Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1842

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1842 tal-14 ta' Ottubru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifikat elettroniku ta' spezzjoni għall-prodotti organiċi importati u għal ċerti affarijiet oħrajn u r-Regolament (KE) Nru 889/2008 dwar ir-rekwiżiti għall-prodotti organiċi ppreservati jew ipproċessati u t-trażmissjoni tal-informazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )

C/2016/6502

OJ L 282, 19.10.2016, p. 19–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1842/oj

19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1842

tal-14 ta' Ottubru 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifikat elettroniku ta' spezzjoni għall-prodotti organiċi importati u għal ċerti affarijiet oħrajn u r-Regolament (KE) Nru 889/2008 dwar ir-rekwiżiti għall-prodotti organiċi ppreservati jew ipproċessati u t-trażmissjoni tal-informazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 38(a), (d) u (e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 (2) jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 jipprevedi perjodu li matulu l-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll għandhom jagħmlu t-talba tagħhom għar-rikonoxximent għall-iskop tal-konformità skont l-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. Minħabba li għadha qed tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-importazzjoni tal-prodotti konformi u minħabba li għadhom qed jiġu żviluppati l-linji gwida, il-mudelli, il-kwestjonarji u s-sistema ta' trażmissjoni elettronika meħtieġa relatati, għandha tittawwal l-iskadenza biex il-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll jippreżentaw it-talbiet tagħhom.

(3)

L-esperjenza wriet li l-prattiki marbutin mal-verifika tal-kunsinni tal-prodotti organiċi qabel ma dawn jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Biex ikun hemm kontrolli konsistenti u effettivi, it-tipi ta' verifiki meħtieġa sabiex jiġu vverifikati l-kunsinni għandhom jiġu ċċarati, fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju li għandha titwettaq skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. Ta' min jifformula mill-ġdid ukoll id-definizzjoni tal-awtoritajiet li huma responsabbli għall-verifika tal-kunsinni u għall-approvazzjoni taċ-ċertifikati ta' spezzjoni sabiex jiġi ċċarat li dawn l-awtoritajiet huma awtorità kompetenti responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fil-qasam tal-produzzjoni organika u huma magħżulin skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

(4)

Ġie nnutat ukoll li l-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll ivarjaw fil-prattiki tagħhom b'rabta mal-klassifikazzjoni tal-prodotti li għandhom jiġu impurtati skont il-kategoriji tal-prodotti msemmija fl-Annessi III u IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008. Għalhekk, biex ikun hemm klassifikazzjoni iktar uniformi tal-prodotti li jidħlu f'dawk il-kategoriji tal-prodotti, għandhom jiġu stabbiliti ċerti definizzjonijiet fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali għall-operaturi, sabiex ikun żgurat li l-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll jimplimentaw ir-regoli b'mod uniformi u sabiex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Għall-kategoriji ta' prodotti li jirreferu għall-prodotti pproċessati u għal dawk li mhumiex, dawk it-termini għandu jkollhom l-istess tifsira bħalma għandhom fid-definizzjonijiet tal-prodotti pproċessati u mhux ipproċessati mogħtijin fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) sabiex ikun hemm simplifikazzjoni u konsistenza mar-regoli tal-iġjene. Madankollu, għandu jiġi ċċarat li t-tikkettar u l-ippakkjar mhumiex rilevanti biex prodott jiġi kkwalifikat bħala wieħed ipproċessat jew le.

(6)

Fil-prinċipju, iż-żewġ skemi tal-importazzjoni previsti fl-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 jeskludu lil xulxin. Jekk pajjiż terz jiġi rrikonoxxut bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, ma hemmx għalfejn tiġi rrikonoxxuta awtorità ta' kontroll jew jiġi rrikonoxxut korp ta' kontroll għal dak il-pajjiż skont l-Artikolu 33(3). Minħabba f'hekk, l-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 jistipula li awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll jistgħu jiġu rrikonoxxuti skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 biss għal pajjiż li mhuwiex irrikonoxxut skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. Madankollu, sabiex jiġi evitat kull xkiel għall-importazzjoni tal-prodotti organiċi, il-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll għandhom ikunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti għal pajjiż terz irrikonoxxut f'każ li r-rikonoxximent ta' dak il-pajjiż terz ma jkunx ikopri l-prodott importat. Għalhekk id-deroga li hemm fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 għandha tiġi fformulata mill-ġdid sabiex tkun tqis il-prattika fis-seħħ billi tirreferi għall-prodotti minflok ma tirreferi għall-kategorija tal-prodotti.

(7)

Abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, il-prodotti importati minn pajjiż terz jistgħu jitqegħdu fis-suq tal-Unjoni bħala prodotti organiċi jekk ikunu koperti, b'mod partikulari, b'ċertifikat ta' spezzjoni maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti, mill-awtoritajiet ta' kontroll jew mill-korpi ta' kontroll ta' pajjiż terz irrikonoxxut jew minn awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll irrikonoxxut.

(8)

Skont l-Azzjoni 12 tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Produzzjoni Organika tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej (4), il-Kummissjoni żviluppat sistema ta' ċertifikazzjoni elettronika għall-importazzjonijiet tal-prodotti organiċi bħala modulu integrat fis-sistema elettronika TRACES prevista fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE (5).

(9)

Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 iridu jiġu emendati sabiex tiddaħħal is-sistema ta' ċertifikazzjoni elettronika u sabiex ikun żgurat li din taħdem tajjeb. Għalhekk, ir-regoli għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-awtorità doganali rilevanti tal-Istat Membru u l-fluss tax-xogħol għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta' spezzjoni u għall-approvazzjoni tiegħu, fosthom il-verifika tar-rabta bejn iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u d-dikjarazzjoni doganali, għandhom jiġu ċċarati. F'dan il-kuntest, għandu jiġi ċċarat ukoll il-fluss tax-xogħol għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta' spezzjoni skont proċeduri doganali speċjali u għall-approvazzjoni tiegħu. Sabiex is-sistema elettronika taħdem tajjeb, huwa xieraq li wieħed jirreferi għall-indirizzi elettroniċi tal-korpi ta' kontroll u tal-awtoritajiet ta' kontroll irrikonoxxuti.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-prodotti organiċi importati fl-Unjoni, jeħtieġ li jiġi ċċarat li, bħala regola ġenerali, il-korp ta' kontroll jew l-awtorità ta' kontroll li toħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni hija l-korp ta' kontroll jew l-awtorità ta' kontroll li tiċċertifika l-produttur jew il-proċessur tal-prodott. F'każ li l-operatur li jkun qed iwettaq l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 ikun differenti mill-produttur jew mill-proċessur oriġinali tal-prodott, iċ-ċertifikat ta' spezzjoni jrid jinħareġ mill-korp ta' kontroll jew mill-awtorità ta' kontroll li tkun iċċekkjat l-aħħar operazzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġi ċċarat li l-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 jistgħu joħorġu ċ-ċertifikati ta' spezzjoni biss skont it-termini tar-rikonoxximent tagħhom, filwaqt li dawk imniżżlin fl-Anness IV ta' dak ir-Regolament jistgħu joħorġu ċ-ċertifikati ta' spezzjoni biss għall-prodotti u għall-oriġini li għalihom huma mniżżlin fih.

(11)

L-esperjenza wriet li jeżistu prattiki differenti marbutin mal-verifiki li l-korp ta' kontroll jew l-awtorità ta' kontroll li jkunu qed joħorġu ċ-ċertifikati ta' spezzjoni jridu jwettqu. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu speċifikati l-verifiki li jridu jsiru qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat. Il-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll għandhom joħorġu ċ-ċertifikat ta' spezzjoni biss wara li jwettqu verifiki kompluti tad-dokumenti u verifiki fiżiċi tal-prodotti kkonċernati fejn dan ikun xieraq skont il-valutazzjoni tar-riskju tagħhom. Għall-prodotti agrikoli pproċessati, il-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 għandhom jiċċekkjaw li l-ingredjenti kollha tagħhom għaddew minn sistema ta' kontroll skont it-termini tar-rikonoxximent tal-pajjiż terz rilevanti, filwaqt li l-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin fl-Anness IV ta' dak ir-Regolament għandhom jiċċekkjaw li l-ingredjenti ġew ikkontrollati u ċċertifikati minn korpi ta' kontroll jew minn awtoritajiet ta' kontroll li huma rrikonoxxuti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew jiċċekkjaw li dawn ġew prodotti fl-Unjoni. Bl-istess mod jeħtieġ li jiġu speċifikati l-verifiki li għandhom iwettqu l-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 li jiċċertifikaw l-operaturi tal-istadji aħħarin tal-katina tal-produzzjoni, bħal dawk li jwettqu t-tikkettar jew l-ippakkjar biss. F'każijiet bħal dawn, għandu jiġi vverifikat li l-prodotti kkonċernati ġew ikkontrollati u ċċertifikati minn korpi ta' kontroll jew minn awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin f'dak l-Anness u rrikonoxxuti għall-pajjiż u għall-kategorija tal-prodott rilevanti.

(12)

Għandhom jiġu identifikati l-awtoritajiet li huma responsabbli għall-għoti u għall-aġġornament tad-drittijiet tal-aċċess għas-sistema TRACES għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni elettronika tal-ispezzjoni. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li s-sistema TRACES tiżgura l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibbiltà tul iż-żmien tal-informazzjoni u tal-metadejta assoċjata magħha għall-perjodu kollu li matulu hemm obbligu li tinżamm din l-informazzjoni u din id-dejta.

(13)

Għandu jiġi previst ukoll skambju effettiv u effiċjenti tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri f'każijiet fejn jinstabu irregolaritajiet, b'mod partikulari meta l-prodotti jkunu ttikkettati bħala prodotti organiċi, iżda ma jkollhomx ċertifikat ta' spezzjoni magħhom.

(14)

Minħabba li l-aħħar l-awtorizzazzjonijiet tal-importazzjoni li ħarġu l-Istati Membri skadew fit-30 ta' Ġunju 2015, kull referenza għall-awtorizzazzjonijiet tal-importazzjoni għandha titħassar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008.

(15)

L-operaturi u l-Istati Membri għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw il-proċeduri tagħhom għaċ-ċertifikati elettroniċi ta' spezzjoni pprovduti mis-sistema TRACES. Għalhekk jeħtieġ li jiġi previst perjodu ta' tranżizzjoni li matulu jkun għadhom jistgħu jinħarġu u jiġu approvati ċ-ċertifikati ta' spezzjoni f'forma stampata.

(16)

Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċertifikat elettroniku ta' spezzjoni jiffunzjona tajjeb, u b'mod partikulari sabiex jiġi ċċarat il-fatt li l-prodotti fil-fażi ta' konverżjoni huma esklużi mir-rikonoxximent mogħti lil pajjiżi terzi, sabiex ikunu armonizzati d-dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi rrikonoxxuti u sabiex il-kategorija tal-prodotti C tinbidel biex tkun tkopri l-algi, fosthom il-mikroalgi, huwa xieraq li jiġu emendati ċerti elementi tal-Annessi III u IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 mingħajr ma jinbidel il-kamp ta' applikazzjoni tar-rikonoxximenti mogħtija qabel lil pajjiżi terzi jew lil korpi ta' kontroll u lil awtoritajiet ta' kontroll.

(17)

Skont l-informazzjoni li taw l-Istati Uniti, minn Ottubru tal-2014 'l hawn f'dak il-pajjiż terz m'għadux permess it-trattament tat-tuffieħ u tal-lanġas bl-antibijotiċi sabiex tiġi kkontrollata l-marda kkawżata mill-batterju Erwinia amylovora. Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li titneħħa l-limitazzjoni rilevanti għall-kategoriji tal-prodotti A u D mill-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008.

(18)

Fid-dawl tal-esperjenza li nkisbet bl-implimentazzjoni tas-sistema ta' ekwivalenza, jeħtieġ li jiġu adattati l-mudell taċ-ċertifikat ta' spezzjoni u l-mudell tal-estratti tiegħu kif stipulati fl-Annessi V u VI tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008, sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-produttur jew il-proċessur tal-prodott, kif ukoll fuq il-pajjiż rilevanti tal-oriġini, jekk dan ikun differenti mill-pajjiż tal-esportazzjoni tal-prodott.

(19)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (6) jistabbilixxi regoli ddettaljati marbutin mal-produzzjoni, mat-tikkettar u mal-kontroll tal-prodotti organiċi.

(20)

Minħabba li d-definizzjonijiet il-ġodda tal-prodotti “ipproċessati” u “mhux ipproċessati” imdaħħlin fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 jimplikaw li ċerti operazzjonijiet inklużi fid-definizzjoni tal-preparazzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 ma għandhomx jitqiesu bħala operazzjonijiet li jinvolvu l-ipproċessar, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 għall-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf ipproċessati mhux se jibqgħu ċari. Għalhekk, ir-regoli dwar il-miżuri ta' prekawzjoni li għandhom jittieħdu sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' kontaminazzjoni minn prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati jew sabiex jiġi evitat it-taħlit jew l-iskambji ma' prodotti mhux organiċi għandhom jiġu fformulati mill-ġdid sabiex jiġi ċċarat li dawn japplikaw, kif xieraq, għall-operaturi li jkunu qed iwettqu attivitajiet ta' preservazzjoni. Għal dak il-għan, huwa xieraq li jiġu inklużi wkoll id-definizzjonijiet tat-termini “preservazzjoni” u “pproċessar”.

(21)

It-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar il-konsenji importati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 ukoll għandha ssir permezz tas-sistema TRACES.

(22)

Biex is-sistema ta' ċertifikazzjoni elettronika tiffunzjona tajjeb, l-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll trid tinkludi l-indirizzi tal-posta elettronika u s-siti web tal-Internet. Huwa xieraq li tiġi stabbilita data finali ġdida għan-notifika ta' din l-informazzjoni.

(23)

Għalhekk ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 u (KE) Nru 889/2008 għandhom jiġu emendati kif xieraq.

(24)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn is-sistema l-ġdida ta' ċertifikazzjoni elettronika, dan ir-Regolament għandu japplika minn data li tkun sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Madankollu, l-emenda tal-kategorija tal-prodotti C biex din tkun tkopri l-algi, fosthom il-mikroalgi, għandha tapplika mid-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/673 (7) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 sabiex jippermetti l-użu tal-mikroalgi bħala ikel.

(25)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-produzzjoni organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendar tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 1235/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (5) u (6) qed jinbidlu b'dan li ġej:

“5.

“verifikazzjoni tal-konsenja”: se tfisser il-verifikazzjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali previsti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), li ntlaħqu r-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 u ta' dan ir-Regolament, permezz ta' verifiki sistematiċi tad-dokumenti, verifiki aleatorji tal-identità u verifiki fiżiċi, fejn dan ikun xieraq skont il-valutazzjoni tar-riskju tagħha, qabel ma l-konsenja tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni skont l-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament;

6.

“awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru”: se tfisser l-awtorità doganali, l-awtorità dwar is-sigurtà fl-ikel jew awtoritajiet oħrajn, nominati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, li huma responsabbli għall-verifikazzjoni tal-konsenji u għall-approvazzjoni taċ-ċertifikati ta' spezzjoni;

(*)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).”;"

(b)

qed jiżdiedu l-punti 8 sa 11 li ġejjin:

“8.

“prodotti tal-akkwakultura”: se tfisser il-prodotti tal-akkwakultura kif iddefiniti fil-punt 34 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**);

9.

“mhux ipproċessati”: se tfisser mhux ipproċessati kif użat fid-definizzjoni tal-prodotti mhux ipproċessati mogħtija fil-punt (n) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***), ikunu xi jkunu l-operazzjonijiet tal-ippakkjar jew tat-tikkettar;

10.

“ipproċessati”: se tfisser ipproċessati kif użat fid-definizzjoni tal-prodotti pproċessati mogħtija fil-punt (o) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, ikunu xi jkunu l-operazzjonijiet tal-ippakkjar jew tat-tikkettar;

11.

“punt tad-dħul”: se tfisser il-punt tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera.

(**)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22)."

(***)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).”"

(2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 qed jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tqis jekk tirrikonoxxix u tinkludix korp tal-kontroll jew awtorità tal-kontroll fil-lista prevista fl-Artikolu 3 jew le malli tirċievi talba għal dan mingħand ir-rappreżentant tal-korp tal-kontroll jew tal-awtorità tal-kontroll ikkonċernata abbażi tal-mudell ta' applikazzjoni li l-Kummissjoni tkun qegħdet għad-dispożizzjoni skont l-Artikolu 17(2). It-talbiet kompluti li jaslu qabel il-31 ta' Ottubru 2017 biss se jitqiesu għall-preparazzjoni tal-ewwel lista.”

(3)

Fl-Artikolu 7(2), il-punti (e) u (f) qed jinbidlu b'dan li ġej:

“(e)

l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika, l-indirizz tal-Internet u n-numru tal-kodiċi tal-awtorità jew tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korp jew tal-korpi ta' kontroll irrikonoxxuti mill-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (d) biex iwettqu l-kontrolli;

(f)

l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika, l-indirizz tal-Internet u n-numru tal-kodiċi tal-awtorità jew tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korp jew tal-korpi ta' kontroll responsabbli fil-pajjiż terz għall-ħruġ taċ-ċertifikati għall-importazzjoni fl-Unjoni;”

(4)

Fl-Artikolu 9(1), il-punt (a) qed jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

jekk, wara li pajjiż terz jiġi inkluż fil-lista, issir xi bidla fil-miżuri fis-seħħ fil-pajjiż terz jew fl-implimentazzjoni tagħhom u b'mod partikulari fis-sistema tal-kontroll tiegħu, dak il-pajjiż terz għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa mingħajr dewmien b'kull bidla li ssir fl-informazzjoni msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 7(2) permezz tas-sistema tal-kompjuter imsemmija fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008;”

(5)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 qed jinbidel b'dan li ġej:

“3.   B'deroga mill-paragrafu 2(b), dawk il-prodotti li ġejjin minn pajjiż terz irrikonoxxut elenkat skont l-Artikolu 7 iżda li mhumiex koperti mir-rikonoxximent mogħti lil dak il-pajjiż terz jistgħu jiddaħħlu fil-lista prevista f'dan l-Artikolu.”

(6)

L-Artikolu 13 qed jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Ċertifikat ta' spezzjoni

1.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni ta' konsenja ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 u importata skont l-Artikolu 33 ta' dak ir-Regolament se jsir bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jiġi ppreżentat ċertifikat oriġinali ta' spezzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru;

(b)

li l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tivverifika l-konsenja u tapprova ċ-ċertifikat tal-ispezzjoni; u

(c)

li n-numru taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni jkun iddikjarat fid-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera msemmija fl-Artikolu 158(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****).

Il-verifikazzjoni tal-konsenja u l-approvazzjoni taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni għandha twettaqhom l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru f'dak l-Istat Membru fejn il-konsenja tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-punti tad-dħul fit-territorju tagħhom u jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-punti magħżulin tad-dħul.

2.   Iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni għandu jinħareġ mill-awtorità ta' kontroll jew mill-korp ta' kontroll rilevanti, jiġi approvat mill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru u jimtela mill-ewwel destinatarju abbażi tal-mudell u tan-noti stabbiliti fl-Anness V u billi tintuża s-sistema elettronika TRACES stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE (*****).

Iċ-ċertifikat oriġinali ta' spezzjoni għandu jkun kopja stampata u ffirmata bl-idejn taċ-ċertifikat elettroniku komplut fis-sistema TRACES jew, alternattivament, ċertifikat ta' spezzjoni ffirmat fis-sistema TRACES b'firma elettronika avvanzata skont it-tifsira tal-Artikolu 3(11) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (******) jew b'firma elettronika li toffri assigurazzjonijiet ekwivalenti dwar il-funzjonalitajiet attribwiti lil firma billi jiġu applikati l-istess regoli u kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti elettroniċi u diġitalizzati, mogħtija fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom (*******).

Meta ċ-ċertifikat oriġinali ta' spezzjoni jkun kopja stampata u ffirmata bl-idejn taċ-ċertifikat elettroniku komplut fis-sistema TRACES, l-awtoritajiet ta' kontroll, il-korpi ta' kontroll, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru u l-ewwel destinatarju għandhom jivverifikaw f'kull stadju tal-ħruġ, tal-approvazzjoni u tal-wasla taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni li din il-kopja tkun tikkorrispondi mal-informazzjoni mogħtija fis-sistema TRACES.

3.   Sabiex ċertifikat ta' spezzjoni jiġi aċċettat għall-approvazzjoni jrid ikun inħareġ mill-awtorità ta' kontroll jew mill-korp ta' kontroll tal-produttur jew tal-proċessur tal-prodott ikkonċernat jew, meta l-operatur li jkun qed iwettaq l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni jkun differenti mill-produttur jew mill-proċessur tal-prodott, mill-awtorità ta' kontroll jew mill-korp ta' kontroll tal-operatur li jkun qed iwettaq l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

Dik l-awtorità ta' kontroll jew dak il-korp ta' kontroll għandhom ikunu:

(a)

awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll elenkat fl-Anness III ta' dan ir-Regolament għall-prodotti kkonċernati u għall-pajjiż terz li fih oriġinaw il-prodotti jew li fih saret l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni, fejn dan ikun applikabbli; jew

(b)

awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll elenkat fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament għall-prodotti kkonċernati u għall-pajjiż terz li fih oriġinaw il-prodotti jew li fih saret l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni.

4.   L-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li joħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u jiffirma d-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat biss wara li jkun għamel verifika tad-dokumenti abbażi tad-dokumenti kollha rilevanti tal-ispezzjoni, fosthom b'mod partikulari l-pjan tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, id-dokumenti tat-trasport u d-dokumenti kummerċjali, u wara li jkun wettaq verifika fiżika tal-konsenja, fejn dan ikun xieraq skont il-valutazzjoni tar-riskju tiegħu.

Madankollu, għall-prodotti pproċessati, jekk l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni jkun awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll elenkat fl-Anness III, huwa għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u jiffirma d-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat biss wara li jkun ivverifika li l-ingredjenti organiċi kollha tal-prodott kienu ġew ikkontrollati u ċċertifikati minn awtorità ta' kontroll jew minn korp ta' kontroll irrikonoxxut mill-pajjiż terz ikkonċernat elenkat f'dak l-Anness, jew jekk l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat ikun awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll elenkat fl-Anness IV, huwa għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u jiffirma d-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat biss wara li jkun ivverifika li l-ingredjenti organiċi kollha ta' dawn il-prodotti jkunu ġew ikkontrollati u ċċertifikati minn awtorità ta' kontroll jew minn korp ta' kontroll elenkat fl-Anness III jew IV jew li dawn ġew prodotti u ċċertifikati fl-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

Meta l-operatur li jkun qed iwettaq l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni jkun differenti mill-produttur jew mill-proċessur tal-prodott, l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni u li jkun elenkat fl-Anness IV għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u jiffirma d-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat biss wara li jkun għamel verifika tad-dokumenti abbażi tad-dokumenti kollha rilevanti tal-ispezzjoni, fosthom id-dokumenti tat-trasport u d-dokumenti kummerċjali, wara li jkun ivverifika li l-produzzjoni jew l-ipproċessar tal-prodott ikkonċernat ikun ġie kkontrollat u ċċertifikat minn korp ta' kontroll jew minn awtorità ta' kontroll irrikonoxxuta għall-prodotti kkonċernati u għall-pajjiż ikkonċernat skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, u wara li jkun wettaq verifika fiżika tal-konsenja, fejn dan ikun xieraq skont il-valutazzjoni tar-riskju tiegħu.

Fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni skont it-tieni u t-tielet subparagrafu għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni mingħajr dewmien il-lista tal-operaturi kollha fil-katina tal-produzzjoni organika u tal-awtoritajiet ta' kontroll jew tal-korpi ta' kontroll li dawk l-operaturi jkunu qiegħdu l-operazzjonijiet tagħhom taħt il-kontroll tagħhom.

5.   Se jkun hemm kopja oriġinali waħda taċ-ċertifikat ta' spezzjoni.

L-ewwel destinatarju jew, fejn ikun rilevanti, l-importatur, jista' jagħmel kopja taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni biex jinforma lill-awtoritajiet ta' kontroll u lill-korpi ta' kontroll skont l-Artikolu 83 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008. Kull kopja ta' dan it-tip se jkollha l-kelma “KOPJA” stampata fuqha.

6.   Mal-verifikazzjoni ta' konsenja, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru għandha tapprova ċ-ċertifikat oriġinali tal-ispezzjoni fil-kaxxa 20 u għandha tibagħtu lura lill-persuna li tkun bagħtitu.

7.   Malli jirċievi l-konsenja, l-ewwel destinatarju għandu jimla l-kaxxa 21 taċ-ċertifikat ta' spezzjoni biex jiċċertifika li l-konsenja jkun irċeviha skont l-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008.

Imbagħad l-ewwel destinatarju għandu jibgħat iċ-ċertifikat oriġinali lill-importatur imsemmi fil-kaxxa 11 taċ-ċertifikat għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

(****)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1)."

(*****)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta' sistema veterinarja integrata u komputerizzata (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44)."

(******)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73)."

(*******)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom tas-7 ta' Lulju 2004 li temenda r-regolament intern tagħha (ĠU L 251, 27.7.2004, p. 9).”"

(7)

Qed jiddaħħlu l-Artikoli 13a sa 13d li ġejjin:

“Article 13a

Forza maġġuri jew ċirkustanzi eċċezzjonali

1.   F'każijiet ta' forza maġġuri jew ta' ċirkustanzi eċċezzjonali li ma jħallux is-sistema elettronika taħdem, u b'mod partikulari f'każijiet fejn is-sistema ma taħdimx sewwa jew fejn ma jkunx hemm konnessjoni dejjiema, iċ-ċertifikati tal-ispezzjoni u l-estratti tagħhom jistgħu jinħarġu u jiġu approvati skont l-Artikolu 13(3) sa (7) mingħajr ma tintuża s-sistema TRACES skont il-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu u abbażi tal-mudelli u tan-noti stabbiliti fl-Anness V jew VI. L-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta' kontroll, il-korpi ta' kontroll u l-operaturi għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien u għandhom idaħħlu d-dettalji kollha meħtieġa fis-sistema TRACES fi żmien għaxart ijiem tal-kalendarju minn meta s-sistema terġa' tibda taħdem.

2.   Meta ċ-ċertifikat ta' spezzjoni jinħareġ mingħajr ma tintuża s-sistema TRACES, għandu jsir f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni u jimtela kollu kemm hu b'ittri kapitali jew b'ittri stampati, minbarra t-timbri u l-firem.

Iċ-ċertifikat ta' spezzjoni għandu jkun fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-approvazzjoni jew f'waħda minnhom. Fejn ikun hemm bżonn, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru jistgħu jitolbu għal traduzzjoni taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni fil-lingwa uffiċjali ta' dak l-Istat Membru jew f'waħda minnhom.

Il-bidliet jew it-tħassir mhux iċċertifikat jinvalidaw iċ-ċertifikat.

3.   L-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni għandu jagħti numru tas-serje lil kull ċertifikat maħruġ u jżomm reġistru taċ-ċertifikati maħruġin f'ordni kronoloġika u jagħmel il-korrispondenza wara bin-numru tas-serje mogħti mis-sistema TRACES.

4.   Meta ċ-ċertifikat ta' spezzjoni jkun inħareġ u jkun ġie approvat mingħajr l-użu tas-sistema TRACES, ma għandhomx japplikaw it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 15(5).

Artikolu 13b

L-importatur

L-importatur għandu jikteb in-numru taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni fid-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera msemmija fl-Artikolu 158(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 13c

Id-drittijiet ta' aċċess

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-għoti tad-drittijiet ta' aċċess għas-sistema TRACES lill-awtoritajiet kompetenti kif iddefiniti fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz irrikonoxxut skont l-Artikolu 33(2) ta' dak ir-Regolament u lill-awtoritajiet ta' kontroll u lill-korpi ta' kontroll elenkati fl-Anness III jew IV ta' dan ir-Regolament, u għall-aġġornament ta' dawk id-drittijiet. Qabel ma tagħti d-drittijiet ta' aċċess għas-sistema TRACES, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-identità tal-awtoritajiet kompetenti, tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korpi ta' kontroll ikkonċernati.

L-awtoritajiet kompetenti kif iddefiniti fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 għandhom ikunu responsabbli għall-għoti tad-drittijiet ta' aċċess għas-sistema TRACES lill-operaturi, lill-awtoritajiet ta' kontroll u lill-korpi ta' kontroll fl-Unjoni, u għall-aġġornament ta' dawk id-drittijiet. Qabel ma jagħtu d-drittijiet ta' aċċess għas-sistema TRACES, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw l-identità tal-operaturi, tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korpi ta' kontroll ikkonċernati. L-Istati Membri għandhom jagħżlu awtorità waħda li tkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni u tal-kuntatti mal-Kummissjoni f'dan il-qasam.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom javżaw lill-Kummissjoni bid-drittijiet tal-aċċess mogħtija. Il-Kummissjoni għandha tattiva dawk id-drittijiet ta' aċċess fis-sistema TRACES.

Artikolu 13d

Integrità u leġġibbiltà tal-informazzjoni

Is-sistema TRACES għandha tħares l-integrità tal-informazzjoni mdaħħla fiha skont dan ir-Regolament.

B'mod partikulari, hija għandha toffri l-garanziji li ġejjin:

(a)

hija għandha tippermetti lil kull utent ikun identifikat b'mod ċar, u għandha tinkorpora miżuri effettivi ta' kontroll tad-drittijiet tal-aċċess sabiex ikun hemm ħarsien mill-aċċess illegali, malizzjuż jew mhux awtorizzat għall-informazzjoni, għall-fajls u għall-metadejta jew mit-tħassir, mill-bdil jew miċ-ċaqliq illegali, malizzjuż jew mhux awtorizzat tagħhom;

(b)

hija għandha tkun mgħammra b'sistemi fiżiċi ta' protezzjoni kontra l-indħil u l-inċidenti ambjentali, kif ukoll b'softwer ta' protezzjoni kontra l-attakki ċibernetiċi;

(c)

hija għandha tissalvagwardja d-dejta maħżuna f'ambjent li jkun sigur kemm mil-lat fiżiku kif ukoll mil-lat tas-softwer;

(d)

hija għandha tipprevjeni, b'diversi mezzi, kull tibdil mhux awtorizzat u tinkorpora mekkaniżmi tal-integrità sabiex tiċċekkja jekk l-informazzjoni tkunx inbidlet maż-żmien;

(e)

hija għandha żżomm rekord tal-awditjar għal kull stadju essenzjali tal-proċedura;

(f)

hija għandha tipprovdi proċeduri affidabbli għall-konverżjoni u għall-migrazzjoni tal-format sabiex tiżgura li l-informazzjoni tkun aċċessibbli u leġġibbli matul il-perjodu kollu meħtieġ tal-ħżin;

(g)

hija għandu jkollha dokumentazzjoni funzjonali u teknika aġġornata u ddettaljata biżżejjed dwar l-operat u l-karatteristiċi tagħha, li l-entitajiet organizzattivi responsabbli għall-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u/jew tekniċi tagħha jkollhom aċċess għaliha f'kull waqt.”

(8)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 qed jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Meta konsenja li tkun ġejja minn pajjiż terz titqiegħed taħt proċedura ta' ħażna doganali jew taħt proċedura ta' pproċessar attiv kif previst fir-Regolament (UE) Nru 952/2013, u tkun suġġetta għal preparazzjoni waħda jew aktar kif imsemmi fit-tieni subparagrafu, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru għandha tivverifika l-konsenja kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta' dan ir-Regolament qabel ma ssir l-ewwel preparazzjoni. In-numru ta' referenza tad-dikjarazzjoni doganali li bih l-oġġetti jkunu ġew iddikjarati għall-proċedura ta' ħażna doganali jew għall-proċedura ta' pproċessar attiv għandu jingħata fil-kaxxa 19 taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni.

Il-preparazzjoni għandha tkun limitata għat-tipi ta' operazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ippakkjar jew l-ippakkjar mill-ġdid; jew

(b)

it-tikkettar dwar il-preżentazzjoni tal-metodu tal-produzzjoni organiku.

Wara din il-preparazzjoni, il-konsenja għandha tkun suġġetta għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 13(1) ta' dan ir-Regolament qabel ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Wara din il-proċedura, fejn ikun rilevanti, iċ-ċertifikat oriġinali tal-ispezzjoni għandu jintbagħat lura lill-importatur tal-konsenja msemmi fil-kaxxa 11 taċ-ċertifikat għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.”;

(b)

il-paragrafu 2 qed jiġi emendat kif ġej:

(i)

it-tieni subparagrafu qed jinbidel b'dan li ġej:

“Għal kull wieħed mil-lottijiet li jirriżulta mit-taqsim, l-importatur imsemmi fil-kaxxa 11 taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni għandu jibgħat estratt taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru permezz tas-sistema TRACES skont il-mudell u n-noti stabbiliti fl-Anness VI. Wara l-verifikazzjoni tal-lott, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru għandha tapprova l-estratt taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni fil-kaxxa 13 għall-finijiet tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Il-verifikazzjoni tal-lott u l-approvazzjoni tal-estratt taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni għandha twettaqhom l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru f'dak l-Istat Membru fejn il-lott tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.”;

(ii)

ir-raba' subparagrafu qed jitħassar.

(9)

L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, qed jiżdiedu t-tieni u t-tielet subparagrafi li ġejjin:

“Meta l-verifikazzjoni ta' konsenja minn awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru twassal biex jinstab ksur jew irregolarità li twassal għar-rifjut tal-approvazzjoni taċ-ċertifikat u tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti, dik l-awtorità għandha tavża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan il-ksur jew b'din l-irregolarità mingħajr dewmien permezz tas-sistema TRACES.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni effettiva u effiċjenti fost l-awtoritajiet kompetenti li jkunu qed iwettqu l-kontrolli uffiċjali sabiex tiġi skambjata mingħajr dewmien l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni ta' konsenji ta' prodotti msemmijin fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 li jkun fihom termini li jirreferu għall-metodu ta' produzzjoni organiku, iżda li ma jkunux ġew iddikjarati bħala konsenji maħsubin għall-importazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. L-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru għandha tavża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dawk is-sejbiet mingħajr dewmien permezz tas-sistema TRACES.”;

(b)

qed jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   L-importatur, l-ewwel destinatarju jew l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll tagħhom għandu jibgħat l-informazzjoni dwar il-ksur jew l-irregolaritajiet marbuta mal-prodotti importati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati permezz tas-sistema tal-kompjuter imsemmija fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 permezz tas-sistema TRACES.”.

(10)

Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 qed jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Is-sistema tal-kompjuter prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun tista' tiġbor it-talbiet, id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija f'dan ir-Regolament fejn dan ikun xieraq.”.

(11)

Fl-Artikolu 18, it-tieni paragrafu qed jinbidel b'dan li ġej:

“L-ewwel lista ta' pajjiżi rrikonoxxuti għandha tinkludi l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kosta Rika, l-Indja, l-Iżrael (********), New Zealand u l-Iżvizzera. Hija m'għandux ikun fiha n-numri tal-kodiċi msemmija fl-Artikolu 7(2)(f) ta' dan ir-Regolament. Dawn in-numri tal-kodiċi se jiżdiedu qabel l-1 ta' Lulju 2010 permezz ta' aġġornament tal-lista skont l-Artikolu 17(2).

(********)  Minn hawn 'il quddiem mifhum bħala l-Istat ta' Iżrael, minbarra t-territorji li ilhom sa minn Ġunju tal-1967 taħt l-amministrazzjoni ta' Iżrael, jiġifieri l-Għoljiet ta' Golan, l-Istrixxa ta' Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.”."

(12)

L-Artikolu 19 huwa mħassar.

(13)

Qed jiddaħħal l-Artikolu 19a li ġej:

“Artikolu 19a

Regoli ta' tranżizzjoni dwar l-użu ta' ċertifikati ta' spezzjoni li ma jinħarġux permezz tas-sistema TRACES

Sad-19 ta' Ottubru 2017, iċ-ċertifikati ta' spezzjoni msemmijin fl-Artikolu 13(1)(a) u l-estratti tagħhom imsemmijin fl-Artikolu 14(2) jistgħu jinħarġu u jiġu approvati skont l-Artikolu 13(3) sa (7) mingħajr l-użu tas-sistema TRACES skont l-Artikolu 13a(1), (2) u (3) u abbażi tal-mudelli u tan-noti stabbiliti fl-Anness V jew VI.”.

(14)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(15)

Fl-Anness IV, fil-lista tal-kategoriji tal-prodotti, il-kliem “C: Prodotti tal-akkwakultura u algi” qed jinbidel bil-kliem “C: Prodotti tal-akkwakultura u algi mhux ipproċessati”.

(16)

L-Anness V qed jinbidel bit-test mogħti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

(17)

L-Anness VI qed jinbidel bit-test mogħti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emendar tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, qed jiżdiedu l-punti (t) u (u) li ġejjin:

“(t)

“preservazzjoni” tfisser kull azzjoni, li tvarja mill-agrikoltura u mill-ħsad, li titwettaq fuq il-prodotti, iżda li ma tikkwalifikax bħala pproċessar kif iddefinit fil-punt (u), inklużi l-azzjonijiet kollha msemmijin fil-punt (n) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*********) u minbarra l-ippakkjar jew it-tikkettar tal-prodotti;

(u)

“ipproċessar” tfisser kull azzjoni msemmija fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, inkluż l-użu ta' sustanzi msemmija fl-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. L-operazzjonijiet tal-ippakkjar jew tat-tikkettar m'għandhomx jitqiesu bħala pproċessar.

(*********)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).”"

(2)

It-titlu tat-Titolu II qed jinbidel b'dan li ġej:

“TITOLU II

REGOLI DWAR IL-PRODUZZJONI, IL-PRESERVAZZJONI, L-IPPROĊESSAR, L-IPPAKKJAR, IT-TRASPORT U L-ĦAŻNA TAL-PRODOTTI ORGANIĊI”

(3)

It-titlu tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II qed jinbidel b'dan li ġej:

“KAPITOLU 3

Prodotti pproċessati u ppreservati”

(4)

L-Artikolu 26 qed jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Regoli għall-preservazzjoni tal-prodotti u għall-produzzjoni tal-għalf u tal-ikel ipproċessati

1.   L-operaturi li jippreservaw il-prodotti jew li jipproduċu l-għalf jew l-ikel ipproċessat għandhom jistabbilixxu proċeduri adattati bbażati fuq identifikazzjoni sistematika tal-istadji kritiċi tal-ipproċessar u jaġġornawhom.

L-applikazzjoni ta' dawk il-proċeduri għandha tiżgura f'kull ħin li l-prodotti pproċessati jew ippreservati jikkonformaw mar-regoli tal-produzzjoni organika.

2.   L-operaturi għandhom jikkonformaw mal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 u jimplimentawhom. B'mod partikulari, l-operaturi għandhom:

(a)

jieħdu miżuri ta' prekawzjoni sabiex jevitaw ir-riskju ta' kontaminazzjoni minn sustanzi jew prodotti mhux awtorizzati;

(b)

jimplimentaw miżuri adattati ta' tindif, jimmonitorjaw kemm huma effettivi jirreġistraw dawk il-miżuri;

(c)

jiggarantixxu li ma jitqiegħdux prodotti mhux organiċi fis-suq b'indikazzjoni li tirreferi għall-metodu ta' produzzjoni organika.

3.   Meta fl-unità ta' preparazzjoni kkonċernata jiġu ppreparati wkoll jew jinħażnu prodotti mhux organiċi, l-operatur għandu:

(a)

jwettaq l-operazzjonijiet b'mod kontinwu sakemm ikun ġie ttrattat il-proċess kollu, u jagħmel dan f'post jew fi żmien separat minn operazzjonijiet simili mwettqin fuq prodotti mhux organiċi;

(b)

jaħżen il-prodotti organiċi, qabel u wara l-operazzjonijiet, f'post jew fi żmien separat mill-prodotti mhux organiċi;

(c)

jinforma lill-awtorità ta' kontroll jew lill-korp ta' kontroll bl-operazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) u jżomm disponibbli reġistru aġġornat tal-operazzjonijiet u tal-kwantitajiet kollha pproċessati;

(d)

jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura l-identifikazzjoni tal-lottijiet u biex jevita t-taħlit jew l-iskambji ma' prodotti mhux organiċi;

(e)

iwettaq l-operazzjonijiet fuq il-prodotti organiċi biss wara li t-tagħmir tal-produzzjoni jkun tnaddaf kif xieraq.

4.   L-addittivi, l-għajnuniet għall-ipproċessar u s-sustanzi u l-ingredjenti l-oħrajn użati għall-ipproċessar tal-ikel jew tal-għalf u kull prattika tal-ipproċessar applikata, bħall-affumigazzjoni, għandhom iħarsu l-prinċipji ta' prassi tajba ta' manifattura.”.

(5)

Fl-Artikolu 84, qed jiżdied it-tielet paragrafu li ġej:

“L-importatur għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu billi juża s-sistema elettronika TRACES stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE (**********).

(**********)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta' sistema veterinarja integrata u komputerizzata (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44).”."

(6)

L-Artikolu 94(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) u (b) qed jinbidlu b'dan li ġej:

“(a)

sat-30 ta' Ġunju 2017, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, inklużi l-indirizz tal-posta elettronika u l-indirizz tal-Internet, u wara kull bidla fiha;

(b)

sat-30 ta' Ġunju 2017, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, inklużi l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u l-indirizz tal-Internet, u wara kull bidla fiha;”;

(b)

qed jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

sat-30 ta' Ġunju 2017, l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u l-indirizz tal-Internet tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru kif iddefiniti fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008, u wara kull bidla fihom.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-19 ta' April 2017. Madankollu, l-Artikolu 1(2) għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 1(15) għandu japplika mis-7 ta' Mejju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(4)  COM(2014)179 finali.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta' sistema veterinarja integrata u komputerizzata (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/673 tad-29 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 116, 30.4.2016, p. 8).


ANNESS I

L-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Wara t-titlu “LISTA TA' PAJJIŻI TERZI U L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET RILEVANTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 7” qed tiddaħħal in-Nota li ġejja:

Nota: Skont l-Artikolu 17(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, l-annimali u l-prodotti tal-annimali prodotti matul il-perjodu ta' konverżjoni ma għandhomx ikunu kkummerċjalizzati fl-Unjoni bl-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 23 u 24 ta' dak ir-Regolament użati fit-tikkettar u r-reklamar tal-prodotti. Għalhekk dawn il-prodotti wkoll huma esklużi mir-rikonoxximent għall-kategoriji tal-prodotti B u D għall-pajjiżi terzi kollha elenkati f'dan l-Anness.”.

(2)

Fl-entrati dwar l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kosta Rika, l-Indja, l-Iżrael, il-Ġappun, l-Iżvizzera, it-Tuneżija u New Zealand, qed titħassar in-nota f'qiegħ il-paġna “(1) L-algi mhumiex inklużi.”.

(3)

L-entrata dwar l-Arġentina qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1, qed jitħassru l-limitazzjonijiet fuq il-kategoriji tal-prodotti B u D;

(b)

il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A, B u F li tkabbru fl-Arġentina u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fl-Arġentina b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fl-Arġentina.”.

(4)

Fl-entrata dwar l-Awstralja, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fl-Awstralja u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fl-Awstralja b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fl-Awstralja.”.

(5)

L-entrata dwar il-Kosta Rika qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

il-limitazzjoni “għelejjel ipproċessati biss” qed tinbidel bil-limitazzjoni “prodotti tal-pjanti pproċessati biss”;

(b)

il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fil-Kosta Rika u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fil-Kosta Rika b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fil-Kosta Rika.”.

(6)

Fl-entrata dwar l-Iżrael, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fl-Iżrael u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fl-Iżrael b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fl-Iżrael jew li ġew importati fl-Iżrael:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz fil-qafas ta' skema li hija rrikonoxxuta bħala skema ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.”.

(7)

Fl-entrata dwar il-Ġappun, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fil-Ġappun u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fil-Ġappun b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fil-Ġappun jew li ġew importati fil-Ġappun:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz li għalih il-Ġappun irrikonoxxa li l-prodotti ġew prodotti u kkontrollati f'dak il-pajjiż terz skont regoli li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża.”.

(8)

L-entrata dwar l-Iżvizzera qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1, qed titħassar il-limitazzjoni fuq il-kategorija tal-prodotti B;

(b)

il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fl-Iżvizzera u prodotti tal-kategoriji D u E pproċessati fl-Iżvizzera b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fl-Iżvizzera jew li ġew importati fl-Iżvizzera:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz li għalih l-Iżvizzera rrikonoxxiet li l-prodotti ġew prodotti u kkontrollati f'dak il-pajjiż terz skont regoli li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Żvizzera.”.

(9)

Fl-entrata dwar it-Tuneżija, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fit-Tuneżija u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fit-Tuneżija b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fit-Tuneżija.”.

(10)

Fl-entrata dwar l-Istati Uniti qed jitħassru l-limitazzjonijiet fuq il-kategoriji tal-prodotti A u D fil-punt 1.

(11)

L-entrata dwar New Zealand qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1, qed jitħassru l-limitazzjonijiet fuq il-kategoriji tal-prodotti B u D;

(b)

il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A, B u F li tkabbru fi New Zealand u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fi New Zealand b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fi New Zealand jew li ġew importati fi New Zealand:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz fil-qafas ta' skema li hija rrikonoxxuta bħala skema ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007,

jew minn pajjiż terz li r-regoli tal-produzzjoni u tal-ispezzjoni tiegħu ġew irrikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-Programm ta' Assigurazzjoni Uffiċjali tal-Ikel Organiku tal-MAF imsejjaħ “MAF Official Organic Assurance Programme” abbażi tal-assigurazzjonijiet u tal-informazzjoni pprovduti mill-awtorità kompetenti ta' dak il-pajjiż skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-MAF u sakemm jiġu importati biss ingredjenti prodotti b'mod organiku maħsuba biex jiġu inkorportati, sa massimu ta' 5 % tal-prodotti ta' oriġini agrikola, fil-prodotti tal-kategorija D ippreparati fi New Zealand.”.

(12)

Fl-entrata dwar ir-Repubblika tal-Korea, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategorija D ipproċessati fir-Repubblika tal-Korea b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fir-Repubblika tal-Korea jew li ġew importati fir-Repubblika tal-Korea:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz li għalih ir-Repubblika tal-Korea rrikonoxxiet li l-prodotti ġew prodotti u kkontrollati f'dak il-pajjiż terz skont regoli li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Korea.”.


ANNESS II

“ANNESS V

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

ANNESS III

“ANNEX VI

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

Top