EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1614

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1614 tat-8 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-estensjoni tal-perjodu ta' intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat fl-2016 u li javvanza l-perjodu ta' intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat fl-2017 u li jidderoga mir-Regolament (UE) 2016/1238 b'rabta mal-applikazzjoni kontinwata tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 fir-rigward tal-għajnuna għall-ħżin privat skont ir-Regolament (UE) Nru 948/2014 u r-Regolament (UE) Nru 1272/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' intervent pubbliku skont dan ir-Regolament

C/2016/5675

OJ L 242, 9.9.2016, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1614/oj

9.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/15


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1614

tat-8 ta' Settembru 2016

li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-estensjoni tal-perjodu ta' intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat fl-2016 u li javvanza l-perjodu ta' intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat fl-2017 u li jidderoga mir-Regolament (UE) 2016/1238 b'rabta mal-applikazzjoni kontinwata tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 fir-rigward tal-għajnuna għall-ħżin privat skont ir-Regolament (UE) Nru 948/2014 u r-Regolament (UE) Nru 1272/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' intervent pubbliku skont dan ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib qed jiffaċċja sitwazzjoni ta' tfixkil fis-suq minħabba żbilanċ qawwi bejn il-provvista u d-domanda.

(2)

Il-produzzjoni tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni żdiedet bi 18 % fil-perjodu ta' bejn Jannar u April 2016 minħabba ż-żieda fil-produzzjoni tal-ħalib, filwaqt li l-esportazzjonijiet naqsu bi 8 % fl-istess perjodu. L-esportazzjonijiet tat-trab tal-ħalib xkumat tradizzjonalment jirrappreżentaw xi 40 sa 50 % tat-total tal-produzzjoni tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni.

(3)

B'konsegwenza ta' dan, il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni qed jinżlu taħt pressjoni.

(4)

L-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun disponibbli mill-1 ta' Marzu sat-30 ta' Settembru. F'konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1549 (2), fl-2016 l-intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat sar disponibbli mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru.

(5)

Sabiex tkun ipprovduta l-possibbiltà li l-miżuri tas-suq kollha possibbli jintużaw malajr u sabiex ikun hemm lqugħ għal sitwazzjoni fejn il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat ikomplu jiddeterjoraw aktar u jiggravaw it-tfixkil fis-suq, huwa essenzjali li l-intervent pubbliku jibqa' disponibbli għat-trab tal-ħalib xkumat mingħajr interruzzjoni sal-bidu tal-perjodu ta' intervent li jmiss fl-1 ta' Marzu 2017.

(6)

Għaldaqstant jixraq li jiġi estiż il-perjodu tax-xiri ta' intervent għat-trab tal-ħalib xkumat fl-2016 sal-31 ta' Diċembru 2016, u li l-bidu tal-perjodu ta' xiri ta' intervent fl-2017 jiġi ffissat għall-1 ta' Jannar.

(7)

L-estensjoni tal-perjodu ta' xiri ta' intervent mit-30 ta' Settembru 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016 tikkoinċidi mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummisjoni (UE) 2016/1238 (3) u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (4), li jissostitwixxu r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 (5) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 (6) b'seħħ mill-1 ta' Ottubru 2016. Fl-interess tal-kontinwità u taċ-ċertezza legali, huwa xieraq li tkun stipulata deroga li tgħid illi r-Regolament (KE) Nru 826/2008 ikompli japplika għall-applikazzjonijiet għal għajnuna għall-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat sottomessi skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 948/2014 (7) u li r-Regolament (UE) Nru 1272/2009 ikompli japplika għal offerti jew talbiet għal offerti mressqin skont dan ir-Regolament.

(8)

Sabiex ikun żgurat li l-miżuri temporanji stipulati f'dan ir-Regolament ikollhom impatt immedjat fuq is-suq u jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013

B'deroga mill-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-perjodu li matulu huwa disponibbli l-intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat fl-2016 għandu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2016.

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fl-2017 l-intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun disponibbli mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru.

Artikolu 2

Deroga mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238

Permezz ta' deroga mill-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238, ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu jkompli japplika fir-rigward ta' applikazzjonijiet għal għajnuna għall-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat sottomessi qabel l-1 ta' Marzu 2017 skont ir-Regolament (UE) Nru 948/2014.

Permezz ta' deroga mill-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238, ir-Regolament (UE) Nru 1272/2009 għandu jkompli japplika fir-rigward ta' offerti jew talbiet għal offerti għat-trab tal-ħalib xkumat sottomessi qabel l-1 ta' Jannar 2017 skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1549 tas-17 ta' Settembru 2015 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-estensjoni tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015 u l-avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2016 (ĠU L 242, 18.9.2015, p. 28).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' intervent pubbliku u ta' għajnuna għall-ħżin privat. (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta' Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta' għajnuna għall-ħażna privata ta' ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 tal-11 ta' Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 948/2014 tal-4 ta' Settembru 2014 li jiftaħ il-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 18).


Top