EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0050

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/50 tal-11 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

OJ L 7, 12.1.2017, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/50/oj

12.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/50

tal-11 ta' Jannar 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' April 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/219/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali). Il-missjoni ngħatat mandat u ammont ta' referenza finanzjarja sal-14 ta' Jannar 2017.

(2)

Wara r-Reviżjoni Strateġika tal-missjoni, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rrakkomanda li l-mandat tal-EUCAP Sahel Mali jiġi adattat u estiż għal perijodu ta' sentejn. Jenħtieġ li jkun previst ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mill-15 ta' Jannar 2017 sal-14 ta' Jannar 2018.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/219/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/219/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Objettiv u Kompiti

1.   L-objettiv tal-EUCAP Sahel Mali għandu jkun li l-awtoritajiet Maljani jkunu jistgħu jerġgħu jistabbilixxu u jżommu l-ordni kostituzzjonali u demokratiku u l-kondizzjonijiet għal paċi dejjiema fil-Mali, u li jerġgħu jistabbilixxu u jżommu l-awtorità u l-leġittimità tal-Istat fuq it-territorju kollu tal-Mali permezz tal-instawrazzjoni mill-ġdid effikaċi tal-amministrazzjoni tiegħu.

2.   Sabiex tiġi appoġġata d-dinamika Maljana fl-istabbiliment mill-ġdid tal-awtorità tal-Istat, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Patt għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali ffirmat fil-15 ta' Mejju u fl-20 ta' Ġunju 2015 u f'koordinament mill-qrib ma' atturi internazzjonali oħra, b'mod partikolari l-MINUSMA, il-EUCAP Sahel Mali għandha tassisti u tforni konsulenza lill-forzi tas-sigurtà interni fl-implimentazzjoni tar-riforma ta' sigurtà stabbilita mill-Gvern il-ġdid, bil-ħsieb li:

(a)

titjieb l-effikaċja operazzjonali tagħhom;

(b)

jiġu stabbiliti mill-ġdid il-linji ġerarkiċi rispettivi tagħhom;

(c)

jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi fir-rigward tat-tmexxija u s-superviżjoni tal-missjonijiet tagħhom; u

(d)

tiġi faċilitata l-instawrazzjoni mill-ġdid tagħhom fit-tramuntana tal-pajjiż.

3.   Il-EUCAP Sahel Mali għandha tikkontribwixxi, fl-ambitu tal-attivitajiet tagħha, għat-titjib tal-interoperabbiltà u l-koordinament bejn il-forzi tas-sigurtà interna tal-pajjiżi tas-Sahel G5 u l-FSI.

4.   Biex tilħaq l-objettiv tagħha, il-EUCAP Sahel Mali għandha topera skont il-linji strateġiċi ta' operazzjoni definiti fil-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi approvati mill-Kunsill fis-17 ta' Marzu 2014 u ppreżentati fid-dokumenti ta' ppjanar operazzjonali approvati mill-Kunsill.”.

(2)

L-Artikolu 14(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUCAP Sahel Mali mill-15 ta' April 2014 sal-14 ta' Jannar 2015 għandu jkun ta' EUR 5 500 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUCAP Sahel Mali mill-15 ta' Jannar 2015 sal-14 ta' Jannar 2016 għandu jkun ta' EUR 11 400 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUCAP Sahel Mali bejn il-15 ta' Jannar 2016 u l-14 ta' Jannar 2017 għandu jkun ta' EUR 19 775 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUCAP Sahel Mali bejn il-15 ta' Jannar 2017 u l-14 ta' Jannar 2018 għandu jkun ta' EUR 29 800 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.”.

(3)

Il-Artikolu 17 hu emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġġenerati għall-finijiet tal-EUCAP Sahel Mali sal-livell ta' klassifikazzjoni stabbilit mill-Kunsill skont id-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-RGħ u l-Frontex għal dan il-għan.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Ir-RGħ jista' jiddelega tali awtorizzazzjonijiet u l-kompetenza li jikkonkludu l-arranġamenti msemmijin f'dan l-Artikolu lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni skont it-taqsima VII tal-Anness VI għad-Deċiżjoni 2013/488/UE.”.

(4)

Fl-Artikolu 18, l-aħħar sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Din għandha tapplika sal-14 ta' Jannar 2019.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

L. GRECH


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21).


Top