EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0759

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/759 tat-28 ta' April 2017 dwar protokolli komuni u formati tad-data biex jintużaw minn trasportaturi tal-ajru meta tiġi trasferita data tal-PNR lill-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri

C/2017/2743

OJ L 113, 29.4.2017, p. 48–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/759/oj

29.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/48


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/759

tat-28 ta' April 2017

dwar protokolli komuni u formati tad-data biex jintużaw minn trasportaturi tal-ajru meta tiġi trasferita data tal-PNR lill-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar l-użu ta' data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/681 tirrikjedi li l-Kummissjoni tfassal lista ta' protokolli komuni u formati tad-data aċċettati biex jintużaw minn trasportaturi tal-ajru meta jittrasferixxu data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) lill-Istati Membri. It-trasportaturi tal-ajru jridu jagħżlu minn dik il-lista u jidentifikaw lill-Istati Membri l-protokoll komuni u l-format tad-data li jippjanaw li jużaw.

(2)

Jenħtieġ li l-lista ta' għażliet tikkunsidra l-istat attwali tal-industrija, sabiex tippermetti implimentazzjoni rapida tad-Direttiva (UE) 2016/681 u tnaqqas l-impatt ekonomiku negattiv fuq it-trasportaturi tal-ajru. Fl-istess ħin, l-għażliet provduti jenħtieġ li jiżguraw is-sigurtà u l-affidabbiltà tat-trasferiment tad-data tal-PNR.

(3)

It-trasportaturi tal-ajru ż-żgħar li ma joperawx titjiriet skont skeda speċifika u pubblika u li ma għandhomx l-infrastruttura teknika meħtieġa li tippermettilhom jużaw il-formati tad-data u l-protokolli tat-trażmissjoni msemmija fl-Anness jenħtieġ li jiġu eżentati mill-obbligu li jużaw dawn il-formati u l-protokolli. L-Istati Membri jenħtieġ li jaqblu bilateralment ma' dawn it-trasportaturi tal-ajru dwar il-mezzi elettroniċi li għandhom jintużaw sabiex jipprovdu livell xieraq ta' sigurtà għat-trażmissjoni ta' data tal-PNR minn dawn it-trasportaturi.

(4)

Skont il-premessa (17) tad-Direttiva (UE) 2016/681, il-linji gwida tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar il-PNR jenħtieġ li jkunu l-bażi għall-adozzjoni tal-formati tad-data aċċettati għal trasferimenti ta' data tal-PNR minn trasportaturi tal-ajru lill-Istati Membri.

(5)

Il-format tad-data PNRGOV huwa rikonoxxut bħala standard internazzjonali għat-trażmissjoni ta' data tal-PNR u ġie żviluppat b'mod konġunt minn gvernijiet, trasportaturi tal-ajru u fornituri tas-servizzi taħt l-awspiċji tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), l-ICAO u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). Il-format tad-data PNRGOV jenħtieġ li jkun konformi mal-Implementation Guide EDIFACT tal-PADIS (Passenger and Airport Data Interchange Standards) u mal PADIS XML Implementation Guide għal messaġġi PNRGOV, approvati u ppubblikati mill-Kumitat ta' Kuntatt WCO /IATA/ICAO API PNR.

(6)

UN/EDIFACT PAXLST huwa l-format tad-data għat-trażmissjoni ta' data antiċipata dwar il-passiġġieri (API). Dan il-format jenħtieġ li jintuża għat-trażmissjoni, skont l-artikolu 8(2) tad-Direttiva (UE) 2016/681, tad-data tal-API li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru fl-andament normali tal-operat tagħhom iżda ma jżommux bl-istess mezzi tekniċi bħal data oħra tal-PNR.

(7)

Attwalment, żewġ protokolli ta' trażmissjoni, IBM MQ u IATA Type B, huma dawk użati mill-maġġoranza tat-trasportaturi tal-ajru għat-trasferiment ta' data tal-passiġġieri lill-awtoritajiet nazzjonali.

(8)

IBM MQ, prodott li jappartjeni lil IBM Corporation, jipprovdi twassil tal-messaġġi sigur u affidabbli li jippreserva l-integrità tal-messaġġi u jnaqqas ir-riskju tat-telf ta' informazzjoni, billi juża kjus tal-messaġġi biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-applikazzjonijiet, is-sistemi, is-servizzi u l-fajls.

(9)

Il-messaġġi Type B huwa l-isem mogħti minn IATA lill-messaġġi użati bejn it-trasport tal-ajru u l-industrija relatata mal-ivvjaġġar. Fl-industrija tat-trasport tal-ajru huma meqjusa bħala affidabbli u siguri ferm u għalhekk jappoġġaw l-applikazzjonijiet kritiċi tan-negozju.

(10)

Mhux it-trasportaturi tal-ajru kollha jinsabu f'pożizzjoni li jadottaw u jimplimentaw protokolli tat-trażmissjoni oħrajn apparti dawk li attwalment qegħdin jużaw bi żmien ta' inqas minn 4-5 snin.

(11)

Skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva (UE) 2016/681, it-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jkunu kapaċi jużaw tal-inqas wieħed mill-formati tad-data u l-protokolli tat-trażmissjoni permezz ta' din id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni minn sena wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

(12)

B'konsegwenza ta' dan, id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni jenħtieġ li tirrikonoxxi l-istat attwali tal-industrija u tipprovdi għall-possibbiltà li t-trasportaturi tal-ajru jibqgħu jużaw, anki għall-għanijiet tad-Direttiva (UE) 2016/681, l-istess formati tad-data u protokolli tat-trażmissjoni li attwalment jirrappreżentaw standard fl-industrija.

(13)

Min-naħa l-oħra, l-użu ta' formati tad-data u protokolli tat-trażmissjoni standard miftuħa, inkluż l-użu ta' standards Ewropej, jenħtieġ li jiġu mħeġġa kemm jista' jkun.

(14)

Il-Kummissjoni bħalissa tippromwovi l-użu tal-protokoll “AS4”, b'mod notevoli fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF). Dan il-protokoll jenħtieġ li għalhekk jiġi elenkat bħala alternattiva għall-protokolli IBM MQ u IATA Type B.

(15)

L-industrija u l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jieħdu l-miżuri meħtieġa, flimkien mas-sħab internazzjonali, mal-ICAO u mad-WCO bil-ħsieb li jinkludu protokolli standard miftuħa xierqa bħala parti mill-protokolli ta' referenza aċċettati b'mod internazzjonali għat-trażmissjoni ta' data tal-PNR minn trasportaturi tal-ajru lill-unitajiet ta' informazzjoni dwar il-passiġġieri tal-Istati Membri.

(16)

Id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni attwali jenħtieġ li għalhekk tiġi rieżaminata fi żmien erba' snin wara d-data tal-adozzjoni tagħha biex titqies il-possibbiltà li l-prodotti jiġu sostitwiti minn protokolli tat-trażmissjoni standard miftuħa. Trid tqis ukoll iż-żieda ta' kwalunkwe reviżjoni tal-verżjonijiet eżistenti tal-EDIFACT u XML tal-PNRGOV u EDIFACT PAXLST kif ukoll l-iżvilupp potenzjali ta' standards XML għal messaġġi tal-API.

(17)

L-Istati Membri jistgħu wkoll iqisu li jipprovdu lit-trasportaturi tal-ajru b'konferma tar-riċevuta tat-trasferiment tal-PNR (billi jużaw messaġġ ACKRES). Deċiżjoni bħal din jenħtieġ li tkun ibbażata fuq arranġament bilaterali bejn it-trasportatur tal-ajru u l-Istat Membru kif rakkomandat mill-IATA.

(18)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmija fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva (UE) 2016/681,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Protokolli komuni u formati aċċettati tad-data

1.   Meta d-data tal-PNR tiġi trasferita lill-unitajiet tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri tal-Istati Membri skont id-Direttiva (UE) 2016/681, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jużaw wieħed mill-formati tad-data u l-protokolli tat-trażmissjoni elenkati fil-punti 1 u 2 tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

2.   F'każ li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu data antiċipata dwar il-passiġġieri (API) imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva (UE) 2016/681 b'mod distint mid-data tal-PNR trasferita għall-istess titjira, għandhom jużaw il-format tad-data msemmi fil-punt 3 tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

3.   Permezz ta' deroga mill-paragrafi 1 u 2 hawn fuq, it-trasportaturi tal-ajru li ma joperawx titjiriet barra mill-UE u ġewwa l-UE skont skeda speċifika u pubblika u li ma għandhomx l-infrastruttura meħtieġa biex jappoġġaw il-formati tad-data u l-protokolli tat-trażmissjoni elenkati fl-Anness għandhom jittrasferixxu d-data tal-PNR b'mezzi elettroniċi li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti fir-rigward tal-miżuri ta' sigurtà tekniċi, li għandhom jiġu miftiehma bilateralment bejn it-trasportatur tal-ajru u l-Istat Membru rilevanti.

Artikolu 2

Rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta' din id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni sat-28 ta' April 2021. Ir-rieżami għandu jindirizza b'mod partikolari l-possibbiltà li jipprovdi għal protokolli tat-trażmissjoni standard miftuħa b'mod esklussiv jew flimkien ma' protokolli eżistenti, filwaqt li jiżgura li huma allinjati ma' standards internazzjonali u l-aħjar prattiki.

2.   Fid-dawl ta' dan ir-rieżami, il-Kummissjoni tista' tadotta emenda għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132.


ANNESS

1.   Formati tad-data għat-trasferiment ta' data tal-PNR

EDIFACT PNRGOV, kif deskritt fl-EDIFACT implementation guide; data tal-PNR mibgħuta lil Stati jew awtoritajiet oħrajn; messaġġ PNRGOV verżjoni 11.1 jew iktar riċenti;

XML PNRGOV, kif deskritt fl-XML implementation guide; data tal-PNR mibgħuta lil Stati jew awtoritajiet oħrajn; messaġġ PNRGOV verżjoni 13.1 jew iktar riċenti.

2.   Protokolli tat-trażmissjoni tad-data għat-trasferiment ta' data tal-PNR

IBM MQ;

IATA Type B;

Profil AS4 ta' ebMS 3.0 Verżjoni 1.0, standard OASIS, ippubblikat fit-23 ta' Jannar 2013. Implimentazzjoni ta' AS4 skont il-Profil AS4 e-SENS żviluppat mill-Proġett Pilota ta' Skala Kbira e-SENS, identifikatur attwali u verżjoni: “PR — AS4 — 1.10”. Mill-2017, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se tkompli tmexxi u ttejjeb dawn il-linji gwida ta' implimentazzjoni.

3.   Formati tad-data għat-trasferiment tad-data tal-API meta tiġi trasferita b'mod separat mill-messaġġ PNR

EDIFACT PAXLST, kif deskritt fid-WCO/IATA/ICAO Passenger List message (PAXLST) implementation guide, verżjoni tal-2003 jew iktar riċenti.


Top