Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1997

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1997 tal-15 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 fir-rigward tal-emenda tal-programmi tal-iżvilupp rurali u l-monitoraġġ ta' azzjonijiet biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, u li tikkoreġi dak ir-Regolament

C/2016/7216

OJ L 308, 16.11.2016, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1997/oj

16.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1997

tal-15 ta' Novembru 2016

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 fir-rigward tal-emenda tal-programmi tal-iżvilupp rurali u l-monitoraġġ ta' azzjonijiet biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, u li tikkoreġi dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12, l-Artikolu 66(5), l-Artikolu 67 u l-Artikolu 75(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 (2) jistabbilixxi l-għadd massimu ta' emendi fil-programmi tal-iżvilupp rurali li l-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni. L-esperjenza wriet li l-għadd massimu ta' emendi fil-programm għandu jiżdied biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissottomettu għadd limitat ta' emendi addizzjonali matul il-perjodu ta' programmazzjoni. Il-każijiet li fihom l-għadd massimu ta' emendi fil-programm ma japplikax għandhom jiġu ċċarati u għandhom jinkludu l-emendi marbuta mal-adozzjoni ta' ċerti miżuri ta' emerġenza jew mad-delimitazzjoni l-ġdida taż-żoni li jaffaċċaw restrizzjonijiet naturali sinifikanti msemmija fl-Artikolu 32(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(2)

Is-suċċess tal-programmi tal-iżvilupp rurali jiddependi mhux biss minn amministrazzjoni tajba u mill-implimentazzjoni kompluta tagħhom, iżda wkoll minn prontezza li jadattaw għal sfidi ġodda u ċirkostanzi li jinbidlu bħall-kriżi tal-migrazzjoni. Sabiex tkun żgurata koordinazzjoni tajba tal-mekkaniżmi eżistenti kollha ta' intervent, l-appoġġ tal-FAEŻR għal azzjonijiet immirati lejn l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandu jiġi mmonitorjat fil-livell tal-UE.

(3)

Fil-punt 1 tal-Parti 2 tal-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014, bi żball ma ddaħħalx il-logo ta' LEADER. Dan għandu jiġi kkorreġut. Fil-punt 1 tal-Anness IV, ir-referenza għal żoni inqas iffavoriti għandha tiġi kkoreġuta. Għandha tinbidel b'referenza għal żoni li jaffaċċaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet oħrajn speċifiċi.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(2) jinbidel b'dan li ġej:

“2.   L-emendi fil-programm tat-tip imsemmi fl-Artikolu 11(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ma jistgħux jiġu proposti aktar minn tliet darbiet tul il-perjodu ta' programmazzjoni.

Għat-tipi l-oħrajn kollha ta' emendi kkombinati:

(a)

tista' tiġi sottomessa proposta waħda għal emenda kull sena kalendarja u għal kull programm, bl-eċċezzjoni tas-sena 2023 f'liema sena tista' tiġi sottomessa aktar minn proposta waħda għall-emendi li jikkonċernaw b'mod esklussiv l-adattament tal-pjan ta' finanzjament, inkluż kwalunkwe tibdil li jirriżulta fil-pjan indikatur;

(b)

jistgħu jiġu sottomessi tliet proposti addizzjonali għal emenda għal kull programm tul il-perjodu ta' programmazzjoni.

L-għadd massimu ta' emendi msemmi fl-ewwel u t-tieni sottoparagrafi ma japplikax:

(a)

f'każ li jridu jittieħdu miżuri ta' emerġenza minħabba diżastri naturali, avvenimenti katastrofiċi jew avvenimenti klimatiċi avversi rikonoxxuti minn awtorità pubblika nazzjonali kompetenti, jew minħabba bidla sinifikanti u f'daqqa fil-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-Istat Membru jew reġjun, inkluż bidliet demografiċi sinifikanti u f'daqqa li jirriżultaw minn migrazzjoni jew riċeviment ta' refuġjati;

(b)

f'każ li hija meħtieġa emenda wara bidla fil-qafas legali tal-Unjoni;

(c)

wara l-analiżi tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(d)

f'każ ta' bidla fil-kontribuzzjoni ppjanata tal-FAEŻR għal kull sena msemmija fl-Artikolu 8(1)(h)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 li tirriżulta minn żviluppi marbuta mat-tqassim annwali ta' kull Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 58(7) ta' dak ir-Regolament; l-emendi proposti jistgħu jinkludu bidliet konsegwenzjali fid-deskrizzjoni tal-miżuri;

(e)

f'każ ta' bidliet marbuta mal-introduzzjoni ta' strumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; jew

(f)

f'każ ta' bidliet marbuta mal-introduzzjoni tad-delimitazzjoni l-ġdida msemmija fl-Artikolu 32(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.”

(2)

L-Artikolu 5(4) jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Ħlief f'każijiet ta' miżuri ta' emerġenza minħabba diżastri naturali, avvenimenti katastrofiċi jew avvenimenti klimatiċi avversi formalment rikonoxxuti mill-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti, jew minħabba bidla sinifikanti u f'daqqa fil-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-Istat Membru jew reġjun, inkluż bidliet demografiċi sinifikanti u f'daqqa li jirriżultaw minn migrazzjoni jew riċeviment ta' refuġjati, bidliet fil-qafas legali, jew bidliet li jirriżultaw mill-analiżi tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, it-talbiet għall-emenda tal-qafas nazzjonali msemmi fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu sottomessi darba biss għal kull sena kalendarja qabel l-1 ta' April. Permezz ta' deroga mit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 4(2), bidliet fil-programmi li jirriżultaw minn reviżjoni ta' dan it-tip jistgħu jsiru b'żieda mal-proposti għal emenda sottomessi f'konformità ma' dak is-sottoparagrafu.”

(3)

L-Artikolu 14(4) jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Għat-tipi ta' operazzjonijiet li għalihom tkun identifikata kontribuzzjoni potenzjali għall-oqsma ta' fokus imsemmija fl-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (2)(a), l-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punti (5)(a) sa (d), u l-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jew għal tipi ta' operazzjonijiet fejn tkun identifikata kontribuzzjoni potenzjali għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, ir-rekord elettroniku tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandu jinkludi marka/i għall-identifikazzjoni ta' dawk il-każijiet li fihom l-operazzjoni jkollha komponent li jikkontribwixxi lejn qasam ta' fokus wieħed jew aktar.”

(4)

L-Annessi III, IV u VII huma emendati kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 18).


ANNESS

L-Annessi III, IV u VII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 huma emendati kif ġej:

(1)

Fil-punt 1 tal-Parti 2 tal-Anness III, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

għall-azzjonijiet u l-miżuri ffinanzjati minn LEADER, il-logo ta' LEADER:

Image

(2)

Fil-punt 1 tal-Anness IV, l-indikatur C32 jinbidel b'dan li ġej:

“C32.

Żoni li qed jaffaċċaw limitazzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi”

(3)

Fil-punt 1(b) tal-Anness VII, l-entrata “Tabella C” tinbidel b'dan li ġej:

“—

Tabella C: Tqassim għall-eżiti u l-miżuri rilevanti skont it-tip ta' qasam, sess u/jew età, u skont l-operazzjonijiet li jikkontribwixxu lejn l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.”


Top