mill-istess inċertezzi ekonomiċi bħall-flussi tal-flus ħielsa, jista' jiġi konkluż li l-applikazzjoni tar-rata ħielsa mir-riskju hija ġustifikata.

(59)

Min-naħa l-oħra, l-użu tad-WACC sabiex jiġi stmat il-valur preżenti nett tal-flussi tal-flus ħielsa (iġġenerati mill-2020 sal-2044 bħala medja) jikkorrespondi għall-prattika tas-suq. Huwa ġustifikat mir-riskju operazzjonali ogħla f'kuntest ta' suq liberalizzat, ir-realizzazzjoni tas-suq tal-elettriku Iberiku (19), l-iżvilupp ta' suq tal-enerġija aktar integrat fil-livell Ewropew, li b'mod ġenerali jinvolvi aktar inċertezzi dwar il-ġenerazzjoni tal-flus kontanti. Għalhekk, l-applikazzjoni tad-WACC għall-flussi tal-flus skontati hija ġustifikata.

(60)

L-evalwazzjoni tad-WACC saret minn Caixa Banco de Investimento u CSFB bl-użu ta' kombinazzjoni ta' approċċ ta' valutazzjoni komparattiva (WACC ta' parteċipanti simili f'setturi simili) ma' approċċ minn isfel għal fuq (kalkolu mill-ġdid tad-WACC bl-użu tad-data pubblika miksuba mingħand Bloomberg). Id-WACC kien stmat bħala 7,72 % u 7,88 % għal Caixa Banco de Investimento u CSFB, rispettivament. Dan l-approċċ jirrifletti l-prattika tas-suq u huwa konformi ma' approċċi simili diġà vvalidati mill-Kummissjoni f'każijiet oħrajn (20).

(61)

Il-Kummissjoni qajmet ukoll dubji dwar jekk il-metodoloġija użata minn REN, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, sabiex tivvaluta l-prezz tal-estensjoni, li tirriżulta fi prezz ogħla (EUR 1 672 miljun), setgħetx titqies bħala approċċ aktar sodisfaċenti mill-valutazzjonijiet imwettqa miż-żewġ istituzzjonijiet finanzjarji (21).

(62)

Madankollu, il-metodoloġija proposta minn REN ma tirrappreżentax il-prattika tas-suq. Il-prezz ta' estensjoni propost ma jistax jinżamm għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

REN applikat rata ta' skont waħda kemm għall-valur residwu kif ukoll għall-flussi tal-flus ħielsa. Din ir-rata ta' skont tassumi li d-WACC huwa mogħti mid-WACC ta' EDP (6,6 %). Madankollu, id-WACC għandu jirrifletti l-profittabbiltà meħtieġa minn bord ta' investituri ta' settur partikolari f'pajjiż partikolari, għal ċertu tip ta' proġett. Ġeneralment, id-WACCs jiġu kkalkolati abbażi ta' approċċ ta' valutazzjoni komparattiva (WACC tal-parteċipanti tas-suq komparabbli) u approċċ minn isfel għal fuq, li jinvolvu stima speċifika ta' kull komponent tad-WACC (beta, primjum tar-riskju tas-suq), li ma saritx fl-istudju. Għalhekk, il-metodu ta' REN ma jidhirx li japplika l-metodoloġija standard applikata b'mod ġenerali mis-suq.

(b)

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ta' REN ma setgħetx tintuża mill-awtoritajiet Portugiżi minħabba n-nuqqas ta' indipendenza tagħha. Skont il-qafas legali Portugiż, il-valur tal-konċessjoni kellu jiġi ddeterminat abbażi tal-evalwazzjonijiet imwettqa minn żewġ istituzzjonijiet indipendenti, CSFB u Caixa Banco de Investimento f'dan il-każ, u l-valutazzjonijiet tagħhom intużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-prezz ta' estensjoni. Kif intwera hawn fuq, l-evalwazzjonijiet ipprovduti minn CSFB u Caixa Banco de Investimento użaw metodoloġija xierqa. Il-Kummissjoni ma ssib ebda raġuni sabiex tqis dawn l-evalwazzjonijiet bħala mhux xierqa sabiex jiġi stabbilit il-valur tas-suq tal-perjodu ta' estensjoni tal-konċessjonijiet.

(63)

Bħala konklużjoni, wara analiżi dovuta, il-metodoloġija użata mill-Portugall sabiex jivvaluta l-prezz ta' estensjoni tista' titqies bħala sodisfaċenti.

(64)

Fil-każ ta' offerta, il-Portugall kien ikollu jħallas lil EDP għall-ammont tal-assi mhux amortizzati fi tmiem il-perjodu ta' konċessjoni tal-PPA (2020). It-tieni nett, il-prezz ta' estensjoni huwa bbażat fuq suppożizzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku ta' 50 EUR/MWh. Għandu jiġi rrimarkat li l-kumpens għall-ispejjeż mhux rikuperabbli vvalutati fl-istess perjodu kien ibbażat fuq stima ta' 36 EUR/MWh. Jekk din is-suppożizzjoni tinżamm għall-kalkolu tal-prezz ta' estensjoni, il-Portugall ikollu jappoġġja prezz negattiv (EUR – 15,4 miljun tal-Valur Preżenti Nett). Għalhekk, is-suppożizzjonijiet tal-prezz imqabbla mas-suppożizzjonijiet użati fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż mhux rikuperabbli huma ċertament aktar favorevoli għall-Istat Portugiż u jirriflettu approċċ konservattiv imħaddan miż-żewġ istituzzjonijiet finanzjarji fil-valutazzjoni tagħhom tal-prezz ta' estensjoni.

6.   KONKLUŻJONI

(65)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura li tintitola lil EDP topera l-impjanti tal-idroenerġija għal perjodu estiż għall-ħlas ta' prezz ta' EUR 704 miljun ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kumulattivi kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u, għalhekk, ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura implimentata mill-Portugall għal EDP — Energias de Portugal, S.A. rigward l-estensjoni tal-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-ġenerazzjoni tal-idroelettriku, ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Dik li sal-2004 kienet magħrufa bħala “Electricidade de Portugal”.

(2)  Għajnuna mill-Istat SA.35429 (2013/C) (ex 2012/CP) — Estensjoni tal-użu tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma għall-ġenerazzjoni tal-idroelettriku — Stedina sabiex jiġu ppreżentati kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 117, 16.4.2014, p. 113).

(3)  Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37).

(4)  Adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Lulju 2001 u kkomunikata lill-Istati Membri permezz tal-ittra SG(2001) D/290869 tas-6 ta' Awwissu 2001.

(5)  Jiġifieri EDP, Tejo Energia u Turbogas.

(6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004)3468 tat-22 ta' Settembru 2004 dwar l-Għajnuna mill-Istat N 161/2004, Spejjeż mhux rikuperabbli fil-Portugall (ĠU C 250, 8.10.2005, p. 9).

(7)  L-awtoritajiet Portugiżi spjegaw li l-prinċipju li l-investimenti mhux amortizzati jiġu kkumpensati meta l-assi rilevanti jitreġġgħu lura lill-Istat fi tmiem konċessjoni kien diġà previst qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur skont il-liġi Portugiża.

(8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004)3468 tat-22 ta' Settembru 2004 dwar l-Għajnuna mill-Istat N 161/2004, Spejjeż mhux rikuperabbli fil-Portugall (ĠU C 250, 8.10.2005, p. 9).

(9)  Adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Lulju 2001 u kkomunikata lill-Istati Membri permezz tal-ittra SG(2001) D/290869 tas-6 ta' Awwissu 2001.

(10)  Ara l-premessa 16 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(11)  Ara l-premessa 16 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(12)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpens mogħti għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4), il-paragrafu 33, fejn issir referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Mejju 2003, Connect Austria Gesellschaft für Telekommunikation GmbH vs Telekom-Control-Kommission, u Mobilkom Austria AG, C-462/99, ECLI:EU:C:2003:297, il-paragrafi 92 u 93; u għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-4 ta' Lulju 2007, Bouygues u Bouygues Télécom SA vs il-Kummissjoni, T 475/04, ECLI:EU:T:2007:196, il-paragrafi 101, 104, 105 u 111.

(13)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(14)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta' Marzu 2007, Scott vs il-Kummissjoni, T-366/00, ECLI:EU:T:2007:99, il-paragrafu 134; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, C-239/09, ECLI:EU:C:2010:778, il-paragrafu 39.

(15)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Settembru 2004, Valmont Nederland BV vs il-Kummissjoni, T-274/01, ECLI:EU:T:2004:266, il-paragrafu 71.

(16)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta' Marzu 2007, Scott vs il-Kummissjoni, T-366/00, ECLI:EU:T:2007:99, il-paragrafu 158.

(17)  Is-sena 2020 tikkorrespondi għas-sena finali medja tal-PPAs u għall-perjodu ta' kumpens tal-ispejjeż mhux rikuperabbli għas-27 impjant tal-idroenerġija involuti fit-tranżazzjoni. Is-sena 2044 tikkorrespondi għad-data medja tat-tmiem tal-perjodu ta' estensjoni tal-konċessjonijiet għas-27 impjant tal-idroenerġija.

(18)  Ara l-premessa 51 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(19)  Is-suq tal-elettriku Iberiku, jew MIBEL, kien definit fil-Ftehim Internazzjonali bejn ir-Repubblika Portugiża u r-Renju ta' Spanja għall-Kostituzzjoni ta' Suq tal-Elettriku Iberiku. MIBEL kien implimentat permezz ta' serje ta' liġijiet adottati fi Spanja (pereżempju, l-Ordni ITC/2129/2006, tat-30 ta' Ġunju 2006) u fil-Portugall (pereżempju, Portaria 643/2006, tas-26 ta' Ġunju 2006).

(20)  Ara, pereżempju, L-għajnuna mill-Istat — L-Ungerija — SA.38454 (2015/C)(ex 2015/N) — Għajnuna possibbli għall-istazzjon tal-enerġija nukleari ta' Paks — Stedina għas-sottomissjoni ta' kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 8, 12.1.2016, p. 2) u T-319/12 u T-321/12 — Spanja u Ciudad de la Luz vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2014:604, il-paragrafu 40, T-233/99 u T-228/99 — Landes Nordrhein-Westfalen vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2003:57, il-paragrafu 245.

(21)  Ara l-premessi 48 sa 51 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.


Top