EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0298

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/298 tas-17 ta' Frar 2017 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

OJ L 43, 21.2.2017, p. 209–213 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/298/oj

21.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/209


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/298

tas-17 ta' Frar 2017

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' April 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/598 (1) biex ħatar lis-Sur Peter BURIAN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali. Il-mandat tar-RSUE għandu jiskadi fit-28 ta' Frar 2017.

(2)

Il-mandat tar-RSUE jenħtieġ li jiġi estiż għal perijodu ieħor ta' 16-il xahar.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Peter BURIAN bħala r-RSUE għall-Asja Ċentrali huwa estiż sat-30 ta' Ġunju 2018. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi tal-politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni fl-Asja Ċentrali. Dawn l-objettivi jinkludu:

(a)

il-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali abbażi ta' valuri u interessi komuni kif stipulati fi ftehimiet rilevanti;

(b)

il-kontribut għat-tisħiħ tal-istabbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun;

(c)

il-kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Asja Ċentrali;

(d)

l-indirizzar ta' theddidiet ewlenin, speċjalment ta' problemi speċifiċi b'implikazzjonijiet diretti għall-Unjoni;

(e)

it-titjib fl-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun, inkluż permezz tal-koordinazzjoni iżjed mill-qrib ma' sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn, bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-Nazzjonijiet Uniti (NU).

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jippromwovi l-koordinazzjoni politika tal-Unjoni fuq bażi ġenerali fl-Asja Ċentrali u jgħin biex tkun żgurata l-konsistenza tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni fir-reġjun;

(b)

jimmonitorja, f'isem ir-RGħ, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mal-Kummissjoni, il-proċess ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali, ikkomplementat bil-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u rapporti ta' progress sussegwenti dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Asja Ċentrali, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lill-korpi rilevanti tal-Kunsill fuq bażi regolari;

(c)

jgħin lill-Kunsill biex tkompli tiġi żviluppata politika komprensiva fir-rigward tal-Asja Ċentrali;

(d)

isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fl-Asja Ċentrali billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-gvernijiet, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-massa;

(e)

iħeġġeġ lill-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan biex jikkooperaw fir-rigward ta' kwistjonijiet reġjonali ta' interess komuni;

(f)

jiżviluppa kuntatti u kooperazzjoni adatti mal-atturi interessati ewlenin fir-reġjun, u l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha;

(g)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati kif ukoll dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, u tal-politika tal-Unjoni rigward ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż billi jimmonitorja u jirrapporta dwar l-iżviluppi kif ukoll ifassal rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward;

(h)

jikkontribwixxi, f'kooperazzjoni mill-qrib man-NU u l-OSKE, għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti billi jiżviluppa kuntatti mal-awtoritajiet u ma' atturi lokali oħra bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, partiti politiċi, minoranzi, gruppi reliġjużi u l-mexxejja tagħhom;

(i)

jagħti sehmu għall-formulazzjoni ta' aspetti tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, fir-rigward tal-Asja Ċentrali li huma relatati mas-sigurtà tal-enerġija, is-sigurtà tal-fruntieri, il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, inklużi d-droga u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, l-ambjent u t-tibdil fil-klima;

(j)

jippromwovi s-sigurtà reġjonali fil-fruntieri tal-Asja Ċentrali fil-kuntest tat-tnaqqis tal-preżenza internazzjonali fl-Afganistan.

2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ u jżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2017 sat-30 ta' Ġunju 2018 għandu jkun ta' EUR 1 195 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru li jissekonda, mill-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati biex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jissekonda, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew is-SEAE, rispettivament, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jitqiegħed fl-istess post li fih jinsab id-dipartiment rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjoni rilevanti tal-Unjoni sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament regolari tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u abbażi tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri speċifiċi ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali, li jirregola l-ġestjoni taċ-ċaqliq mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta' responsabbiltà, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u pjan ta' evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jew kif jaslu fiż-żona ta' responsabbiltà, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha li jsiru wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà u jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapporti

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, kif neċessarju. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jiġi involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex ikun żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati konsistentement sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati mad-dipartiment ġeografiku rilevanti tas-SEAE, kif ukoll mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni fuq bażi regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet rilevanti tal-Missjonijiet tal-Istati Membri u mal-Kapijiet rilevanti tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

Artikolu 13

Assistenza b'rabta ma' pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-provvediment ta' elementi bi tweġiba għal kwalunkwe pretensjoni u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għall-Asja Ċentrali, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali finijiet.

Artikolu 14

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sat-30 ta' Settembru 2017 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BARTOLO


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/598 tal-15 ta' April 2015 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali (ĠU L 99, 16.4.2015, p. 25).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


Top