Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1545

Deċiżjoni (UE) 2017/1545 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

OJ L 237, 15.9.2017, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1545/oj

15.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/1


DEĊIŻJONI (UE) 2017/1545 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Settembru 2017

li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 167 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandha l-għan li tipproteġi u tippromwovi r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi li jeżistu fl-Ewropa u li tenfasizza l-karatteristiċi komuni ta' bejniethom filwaqt li tħeġġeġ is-sens taċ-ċittadini li jħossu li jiffurmaw parti minn żona kulturali komuni, b'mod li tinkoraġġixxi l-fehim reċiproku u d-djalogu interkulturali, u li ġġib fuq quddiem il-wirt kulturali komuni. Dik id-Deċiżjoni għandha wkoll l-għan li trawwem il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-bliet, li jista' jinvolvi ż-żoni ta' madwarhom, skont l-istrateġiji u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom, bl-għan li jiġi appoġġat it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

(2)

Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura jagħtu kontribut kruċjali għall-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni.

(3)

Jenħtieġ li l-attivitajiet tan-netwerking ikomplu jiġu inkoraġġiti aktar bejn il-bliet tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni detenturi tat-titlu ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura, bl-għan li jitrawmu l-iskambju tal-esperjenzi u l-prattiki tajba.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tistipula li jkollhom aċċess għall-azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura (l-“azzjoni”) biss il-bliet tal-Istati Membri, ta' pajjiżi kandidati jew ta' pajjiżi kandidati potenzjali, jew, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni, bliet ta' pajjiż li jaderixxi mal-Unjoni.

(5)

Bl-għan li jissaħħu r-rabtiet kulturali bejn il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (3) (“il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE”) u l-Unjoni, jenħtieġ li l-azzjoni tkun miftuħa wkoll, soġġett għal kondizzjonijiet, għall-bliet ta' dawk il-pajjiżi f'konformità ma' dak il-Ftehim.

(6)

Madankollu, matul il-perjodu kopert bid-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE, jiġifieri mill-2020 sal-2033, għal raġunijiet ta' ekwità mal-bliet fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-azzjoni, jenħtieġ li l-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE jkunu jistgħu jikkompetu għat-titlu f'kompetizzjoni waħda biss. Għal raġunijiet ta' ekwità mal-Istati Membri, jenħtieġ li kull pajjiż tal-EFTA/ŻEE jkun jista' jospita t-titolu darba biss matul dak il-perjodu, bħalma huwa l-każ għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi kandidati potenzjali.

(7)

Peress li s-sejħiet għat-tressiq tal-applikazzjonijiet jeħtieġ li jiġu ppubblikati mhux aktar tard minn sitt snin qabel is-sena tat-titlu, jenħtieġ li pajjiż kandidat, pajjiż kandidat potenzjali jew pajjiż tal-EFTA/ŻEE jospita l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2028 minflok fl-2027 biex dawk il-pajjiżi jkunu jistgħu jinnegozjaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm tal-Unjoni li jappoġġa l-kultura li jkun sussegwenti għall-Programm Ewropa Kreattiva għall-perjodu 2021 sa 2027.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tiġi emendata għaldaqstant,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-għadd ta' bliet detenturi tat-titlu f'sena partikolari (‘is-sena tat-titlu’) ma għandux ikun ta' aktar minn tlieta.

It-titlu għandu jingħata kull sena lil mhux iktar minn belt waħda f'kull wieħed miż-żewġ Stati Membri li jidhru fil-kalendarju li jinsab fl-Anness (‘il-kalendarju’) u, fis-snin rilevanti, lil belt waħda f'pajjiż tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘pajjiż tal-EFTA/ŻEE’), f'pajjiż kandidat jew f'pajjiż kandidat potenzjali, jew lil belt waħda f'pajjiż li jaderixxi mal-Unjoni fiċ-ċirkostanzi indikati fil-paragrafu 5.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali li jipparteċipaw fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi sussegwenti tal-Unjoni li jappoġġaw il-kultura fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2), jistgħu japplikaw għat-titlu għal sena waħda fil-qafas ta' kompetizzjoni miftuħa organizzata skont il-kalendarju li jinsab fl-Anness.

Il-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw biss f'kompetizzjoni waħda matul il-perjodu mill-2020 sal-2033.

Kull pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali għandu jkun jista' jospita t-titlu darba biss matul il-perjodu mill-2020 sal-2033.”;

(2)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-għażla minn qabel u l-għażla f'pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, f'pajjiżi kandidati u f'pajjiżi kandidati potenzjali”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali.”;

(c)

fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Il-bord għandu joħroġ rapport tal-għażla dwar l-applikazzjonijiet tal-bliet kandidati fil-lista mqassra flimkien ma' rakkomandazzjoni għan-nomina ta' mhux aktar minn belt waħda f'pajjiż tal-EFTA/ŻEE, f'pajjiż kandidat jew f'pajjiż kandidat potenzjali wieħed.”;

(3)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fil-każ ta' pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, ta' pajjiżi kandidati u ta' pajjiżi kandidati potenzjali, il-Kummissjoni għandha tinnomina belt waħda biex iżżomm it-titlu fis-snin rilevanti, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-għażla tal-bord, u għandha tavża, mhux aktar tard minn erba' snin qabel is-sena tat-titlu, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni b'dik in-nomina.”;

(4)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istat Membru, il-pajjiż tal-EFTA/ŻEE, il-pajjiż kandidat jew il-pajjiż kandidat potenzjali kkonċernat jista' jinnomina osservatur biex jattendi dawk il-laqgħat.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-bord għandu jibgħat ir-rapporti ta' monitoraġġ tiegħu lill-Kummissjoni, lill-bliet nominati u lill-Istati Membri tagħhom, kif ukoll lill-bliet nominati u lill-pajjiż tal-EFTA/ŻEE, lill-pajjiż kandidat jew lill-pajjiż kandidat potenzjali rilevanti.”;

(5)

l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Settembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 1).

(3)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.


ANNESS

“KALENDARJU

2020

Il-Kroazja

L-Irlanda

 

2021

Ir-Rumanija

Il-Greċja

Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2022

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

 

2023

L-Ungerija

Ir-Renju Unit

 

2024

L-Estonja

L-Awstrija

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali (1)

2025

Is-Slovenja

Il-Ġermanja

 

2026

Is-Slovakkja

Il-Finlandja

 

2027

Il-Latvja

Il-Portugall

 

2028

Ir-Repubblika Ċeka

Franza

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2029

Il-Polonja

L-Iżvezja

 

2030

Ċipru

Il-Belġju

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2031

Malta

Spanja

 

2032

Il-Bulgarija

Id-Danimarka

 

2033

In-Netherlands

L-Italja

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali


(1)  Dejjem jekk din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel ma tkun waslet biex tiġi ppubblikata s-sejħa għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet tal-kompetizzjoni tal-2024, jiġifieri sitt snin qabel is-sena tat-titlu.”


Top