EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1329

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1329 tad-29 ta' Lulju 2016 li jimponi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet reġistrati ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa

C/2016/4795

OJ L 210, 4.8.2016, p. 27–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/08/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1329/oj

4.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/27


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1329

tad-29 ta' Lulju 2016

li jimponi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet reġistrati ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Introduzzjoni

(1)

Fl-14 ta' Mejju 2015, wara lment minn European Steel Association (“Eurofer” jew “l-ilmentatur”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni antidumping fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew ta' azzar mhux ligat, jew azzar ligat ieħor iżda mhux stainless steel, ta' kull wisa', rrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), mhux miksijin, indurati jew mgħottijin u mhux maħdumin iktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana) (“prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ” jew “CRFS”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) u mill-Federazzjoni Russa (“ir-Russja”) (flimkien imsejħin “il-pajjiżi kkonċernati”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

(2)

L-ilmentatur ressaq talba għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku fit-12 ta' Novembru 2015. Il-Kummissjoni, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2325 (2) (ir-“Regolament tar-reġistrazzjoni”), għamlet l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa suġġetti għal reġistrazzjoni. Skont l-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament, il-partijiet interessati kienu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien skadenza fissa. Il-kummenti dwar ir-reġistrazzjoni waslu mingħand l-ilmentatur, China Iron & Steel Association (CISA), il-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku tal-Federazzjoni Russa, il-produtturi esportaturi Russi, importaturi u/jew utenti.

(3)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/181 (3) tal-10 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa.

(4)

L-analiżi finali u d-determinazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni huma dettaljati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328 (4) (“ir-Regolament definittiv”). Ir-regolament attwali jindirizza biss il-kwistjoni tar-reġistrazzjoni, il-kummenti li waslu fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-impożizzjoni retroattiva tad-dazju antidumping inkwistjoni.

2.   Il-proċedura rigward ir-retroattività wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji

(5)

Sabiex jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji definittivi kinitx ġustifikata, il-Kummissjoni analizzat il-volumi tal-konsum, tal-prezzijiet, tal-importazzjoni u tal-bejgħ qabel u wara l-ftuħ tal-investigazzjoni. Fil-qafas ta' din l-analiżi l-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarji lill-importaturi u/jew l-utenti tal-prodott ikkonċernat fir-rigward tal-volumi tal-importazzjoni, il-prezzijiet tal-importazzjoni u l-inventarji matul il-perjodu ta' wara l-perjodu ta' investigazzjoni, jiġifieri mill-1 ta' April 2015 sal-31 ta' Jannar 2016. Waslu tweġibiet mingħand 22 importatur u/jew utent mhux relatati u relatati. Barra minn hekk, il-kwestjonarji ntbagħtu lill-ilmentatur u l-ħames produtturi tal-Unjoni fil-kampjun li jikkonċernaw il-bejgħ matul il-perjodu ta' wara l-perjodu ta' investigazzjoni (“PI”), jiġifieri mill-1 ta' April 2015 sal-31 ta' Jannar 2016. Waslu tweġibiet mill-ilmentatur u l-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun kollha.

(6)

Sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet għall-kwestjonarju msemmi fil-premessa 5 hawn fuq, saru żjarat ta' verifika fuq il-post tad-dejta sottomessa mill-partijiet li ġejjin:

(a)

il-produtturi tal-Unjoni

ThyssenKrupp Germany, Duisburg, il-Ġermanja

ArcelorMittal Belgium NV, Ghent, il-Belġju

ArcelorMittal Sagunto SL, Puerto de Sagunto, Spanja

(b)

Importaturi/utenti mhux relatati

Duferco SA, Lugano, l-Isvizzera

Marcegaglia Carbon Steel, Mantova, l-Italja

(7)

Fit-3 ta' Mejju 2016 inżammet seduta ta' smigħ fuq talba ta' Eurofer quddiem l-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali. Din is-seduta ta' smigħ saret fil-qafas tal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa u waħda mill-kwistjonijiet li tqajjmu kien il-ġbir retroattiv possibbli tad-dazju antidumping definittiv.

(8)

Fuq talba tal-importaturi, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu wkoll żewġ seduti ta' smigħ dwar il-kwistjoni ta' ġbir retroattiv tad-dazju antidumping.

(9)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet reġistrati tas-CRFs (“l-iżvelar addizzjonali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar addizzjonali. Fejn xieraq il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu.

(10)

Wara l-iżvelar addizzjonali, diversi partijiet taw il-kummenti tagħhom. Fil-15 ta' Ġunju 2016, grupp ta' importaturi kellu seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. Wara din is-seduta ta' smigħ, parti interessata ssottomettiet kummenti għas-sottomissjoni ta' wara s-smigħ.

B.   IMPOŻIZZJONI RETROATTIVA TAD-DAZJU ANTIDUMPING

1.   Prinċipji ġenerali għar-reġistrazzjoni u l-impożizzjoni retroattiva ta' dazji antidumping

(11)

Skont il-Komunikazzjoni tagħha “Azzar: Nippreservaw l-Impjieg u t-Tkabbir Sostenibbli fl-Ewropa” (5), il-Kummissjoni ser tiżgura li l-industrija tirċievi għajnuna proprja sewwa qabel ma jiġu imposti l-miżuri provviżorji. Dan jinkiseb billi l-importazzjonijiet jiġu rreġistrati qabel l-adozzjoni ta' miżuri provviżorji. Dan jippermetti li l-Kummissjoni tapplika b'mod retroattiv id-dazji antidumping definittivi tliet xhur qabel l-adozzjoni ta' miżuri provviżorji, fejn il-kundizzjonijiet legali rilevanti jintlaħqu. Dawn il-kundizzjonijiet legali huma stabbiliti fl-Artikoli 10(4) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li huma bbażati fuq l-Artikoli 10.6 u 10.7 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO (“WTO ADA”).

(12)

Dawk il-kundizzjonijiet legali stabbilixxew mekkaniżmu ta' żewġ stadji li jiżgura li l-effett ta' rimedju tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat ma jiddgħajjifx.

(13)

Peress li dan huwa l-ewwel każ fejn jinstab li l-kundizzjonijiet għal ġbir retroattiv tad-dazji antidumping huma ssodisfati, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li tispjega fid-dettall il-metodoloġija li kienet applikata biex tasal għal din il-konklużjoni.

(14)

L-ewwel pass, li huwa bbażat fuq il-ħsieb ta' prevenzjoni tal-imminar u l-effett rimedjali tad-dazji, huwa r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 10.7 WTO ADA, li apparti li jirreġistra l-importazzjonijiet jinnotifika wkoll il-partijiet interessati, b'mod partikolari l-importaturi, li dazji antidumping jistgħu jinġabru b'mod retroattiv jekk il-kundizzjonjiet sostantitivi jintlaħqu. It-tieni pass, fil-każ li l-prevenzjoni tonqos milli żżomm l-effett rimedjali tad-dazji definittivi huwa l-impożizzjoni retroattiva ta' dazji antidumping fuq prodotti li ddaħħlu għall-konsum mhux iktar minn 90 jum qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji iżda mhux qabel il-bidu tal-investigazzjoni, skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 10.6 WTO ADA.

(15)

Kwalunkwe wieħed minn dawn iż-żewġ passi jista' jittieħed biss meta l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 10.6 WTO ADA huma ssodisfati.

(16)

Il-Kummissjoni tqis li huwa opportun li tistabbilixxi l-mod kif hija tinterpreta u tapplika l-kundizzjonijiet “żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet” u “xkiel serju probabbli tal-effett ta' rimedju tad-dazju antidumping definittiv”, previsti fl-Artikolu 10(4)(b) tar-Regolament bażiku, meta tiddeċiedi dwar impożizzjoni retroattiva ta' dazji antidumping.

(17)

It-tieni waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tal-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku dejjem se tiġi sodisfatta malli l-bidu tal-proċedura jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk mhuwiex neċessarju li tiġi pprovduta kjarifika ulterjuri dwar l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku.

(18)

L-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku jipprovdi dan li ġej:

“addizzjonalment għal-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta' investigazzjoni, ikun hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta' meta sseħħ u l-volum u ċirkustanzi oħra, probabbilment timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat.”

(19)

Il-Kummissjoni tinterpreta li l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timponi d-dazju antidumping definittiv b'mod retroattiv (minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku u fl-intestatura tal-Artikolu 10(4), moqrija flimkien mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku). Iż-żewġ kundizzjonijiet huma dawn li ġejjin:

(a)

Flimkien mal-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw ħsara matul il-perjodu ta' investigazzjoni, hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet; kif ukoll

(b)

Din iż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet, fid-dawl ta' meta sseħħ u l-volum u ċirkustanzi oħra, probabbilment timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat.

1.1.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(20)

Sabiex tkun tista' ssir kwalunkwe determinazzjoni dwar jekk hemmx żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet, huwa meħtieġ paragun tad-dejta (6). F'dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat liema perjodi ta' żmien iridu jiġu mqabbla.

1.1.1.   Perjodi li għandhom jiġu mqabbla

(21)

Minn naħa, ir-Regolament bażiku jirreferi għal-livell ta' importazzjonijiet matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kliem “ulterjuri” u “flimkien ma'” jimplikaw li l-livell tal-importazzjonijiet matul il-perjodu tal-investigazzjoni għandu jiġi mqabbel mal-livell tal-importazzjonijiet wara l-perjodu tal-investigazzjoni.

(22)

Fl-istess ħin, il-perjodu li għandu jiġi mqabbel mal-perjodu tal-investigazzjoni ma jistax jibda qabel jintlaħaq wieħed miż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku. Fejn l-importaturi jsiru jafu bid-dumping probabbli bil-pubblikazzjoni tan-notifika ta' bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss, dak il-punt għandu b'hekk jitqies bħala l-punt ta' bidu għat-tieni perjodu.

(23)

L-analiżi globali timmira li tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għal applikazzjoni tad-dazju qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji ntlaħqux. Għalhekk, il-perjodu tal-aħħar għandu jispiċċa bl-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji f'liema mument ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet (7) tieqaf tapplika.

(24)

L-istatistika tal-importazzjoni hija disponibbli biss fuq bażi ta' kull xahar. Għaldaqstant il-Kummissjoni għal dan l-aħħar perjodu tuża d-dejta għax-xahar kalendarju sħiħ wara l-pubblikazzjoni tal-bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn l-għarfien tal-importaturi huwa kkawżat mill-bidu. Fejn l-għarfien jirriżulta minn bażi differenti, pereżempju minn storja ta' dumping tul perjodu estiż, ikun ix-xahar ta' wara l-avveniment li jikkawża sensibilizzazzjoni, iżda mhux qabel l-ewwel xahar sħiħ wara l-perjodu tal-investigazzjoni. Għall-punt ta' tmiem, il-Kummissjoni tistabbilixxi żewġ valuri: wieħed li jinkludi x-xahar li fih jibdew il-miżuri provviżorji, l-ieħor minbarra dak ix-xahar.

(25)

Normalment, il-Kummissjoni tistabbilixxi livell medju ta' importazzjonijiet għal kull xahar għall-perjodu kollu tal-investigazzjoni li fil-prinċipju jdum 12-il xahar, u medja ta' kull xahar għal-livell ta' importazzjonijiet bejn il-mument tas-sensibilizzazzjoni u l-miżuri provviżorji. Il-punti ta' bidu u ta' tmiem għall-medja tal-aħħar huma stabbiliti kif spjegat fil-paragrafu preċedenti.

(26)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet f'termini assoluti, l-impatt tagħhom fuq l-evoluzzjoni tal-ħażniet tal-prodott u fuq l-ishma tas-suq, u l-konsum tal-prodott matul il-perjodu kkunsidrat.

1.1.2.   Kemm iż-żieda li għandha tiġi kkwalifikata hija sostanzjali

(27)

Tali determinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi ta' każ b'każ. Minbarra t-tqabbil tal-medji ponderati ta' kull xahar, il-Kummissjoni ser tieħu kont ukoll tal-kunsiderazzjonijiet rilevanti l-oħra kollha. Dawn huma b'mod partikolari: l-iżvilupp tal-konsum globali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni, l-evoluzzjoni tal-ħażniet, u l-evoluzzjoni tal-ishma tas-suq. Għalhekk, l-analiżi għandu jkollha żewġ karatteristiċi, assoluta u relattiva. Paragun bejn iż-żewġ medji ta' kull xahar ta' hawn fuq huwa għalhekk element importanti, iżda mhux neċessarjament l-element deċiżiv fid-determinazzjoni ta' jekk żieda fl-importazzjonijiet hijiex “sostanzjali”.

1.1.3.   Ir-raġunament wara dan l-approċċ

(28)

L-importazzjonijiet li jidħlu fl-Unjoni qabel ir-reġistrazzjoni ma jistgħu fl-ebda każ ikunu suġġetti għal dazji antidumping. Dawn huma, madankollu, rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet li jidħlu fl-Unjoni wara r-reġistrazzjoni x'aktarx jimminaw l-effetti rimedjali tad-dazji, għar-raġuni li ġejja: Minħabba, fost l-oħrajn, l-eżistenza ta' ħażniet, l-effett rimedjali tad-dazji (jiġifieri żieda tal-prezz ta' prodotti importati, jew minħabba żieda fil-prezz jew minħabba d-dazju) qatt ma jkun immedjat, iżda jseħħ biss ladarba jinbigħu l-ħażniet. Żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet qabel ir-reġistrazzjoni għandha normalment twassal għal żieda sostanzjali fil-ħażniet. Dan ifisser li l-effett rimedjali tad-dazji huwa pospost għal iktar tard meta mqabbel ma' sitwazzjoni b'ħażniet normali. Kwalunkwe importazzjonijiet oħra bejn ir-reġistrazzjoni u l-miżuri provviżorji, li jikkostitwixxu żieda ta' ħażniet li jaqbżu sostanzjalment il-livell normali, joħolqu aktar dewmien tal-effett rimedjali.

1.2.   Iż-żieda fl-importazzjonijiet x'aktarx timmina b'mod serju l-effett rimedjali tad-dazji

(29)

It-tieni pass huwa biex jiġi ddeterminat jekk din iż-żieda x'aktarx timmina b'mod serju l-effett rimedjali tad-dazju definittiv li għandu jiġi applikat. L-użu tal-kliem “x'aktarx” juri li din hija analiżi antiċipattiva. Din dejjem se tkun analiżi speċifika għall-każ, li l-eżitu tagħha se jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi konkreti f'kull każ li fih tkun ġiet ordnata r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet bil-ħsieb li jiġu imposti dazji b'mod retroattiv.

(30)

Din l-analiżi għandha, b'mod partikolari, tqis l-effett tal-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni bejn ir-reġistrazzjoni u l-miżuri provviżorji. Fejn l-ebda importazzjoni jew dawk insinifikanti biss ikunu seħħew, ir-reġistrazzjoni tkun biżżejjed sabiex tiġi evitata aktar ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, normalment ma jkunx hemm ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tat-tieni pass, jiġifieri l-impożizzjoni retroattiva.

(31)

Meta jkun qed jiġi vvalutat l-effett tal-importazzjonijiet li jkunu daħlu fl-Unjoni bejn ir-reġistrazzjoni u l-miżuri provviżorji x'aktarx jiġu mminati serjament l-effett rimedjali tad-dazji, il-Kummissjoni b'mod partikolari se tanalizza l-fatturi li ġejjin:

(a)

il-volum ta' dawn l-importazzjonijiet

(b)

iż-żmien ta' dawn l-importazzjonijiet

(c)

il-prezzijiet ta' dawn l-importazzjonijiet

(d)

kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn rilevanti: Il-Kummissjoni se tanalizza, fost l-oħrajn, is-segwenti ċirkostanzi oħra:

(i)

il-ħażniet tal-prodott importat qabel ir-reġistrazzjoni

(ii)

ix-xejra fil-prezzijiet tal-prodott importat mill-għarfien sal-miżuri provviżorji

(iii)

il-kambjamenti fix-xejra tal-kummerċ li jindikaw tentattivi biex tiġi evitata r-reġistrazzjoni

1.3.   Kumulazzjoni

(32)

Fl-investigazzjonijiet li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed ikkonċernat, kemm jekk l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi ikunux ser jiġu akkumulati għall-fini tal-analiżi deskritta fil-punti 1.1. u 1.2. ta' hawn fuq kif ukoll jekk le, jiddependi fuq jekk il-Kummissjoni ddeċidietx li tgħaqqad dawn l-importazzjonijiet fl-investigazzjoni antidumping sottostanti.

2.   Applikazzjoni għal dan il-każ

(33)

Ir-reġistrazzjoni tikkonċerna importazzjonijiet li saru bejn it-12 ta' Diċembru 2015 u d-data tal-impożizzjoni tal-miżuri antidumping provviżorji, jiġifieri t-12 ta' Frar 2016. Matul dan il-perjodu, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kienu madwar 165 000 tunnellata.

(34)

Kif imsemmi fil-premessa 5 hawn fuq, l-informazzjoni ġiet provduta mill-ilmentatur, il-produtturi kollha tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u minn 22 importatur u/jew utent mhux relatati u relatati. L-importazzjonijiet tagħhom irrappreżentaw 46 % tal-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu li għalih inġabret id-dejta, jiġifieri minn April 2015 sa Jannar 2016.

(35)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-ġbir retroattiv tad-dazji kienx iġġustifikat, il-Kummissjoni evalwat il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku.

(36)

Ġew sottomessi kummenti fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet kif ukoll dwar il-possibbiltà tal-applikazzjoni retroattiva tal-miżuri antidumping, li huma analizzati hawn taħt.

2.1.   Storja ta' dumping jew għarfien ta' dumping jew ħsara mill-importatur

(37)

Skont l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku, irid ikun hemm“storja ta' bejgħ taħt il-prezz tul perjodu estiż, jew l-importatur kien konxju ta', jew kellu jkun konxju tal-bejgħ taħt il-prezz fejn għandu x'jaqsam il-grad tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara allegata jew misjuba.” F'dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu jafu, jew kellhom ikunu jafu, bid-dumping fejn għandu x'jaqsam il-grad tad-dumping u l-ħsara allegata jew misjuba mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, għar-raġunijiet spjegati hawn fuq fil-premessa 17 u hawn taħt.

(38)

Importatur minnhom qal li l-evidenza prima facie ta' dumping fl-ilment ma kinitx biżżejjed sabiex turi li l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu jafu bid-dumping fejn għandu x'jaqsam il-grad tad-dumping u l-ħsara allegata jew misjuba. B'mod partikolari, din il-parti nnutat li, l-ewwel nett, l-ilment ma jikkostitwixxix fih innifsu evidenza konklużiva li d-dumping fil-fatt seħħ. It-tieni nett, jekk kellu jiġi aċċettat li l-evidenza fl-ilment hija biżżejjed biex jiġi konkluż li l-importaturi kellhom ikunu jafu bid-dumping, l-impożizzjoni retroattiva ta' dazji tkun possibbli f'kull investigazzjoni. Fl-aħħar nett, huwa qal li d-dikjarazzjoni ta' Eurofer li l-eżistenza ta' dumping ma setgħetx tiġi injorata mill-importaturi minħabba l-prezzijiet baxxi ħafna tal-importazzjonijiet Ċiniżi u Russi hija qarrieqa, peress li prezzijiet allegatament baxxi waħedhom ma jurux li l-importazzjonijiet kienu l-oġġett ta' dumping.

(39)

Parti interessata oħra nnutat li Eurofer ma pprovdietx rapporti tal-istampa jew informazzjoni oħra disponibbli pubblikament aċċessibbli għall-importaturi tal-Unjoni ta' CRFS li rreferew għad-dumping mill-produtturi Ċiniżi ta' prodotti speċifiċi għas-CRFS. Din il-parti nsistiet li l-artikoli tal-istampa pprovduti kienu dwar tal-azzar b'mod ġenerali u mhux speċifikament fuq CRFS. Barra minn hekk, ir-rapporti tal-istampa Indjani u Amerikani pprovduti minn Eurofer kienu rrilevanti fir-rigward tal-għarfien tal-importaturi fl-Unjoni.

(40)

L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-għarfien tal-importaturi, fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku, jikkonċerna l-estent tad-dumping u l-ħsara allegata jew misjuba (enfasi miżjuda). Il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji ta' kemm kien hemm dumping u l-ħsara allegati abbażi ta' fatturi objettivi, mhux biss permezz tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, iżda wkoll permezz tan-notifika ta' bidu ta' dan il-proċediment, li t-tnejn li huma kienu disponibbli u komunikati lill-partijiet interessati magħrufa kollha inklużi l-importaturi, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fil-bidu. Barra minn hekk, il-partijiet interessati kellhom aċċess sħiħ għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talba għal reġistrazzjoni ta' Eurofer li fil-fatt kienet diġà tħabbret fl-ilment innifsu. L-investigazzjoni nbdiet minħabba li kienet meqjusa li l-evidenza prima facie fl-ilment uriet b'mod suffiċjenti li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati x'aktarx kienu l-oġġett ta' dumping fuq is-suq tal-Unjoni. Din l-evidenza prima facie kopriet il-perjodu minn Ottubru 2013 sa Settembru 2014, jiġifieri perjodu ta' żmien estiż. Barra minn hekk, instab provviżorjament kif ukoll definittivament konfermat li d-dumping ġie stabbilit ukoll għall-perjodu tal-investigazzjoni tal-proċediment, jiġifieri minn April 2014 sa Marzu 2015. Għalhekk, huwa ikkonfermat li l-importaturi kienu jew kellhom ikunu jafu bid-dumping u l-ħsara allegata mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifika ta' bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(41)

Għandu jiġi nnutat ukoll li l-impożizzjoni retroattiva tad-dazji antidumping hija permessa biss fuq importazzjonjiet li kienu suġġetti għar-reġistrazzjoni u biss meta l-kriterji, kif stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, jintlaħqu. Għalhekk, mhuwiex korrett li jintqal li l-impożizzjoni retroattiva tad-dazji hija possibbli “f'kull investigazzjoni”. Rigward l-allegat nuqqas ta' rilevanza tar-rapporti tal-istampa pprovduti minn Eurofer, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dawn ma kinux oġġetti b'mod speċifiku tas-CRFS, iżda dawn taw indikazzjoni affidabbli tal-imġiba tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi tal-azzar fil-pajjiżi kkonċernati. Barra minn hekk, ir-rapporti tal-istampa għandhom jitqiesu fid-dawl tal-fatti objettivi l-oħra kif stabbiliti fil-premessi ta' hawn fuq.

(42)

Għaldaqstant, l-argumenti li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-għarfien dwar l-importaturi huma miċħuda.

(43)

Fit-tweġiba tagħhom għall-iżvelar ċerti importaturi stqarrew li l-għarfien ta' kwistjoni ta' dumping u ħsara għandu jitqies fid-dawl ta' retroattività billi huwa “miżura eċċezzjonali” u li din tistabbilixxi standards għoljin dwar l-awtorità investigattiva u/jew l-approċċ propost dwar “għarfien tal-importaturi” fir-rigward tal-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku huwa wiesa' wisq. Huma għalhekk jikkonkludu li n-notifika ta' bidu mhijiex biżżejjed sabiex l-importaturi jsiru konxji tal-eżistenza ta' dumping u ħsara jew il-portata tiegħu. Madankollu, in-notifika ta' bidu, li kienet irrappurtata b'mod estensiv fl-istampa tal-kummerċ tal-azzar, u li l-verżjoni miftuħa tal-ilment, li ġie kkomunikat lill-importaturi u/jew l-utenti u għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati kollha mill-bidu nett tal-investigazzjoni, meta meħuda flimkien iddikjaraw b'mod ċar (b'dettall sostanzjali) il-metodoloġija applikata, is-sorsi ta' informazzjoni użati u livelli għolja speċifikati ta' dumping u ta' ħsara kemm għaċ-Ċina kif ukoll għar-Russja. L-ammont ta' dumping b'hekk ġie kkomunikat f'forma ta' perċentwal tal-prezz tal-importazzjoni CIF. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fil-premessi 5 sa 11 tar-Regolament tar-reġistrazzjoni fakkret lill-partijiet kollha interessati li kellha biżżejjed evidenza dwar id-dumping fir-rigward tal-ammont ta' dumping u l-ħsara allegata jew misjuba. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-importaturi kienu jafu, jew kellhom ikunu jafu, li kienu qed iseħħu, jew kienu allegati, dumping u ħsara. Il-fatt li mhux l-investigazzjonijiet kollha jirriżultaw f'miżuri antidumping ma jfissirx li ma kienx hemm evidenza prima facie ta' dumping u tal-ħsara disponibbli għall-importaturi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija sodisfatta li l-istandards meħtieġa rilevanti għal din il-kwistjoni ntlaħqu.

(44)

Il-produtturi esportaturi Russi u importatur sostnew li d-determinazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku żgur ma ssodisfatx l-istandard stabbilit fl-Artikolu 10(6)(i) tal-ADA li jgħid li l-importatur kellu jkun jaf li l-esportatur jipprattika d-dumping u li tali dumping jikkawża ħsara. Barra minn hekk, ġie affermat li permezz tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, il-kundizzjoni tal-“għarfien” hija sodisfatta f'kull okkażjoni meta tiġi ppubblikata notifika ta' bidu, li ma tkunx aċċettabbli. Ġie sostnut ukoll li l-valutazzjoni ta' dumping hija proċess kumpless li tinkludi li wieħed ikollu aċċess għal sigrieti kummerċjali li ma jistgħux jiġu żvelati.

(45)

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li kull Membru tad-WTO għandu l-jedd li jistabbilixxi l-proċeduri u prattiki antidumping tiegħu skont iċ-ċirkostanzi tiegħu sakemm dawn ma jiksrux l-istandards tad-WTO. Il-Kummissjoni tqis li għandha standards għoljin ħafna biex tiftaħ l-investigazzjonijiet u kif imsemmi fil-premessa 43 hawn fuq twettaq eżami dettaljat ħafna ta' dumping u ta' ħsara bbażat fuq l-evidenza disponibbli u kien disponibbli għall-partijiet interessati. Din id-dejta tinkludi prezzijiet tal-esportazzjoni u prezzijiet domestiċi speċifiċi għall-kumpanija li l-importaturi setgħu faċilment iqabblu mal-prezzijiet li kienu qed jixtru bihom mill-pajjiżi kkonċernati sabiex jistabbilixxu jekk dawn il-prezzijiet kienux l-oġġett ta' dumping u sa liema punt. Qed jiġi nnutat ukoll li kif intwera fil-premessa 5, xi risposti kienu rċevuti minn importaturi relatati li kellhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-prezzijiet domestiċi u dawk tal-esportazzjoni. Huwa nnutat ukoll li l-liġi tal-WTO ma tipprovdix li l-importaturi għandhom ikunu kapaċi jwettqu kalkolu ta' dumping dettaljat iżda pjuttost li għandhom ikunu konxji tal-livell ta' tali dumping. Barra minn hekk, l-analiżi tad-diversi indikaturi tal-ħsara flimkien mal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz dettaljati kienu wkoll disponibbli u indikaw li tali importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping joħolqu ħsara.

(46)

Wieħed mill-importaturi sostna wkoll li l-fornituri tiegħu kienu assigurawh li ma kienux involuti fi prattiki oġġett ta' dumping mingħajr, madankollu, ma ssostanzjaw dan. Għaldaqstant, jeħtieġ li din il-pretensjoni tiġi rifjutata.

(47)

Il-produtturi esportaturi Russi kkontestaw is-sejba ta' dumping u indikaw li l-importaturi saru biss konxji tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u l-ammont ta' dumping fit-12 ta' Frar 2016. F'dan ir-rigward ta' min jinnota li l-informazzjoni msemmija hawn fuq fil-fajl, jiġifieri n-notifika ta' bidu u l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment li ntbagħat jew sar disponibbli għall-importaturi, tat indikazzjoni ċara tal-ammont ta' dumping u li l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji kkonfermat din l-informazzjoni. Għalhekk din il-pretensjoni għandha tiġi miċħuda.

(48)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma, f'dan il-każ partikolari, li l-importaturi kellhom b'mod ċar l-evidenza li l-esportaturi Ċiniżi u Russi kienu qed jipprattikaw dumping li jagħmel ħsara.

2.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet li x'aktarx timmina l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv

(49)

Skont l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, hemm bżonn li jkun hemm “żieda sostanzjali oħra fl-importazzjonijiet flimkien mal-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw ħsara matul il-perjodu tal-investigazzjoni”.

2.2.1.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(50)

Skont id-dejta tal-Eurostat (8) (li fil-mument tal-valutazzjoni kienet disponibbli sa Marzu 2016, inkluż), il-volum medju tal-importazzjoni ta' kull xahar mill-pajjiżi kkonċernati waqt il-perjodu tal-investigazzjoni kien ta' 118 912 tunnellata. Il-volum medju tal-importazzjoni ta' kull xahar mill-pajjiżi kkonċernati fil-perjodu li jibda fl-ewwel xahar sħiħ wara l-pubblikazzjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li jispiċċa fl-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji (Ġunju 2015–Jannar 2016) kien ta' 162 457 tunnellata, jiġifieri 37 % ogħla milli mill-perjodu tal-investigazzjoni. Fl-istess perjodu, il-volum totali tal-importazzjonijiet kien ta' 1 299 658 tunnellata, jiġifieri, 721 386 tunellata miċ-Ċina u 578 272 tunnellata mir-Russja. Meta jitqabbel il-volum medju tal-importazzjoni ta' kull xahar miċ-Ċina u r-Russja separatament, żieda ta' 48 % u 25 % fil-volumi medji tal-importazzjoni ta' kull xahar hija misjuba għaċ-Ċina u r-Russja rispettivament.

(51)

Jekk jittieħed il-perjodu mill-ewwel xahar sħiħ wara li l-bidu tal-investigazzjoni u inkluż ix-xahar li fih ġew imposti miżuri provviżorji (jiġifieri Ġunju 2015–Frar 2016) jirriżulta l-volum medju tal-importazzjoni ta' kull xahar ta' 150 673 tunnellata, jiġifieri 27 % ogħla mill-medja ta' kull xahar fil-perjodu tal-investigazzjoni. Fir-rigward tal-volumi medji tal-importazzjoni ta' kull xahar miċ-Ċina u r-Russja, dawn urew żieda ta' 34 % u 19 % rispettivament.

(52)

L-importazzjonijiet mit-22 importatur u/jew utent li pprovdew informazzjoni dwar l-importazzjonijiet matul il-perjodu wara l-bidu (minn Ġunju 2015 sa Jannar 2016) kienu jirrappreżentaw 46 % tal-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati. L-informazzjoni miksuba b'dan il-mod uriet, b'mod ġenerali għal dawn l-importaturi u/jew utenti li kkooperaw, żieda ta' 22 % fil-ħażniet tal-prodott ikkonċernat fi tmiem l-2015 meta mqabbel ma' tmiem l-2014. Din il-konklużjoni mhux biss tikkorrobora l-konstatazzjoni ta' żieda qawwija ta' importazzjonijiet fuq il-bażi tal-istatistika, iżda tissuġġerixxi wkoll akkumulazzjoni tal-ħażna.

(53)

Iż-żewġ analiżijiet juru li fil-fatt kien hemm żieda sostanzjali fil-volumi tal-importazzjoni wara l-bidu.

(54)

Bosta produtturi esportaturi Russi kkontestaw il-konklużjoni li ż-żieda fl-importazzjonijiet kienet sostanzjali, li jirreferi għal “kummentaturi u prattikanti ewlenin” li jsostnu li ż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet għandha tkun tassew kbira. F'dan ir-rigward ta' min l-ewwel jinnota li l-letteratura li kienet imsemmija ma tikkostitwixxix liġi vinkolanti u li din ma tagħti l-ebda gwida speċifika dwar dak li għandu jitqies bħala kbir jew sostanzjali, li xorta hija analiżi każ b'każ.

(55)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni hija sodisfatta li ż-żieda fl-importazzjonijiet tista' titqies bħala sostanzjali u li din il-pretensjoni hija b'dan miċħuda.

(56)

Bosta produtturi esportaturi Russi kif ukoll importatur sostnew li l-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha tat-talba għal reġistrazzjoni ta' Eurofer, ma kkunsidratx korrettament l-effett temporanju ta' sanzjonijiet tal-Unjoni fuq il-kummerċ mar-Russja. F'dan ir-rigward, fil-mument tar-reġistrazzjoni, ma kienx hemm “sanzjonijiet” fuq il-prodott ikkonċernat, u lanqas ma kien hemm tali sanzjonijiet matul jew wara l-perjodu tal-investigazzjoni, sakemm ġew imposti miżuri provviżorji fit-12 ta' Frar 2016. Għalhekk dan l-argument ġie miċħud.

(57)

Il-produtturi esportaturi Russi ġew lura għal din il-kwistjoni fil-kummenti tagħhom dwar l-iżvelar li jistqarru li minkejja li ma kienx hemm “sanzjonijiet” fuq il-prodott ikkonċernat kien hemm “effett indirett” għall-prodott ikkonċernat minħabba rifjut ġenerali lill-klijenti tal-Unjoni li jixtru prodotti mir-Russja. Dan l-argument ma kienx sostanzjat. Barra minn hekk, huwa ċar li l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni ġie affettwat minn kwistjonijiet marbuta ma' dan il-proċediment aktar milli fuq l-allegati “effetti indiretti” li jirriżultaw minn sanzjonijiet fuq prodotti oħra. Il-prodotti suġġetti għal sanzjonijiet kienu ddefiniti b'mod ċar u għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li s-sanzjonijiet kellhom impatt kbir fuq il-varjazzjonjiet kbar tal-iżvilupp fil-volum esperjenzat wara l-perjodu tal-investigazzjoni.

(58)

Barra minn hekk, l-istess produtturi esportaturi Russi kif ukoll l-awtoritajiet Russi sostnew li fil-valutazzjoni dwar iż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet, l-argumenti ta' Eurofer kienu bbażati fuq tqabbil bejn il-perjodi taż-żmien magħżulin arbitrarjament. Parti interessata oħra sostniet li minħabba l-volatilità estrema fil-volum tal-importazzjonijiet ta' CRFS minn xahar għal ieħor, l-għażla ta' kull perjodu partikolari meta mqabbel ma' ieħor tista' tipproduċi riżultati differenti ħafna. Fi kliem ieħor, id-dejta tat-talba ta' Eurofer ma rriflettietx l-eżistenza ta' “żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet”.

(59)

Il-perjodi ta' żmien meħuda għat-tqabbil fl-ilment li wassal għar-reġistrazzjoni koprew perjodi ta' żmien sostanzjali kemm wara l-perjodu tal-investigazzjoni kif ukoll li kkoinċidu mal-perjodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, perjodi ta' żmien oħra għall-analiżi komparattiva dwar żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet ġew issuġġeriti minn diversi partijiet interessati u kollha kemm huma waslu għall-istess konklużjoni (jiġifieri żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet meta mqabbla mal-volum tal-importazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni). Għaldaqstant, l-argument ġie miċħud.

(60)

Bosta produtturi esportaturi Russi sostnew li ma kien hemm l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet billi bagħtu ċ-ċifri għal Jannar 2016, Frar 2016 u Marzu 2016 sa fejn kienu kkonċernati. Mhuwiex ċar għall-Kummissjoni għalfejn ċifri għal ċerti produtturi esportaturi Russi biss kienu ppreżentati fis-sottomissjoni u mhux l-importazzjonijiet mir-Russja kollha.

(61)

Huwa minnu li l-volumi tal-importazzjoni ta' kull xahar relattivament aktar baxxi fid-dejta statistika msemmija fil-premessa 50 ta' hawn fuq huma rreġistrati għal Jannar, Frar u Marzu 2016, jiġifieri wara r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet u — għal parti minn Frar u Marzu — kienu daħlu fis-seħħ miżuri provviżorji. F'dan ir-rigward, għandu jitqies dan li ġej. L-ewwel nett, kif indikat fil-premessa 9 tar-regolament ta' reġistrazzjoni, il-Kummissjoni kienet analizzat it-talba ta' reġistrazzjoni abbażi ta' analiżi ta' perjodu sa u inkluż ix-xahar ta' Settembru 2015. Din l-analiżi wriet li kien hemm, inter alia u prima facie, żieda sostanzjali fil-livell tal-importazzjonijiet, anki wara l-bidu, li jimmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping (il-premessa 5 tar-regolament ta' reġistrazzjoni). Iż-żieda sostanzjali li fuq il-bażi tagħha l-importazzjonijiet kienu rreġistrati tikkonċerna għalhekk parzjalment biss l-istess importazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tiddetermina jekk għandhiex issir impożizzjoni retroattiva tad-dazju. Għandu jitfakkar li dan l-aħħar perjodu, huwa l-perjodu mill-ewwel xahar sħiħ wara l-bidu, jiġifieri Ġunju 2015, sa u inkluż l-aħħar xahar sħiħ qabel il-miżuri provviżorji, jiġifieri Jannar 2016 jew inkluż ix-xahar li fih ġew imposti l-miżuri provviżorji, jiġifieri Frar 2016. Matul dan il-perjodu ferm itwal ukoll, hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet meta mqabbel mal-perjodu tal-investigazzjoni. Il-fatt li l-volumi tal-importazzjoni miż-żewġ pajjiżi kienu relattivament baxxi f'Jannar, Frar u Marzu 2016 ma jbiddilx din il-konklużjoni.

(62)

It-tieni nett, l-ikbar volum ta' importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati kien irreġistrat għal Ottubru 2015, jiġifieri wara l-perjodu ta' analiżi għar-reġistrazzjoni, u l-volumi tal-importazzjoni għolja ferm meta mqabbla mal-perjodu tal-investigazzjoni kienu għadhom irreġistrati għal Novembru 2015. Il-livell relattivament moderat tal-importazzjonijiet wara r-reġistrazzjoni, li rrefera għalih il-produttur esportatur, għandu għalhekk jiġi vvalutat f'relazzjoni ta' dak l-ogħla livell eżatt qabel ir-reġistrazzjoni, li jista' jiġi spjegat biss permezz tar-reġistrazzjoni li jmiss. Huwa probabbli li, kieku ma ntalbet u ma saret l-ebda reġistrazzjoni, kien jiġi osservat volum globali fl-istess ordni ta' kobor, iżda ż-żieda medja ta' kull xahar kienet tkun aktar konsistenti minflok l-isplużjoni osservata f'Ottubru u Novembru 2015. Il-Kummissjoni ma tistax, fl-analiżi tagħha dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(4)(d) humiex milħuqa, tinjora ż-żieda qawwija ta' importazzjonijiet f'dan il-perjodu wara l-perjodu tal-analiżi għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet attwali iżda qabel ir-reġistrazzjoni nfisha.

(63)

Parti interessata sostniet li filwaqt li t-tqabbil taċ-ċifri tal-importazzjoni bejn Mejju 2014–Settembru 2014 u Mejju 2015–Settembru 2015 tabilħaqq juri żieda assoluta fl-importazzjonijiet, Eurofer naqset milli tqis in-natura ċiklika tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u l-iżvilupp tal-konsum tal-Unjoni. Dan l-argument ma ġiex evidenzjat b'mod sostanzjali. Huwa korrett li wieħed jgħid li l-prodott ikkonċernat isegwi sa ċertu punt il-konġunzjoni ekonomika, li tista' tkun volatili. Madankollu, dan ma jimplikax li l-importazzjonijiet tas-CRFS isegwu tendenza ċiklika. Dan l-argument ġie miċħud.

(64)

Għandu jingħad ukoll li, rigward ix-xejra tal-konsum tal-Unjoni, kif spjegat fil-premessi 103 sa 106 tar-Regolament provviżorju, il-konsum ristrett żdied ftit b'4 %, filwaqt li l-konsum fis-suq ħieles naqas b'9 %. Billi l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jikkompetu fis-suq ħieles, il-Kummissjoni tonqos milli tifhem dan l-argument.

(65)

China Iron & Steel Association (CISA) ma qablitx ukoll mal-perjodi magħżula minn Eurofer. CISA stqarret li hemm bżonn mill-inqas erba' jew ħames xhur wara konferma tal-ordni biex l-importazzjoni ta' prodotti tal-azzar miċ-Ċina tiġi fil-fatt implimentata. Għalhekk, il-prodott ikkonċernat importat matul Mejju–Settembru 2015 huwa fil-fatt marbut ma' kuntratti konklużi qabel inbeda l-każ.

(66)

Skont ir-Regolament bażiku, tali żieda sostanzjali oħra sseħħ flimkien mal-livell tal-importazzjoni li jikkawża ħsara matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, il-valutazzjoni ta' din il-kwistjoni hija bbażata fuq perjodu rappreżentattiv bejn il-bidu u l-miżuri provviżorji u l-perjodu tal-investigazzjoni. Il-konklużjoni li kien hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet matul Mejju–Settembru 2015 hija msaħħa iktar bl-argument ta' CISA, minkejja l-perjodu latenti minħabba kuntratti kurrenti, xorta kien hemm żieda sostanzjali ulterjuri osservata fl-importazzjonijiet matul il-perjodu msemmi hawn fuq. Għaldaqstant, l-argument hu rrifjutat.

(67)

Diversi partijiet interessati nnutaw ukoll li s-CFRS mhuwiex prodott li jiġi maħżun, iżda prodott li huwa magħmul skont l-ordnijiet.

(68)

Tabilħaqq, il-prodott ikkonċernat normalment ma jkunx maħżun għal perjodu twil minħabba l-karatteristiċi tiegħu. Pereżempju, ċerti kundizzjonijiet klimatiċi jistgħu jkollhom effett detrimentali fuq il-kwalità tal-prodott. Madankollu, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza kontra l-konstatazzjoni li l-ħażna fil-fatt seħħet f'dan il-każ wara l-bidu tal-proċediment. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-ħażna ta' spiss ma tkunx prattika abitwali u sseħħ meta jkun hemm ċirkostanzi speċjali u/jew aspettattivi fis-suq, pereżempju fir-rigward ta' prezzijiet futuri tal-prodott inkwistjoni. Il-fatt li prodott normalment ma jkunx maħżun ma jfissirx li ma tista' sseħħ l-ebda ħażna tal-istokk, meta dawn iċ-ċirkostanzi u l-aspettattivi jkunu involuti. Abbażi taċ-ċifri ppreżentati minn importaturi u/jew utenti mhux relatati u relatati wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, instab li l-istokks fi tmiem l-2015 kienu 22 % ogħla milli fi tmiem l-2014. Għalhekk, mingħajr evidenza kontra s-sejba li ż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet tista' tkun indikazzjoni ta' ħażna tal-istokk, dan l-argument huwa miċħud.

(69)

Fit-tweġiba tagħhom għall-iżvelar il-partijiet interessati tennew li l-prodott ikkonċernat normalment ma jkunx maħżun iżda huwa mixtri skont l-ordni. L-ewwel nett, is-CRFS mhuwiex prodott esklussivament skont l-ordni u anki għal dawk it-tipi li huma prinċipalment magħmula skont l-ordni, dan ma jżommx lill-importaturi u/jew l-utenti jantiċipaw żidiet futuri fil-prezzijiet milli jixtru kwantitajiet akbar sabiex jaħżnu l-istokk. Barra minn hekk, il-bidu ta' din l-investigazzjoni kellu impatt fuq l-imġiba tal-importazzjoni billi, skont l-evidenza, il-ħażna tal-istokk tal-gradi standard normalment importati żdiedet sostanzjalment. Huwa mfakkar li t-22 importatur u/jew utent li pprovdew informazzjoni dwar l-importazzjonijiet matul il-perjodu wara l-bidu rrappreżentaw biss 46 % tal-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati. Fid-dawl tal-fatt li l-importaturi u/jew l-utenti li jirrappreżentaw aktar minn nofs l-importazzjonijiet ma pprovdewx lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba u minħabba l-volum għoli ta' importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni fix-xhur ta' wara l-bidu, il-Kummissjoni tista' tibbaża ruħha fuq biżżejjed evidenza sodisfaċenti biex tikkonkludi li verament seħħet ħażna sostanzjali u li l-informazzjoni miksuba u użata wasslet għal stima kemxejn konservattiva tal-livell ta' ħażniet tal-istokk.

(70)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet sussegwenti għall-perjodu tal-investigazzjoni.

(71)

Fit-tweġiba tagħhom għall-iżvelar il-partijiet interessati qalu li kienet teżisti prassi tal-Kummissjoni ferm stabbilita li tqabbel l-importazzjonijiet matul il-perjodu tal-investigazzjoni b'importazzjonijiet matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni, li jfisser li ma kienx hemm żieda fl-importazzjonijiet. L-istess partijiet qalu li l-Kummissjoni kienet naqset milli tagħti raġunijiet għal din l-allegata bidla fil-prassi.

(72)

Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li mhijiex marbuta minn prassi preċedenti (jekk prassi bħal din teżisti, quod non, ara l-premessa li jmiss), iżda biss min-normi objettivi tat-Trattati u l-liġi sekondarja. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni meta trid tista', pereżempju minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi li jwasslu għal investigazzjoni, tirfina jew tevolvi l-analiżi tagħha skont il-każ, sakemm hija tispjega raġunijiet suffiċjenti għalfejn għamlet hekk. Il-Kummissjoni fid-dokument ta' żvelar ġenerali pprovdiet b'mod estensiv ir-raġunament ekonomiku, legali u ta' politika li jinsab wara l-approċċ meħud fil-każ attwali (ara l-premessi 11 sa 32 ta' hawn fuq).

(73)

Fi kwalunkwe każ, it-tieni nett, l-importatur seta' biss jindika żewġ każijiet preċedenti (Pannelli Solari u Prodotti tal-Azzar Inossidabbli Rrumblati Ċatti fil-Kiesaħ) bħala evidenza allegata ta' tali prassi u fl-ebda każ ma ġew imposti dazji b'mod retroattiv. F'dawn iċ-ċirkustanzi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala prassi stabbilita sew. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li dawn il-partijiet interessati sostnew, fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429 (9) il-Kummissjoni analizzat perjodi wara l-bidu tal-investigazzjoni meta vvalutat jekk għandux jiġi impost b'mod retroattiv id-dazju antidumping. Barra minn hekk, f'dawk il-każijiet, is-sett sħiħ ta' ċirkustanzi ma kienx paragunabbli maċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ. Pereżempju, għalkemm il-livell tal-importazzjonijiet matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni kien fuq bażi ta' medja ta' kull xahar aktar baxx milli fil-perjodu preċedenti wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-livell f'termini assoluti kien għadu sinifikanti ħafna f'dan il-każ. Meta wieħed iqis li dan huwa l-ewwel każ li fih il-Kummissjoni tikkonkludi li fid-dawl tal-fatti ta' dan il-każ id-dazji għandhom jiġu imposti retroattivament, il-prinċipji stabbiliti fil-premessi 11 sa 32 ġew segwiti b'mod strett f'din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma analizzatx biss il-livell tal-importazzjonijiet matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni imma qieset ukoll l-importazzjonijiet għall-perjodu bejn il-bidu u r-reġistrazzjoni. Dan huwa f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku li, kif spjegat fil-premessi 21 sa 25 hawn fuq jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tanalizza l-perjodu sussegwenti għall-perjodu tal-investigazzjoni li hija, fil-prassi tagħna, sa mill-bidu ta' investigazzjoni sal-mument li r-reġistrazzjoni ma tibqax tapplika. Il-perjodu tal-analiżi b'hekk stabbilit b'konformità sħiħa mal-liġi, jippermetti li ssir valutazzjoni sħiħa fuq iż-żieda tal-importazzjonijiet u l-impatt sussegwenti tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jimminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri.

(74)

Fit-tweġiba tagħhom għall-iżvelar, il-produtturi esportaturi Russi u l-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku tal-Federazzjoni Russa sfidaw l-approċċ tal-Kummissjoni ta' valutazzjoni kumulattiva (li tkopri kemm tal-importazzjonijiet Ċiniżi kif ukoll dawk Russi) sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Madankollu, ir-Regolament bażiku ma jipprojbixxix interpretazzjoni kumulattiva tal-Artikolu 10(4) u l-kundizzjonijiet għall-akkumulazzjoni japplikaw b'mod ċar f'dan il-każ. Barra minn hekk, fejn xieraq, saret analiżi separata tal-importazzjonijiet Russi u Ċiniżi, li wasslet ukoll għall-konklużjoni li kien hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet (ara l-premessa 50 hawn fuq) u ma wrietx li kien hemm bżonn ta' approċċ differenti għall-Federazzjoni Russa. B'hekk din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

2.2.2.   L-imminar tal-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv

2.2.2.1.   Volumi u ishma mis-suq

(75)

Sabiex ikun ivvalutat l-impatt taż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fuq l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv, intbagħtu kwestjonarji dwar il-bejgħ wara l-perjodu tal-investigazzjoni lil Eurofer u l-ħames (5) produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-perjodu li għalih ġew mitluba ċ-ċifri tal-perjodu ta' wara l-investigazzjoni kien minn April 2015 sa Jannar 2016 (meta ntbagħat il-kwestjonarju ta' wara l-perjodu tal-investigazzjoni, dan kien l-aktar perjodu riċenti).

(76)

It-tagħrif li wasal juri li l-konsum tal-Unjoni fis-suq ħieles, f'dak il-perjodu, żdied b'14 % filwaqt li l-volumi tal-bejgħ miksuba mill-produtturi tal-Unjoni baqa' pjuttost stabbli b'żieda żgħira ta' 3 %. B'konsegwenza ta' dan, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kompla jonqos b'7 punti perċentwali (minn 71 % għal 64 %). Dan hu sinjal ċar ta' ħsara ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni.

(77)

F'termini ta' volumi, għandu jiġi ċċarat li l-importazzjonijiet matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni ġew inklużi fil-valutazzjoni taż-“żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet” u li l-importazzjonijiet matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni waħedhom naqsu meta mqabbla ma' livelli ta' qabel ir-reġistrazzjoni iżda kienu għadhom f'volumi sostanzjali.

(78)

Ġie argumentat minn bosta partijiet li dan it-tnaqqis fl-importazzjonijiet matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni wera li l-pass tar-reġistrazzjoni kien suċċess. Madankollu, il-livell sostanzjali ta' importazzjonijiet matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni (madwar 165 000 tunnellata) juri biċ-ċar li l-importaturi u/jew l-utenti ma kinux ġew skoraġġuti mill-pass tar-reġistrazzjoni u kif spjegat hawn taħt l-impożizzjoni retroattiva tad-dazji hija meħtieġa sabiex ma jiġux imminati l-effetti rimedjali tal-miżuri.

2.2.2.2.   Il-prezzijiet u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

(79)

Meta sar tqabbil tal-prezz tal-importazzjoni medju ta' kull xahar bl-użu tad-dejta mill-Eurostat, ġie stabbilit li matul il-11-il xahar wara l-perjodu tal-investigazzjoni, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni ta' kull xahar miċ-Ċina u mir-Russja naqsu bi 13 % u 12 % rispettivament meta mqabbla mal-prezzijiet medji tal-importazzjoni ta' kull xahar matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(80)

Huwa minnu li matul l-istess perjodu l-prezzijiet tal-materja prima naqsu wkoll. Madankollu, l-analiżi li saret turi li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima ma setax jiġġustifika iktar minn tnaqqis ta' 4 % fil-prezzijiet tal-bejgħ. Il-fatt li dawn il-prezzijiet tal-importazzjoni sinifikament aktar baxxi jimmina l-effetti rimedjali tad-dazju antidumping hu spjegat b'paragun ġenerali tal-prezz tal-importazzjoni medju mill-pajjiżi kkonċernati mal-prezz medju tal-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu ta' wara l-investigazzjoni. Dan il-paragun jirriżulta f'7 % twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni filwaqt li wara dak il-perjodu t-twaqqigħ tal-prezzi żdied għal 14 %.

(81)

Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjoni matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni komplew jonqsu aktar minn dawk tal-produtturi tal-Unjoni. Il-prezz medju tal-importazzjoni f'dan il-perjodu (10) kien ta' EUR 408 għaċ-Ċina (19 % taħt il-prezz medju tal-importazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni u 6 % taħt il-prezz medju tal-importazzjoni fil-perjodu ta' bejn il-bidu sar-reġistrazzjoni (11)) u EUR 371 miljun għar-Russja (24 % taħt il-prezz medju tal-importazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni u 15 % taħt il-prezz medju tal-importazzjoni fil-perjodu ta' bejn il-bidu sar-reġistrazzjoni). Għaż-żewġ pajjiżi flimkien, il-prezz medju tal-importazzjoni matul ir-reġistrazzjoni kien ta' EUR 386 (22 % taħt il-prezz medju tal-importazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni u 11 % taħt il-prezz medju tal-importazzjoni fil-perjodu ta' bejn il-bidu u r-reġistrazzjoni). Konsegwentement, it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni reġa' żdied għal kważi 20 % bħala medja.

(82)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet, fid-dawl ta' meta sseħħ u l-volum, kif ukoll tnaqqas ulterjuri fil-prezzijiet medji, x'aktarx timmina b'mod serju l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv.

2.2.2.3.   Il-ħażna tal-istokk

(83)

Kif indikat fil-premessa 52, il-Kummissjoni sabet evidenza ta' ħażna tal-istokk wara l-bidu tal-investigazzjoni. Peress li huwa probabbli li l-prodotti li jiġu maħżuna fl-aħħar mill-aħħar se jidħlu fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li tali ħażna tal-istokk hija indikazzjoni oħra li l-importazzjonijiet li jseħħu anki wara r-reġistrazzjoni ser jimminaw l-effetti rimedjali tad-dazji.

(84)

Ċerti partijiet interessati kkontestaw l-argument dwar il-ħażna filwaqt li ddikjaraw li s-sejba tal-ħażna ma kinitx sostnuta minn evidenza. Madankollu, huwa ċar li l-importazzjonijiet ta' wara l-perjodu tal-investigazzjoni żdiedu sostanzjalment meta mqabbla ma' livelli ta' qabel il-bidu u li l-importaturi u/jew l-utenti li kkooperaw irrapurtaw żieda fl-istokks. Barra minn hekk, is-suq irrumblatt ċatt fil-kiesaħ huwa kkaratterizzat minn importazzjonijiet kemm minn negozjanti u minn utenti finali. Minkejja l-fatt li l-prezzijiet kienu qed jinżlu fix-xhur ta' wara l-bidu ta' din l-investigazzjoni, in-negozjanti u l-utenti kienu motivati biex iżidu l-livelli medji tal-importazzjoni ta' kull xahar u l-livelli tal-istokks, kif fil-fatt għamlu. Għalhekk, huwa ċar li l-ħażna tal-istokks saret.

(85)

Grupp ta' importaturi ddikjara li kien ipprovda evidenza li l-livell tal-istokks tiegħu wera xejra ta' tnaqqis u li x-xiri tiegħu fil-perjodu wara l-bidu ma kienx immirat lejn il-ħażna tal-istokks. L-istess parti interessata ddikjarat li l-perjodi sabiex jitqabbel il-livell tal-istokk ma kinux xierqa peress li l-istokks fit-tmiem tal-2014 kienu baxxi wisq fid-dawl tan-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-banek li jiffinanzjaw l-istokks. Eventwalment hija stqarret li l-Kummissjoni ma wrietx li l-prodotti kkonċernati għadhom maħżuna u indikat li kienet qed tistenna li l-materjal mixtri fil-perjodu tar-reġistrazzjoni jkun mibjugħ qabel ma jiġu imposti l-miżuri provviżorji. F'dan ir-rigward, għandu l-ewwel jiġi nnutat li l-valutazzjoni fir-rigward tal-livell ta' stokk tista' turi differenzi individwali bejn kumpaniji li jimportaw il-prodott ikkonċernat. Madankollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni m'għandhiex tkun limitata għal kumpaniji individwali u l-informazzjoni fil-fajl, inkluża dik ta' dan il-grupp ta' importaturi, turi li kien hemm żieda ta' 22 %. It-tieni nett, ta' min jinnota li dan l-argument ma huwiex sostanzjat minn evidenza ta' sostenn sa fejn huma kkonċernati l-banek jew il-volumi tal-istokk. Jekk id-dikjarazzjoni dwar id-disponibbiltà ta' finanzjament għadha vera, il-Kummissjoni tiddubita kif l-importaturi jistgħu jiffinanzjaw iż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li seħħew wara l-bidu tal-investigazzjoni mingħajr id-disponibbiltà tal-finanzi. Fuq il-bażi ta' dak imsemmi hawn fuq, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu rifjutati.

2.2.2.4.   Konklużjoni

(86)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li ż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet sussegwenti għall-perjodu tal-investigazzjoni fixklet b'mod serju l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv.

2.3.   Kummenti oħra

(87)

Bosta produtturi esportaturi Russi sostnew li l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku ma jindikax appoġġ għal valutazzjoni kumulattiva fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Huma sostnew ukoll li fl-opinjoni tagħhom il-kundizzjonijiet għal impożizzjoni retroattiva tad-dazji antidumping mhumiex ssodisfati fir-rigward tal-importazzjonijiet Russi tas-CRFS. Mingħajr referenza fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għal valutazzjoni kumulattiva, ma jkun hemm l-ebda bażi ġuridika biex il-Kummissjoni tapplika b'mod retroattiv dazji antidumping definittivi fuq importazzjonijiet mir-Russja. F'dan ir-rigward, kien hemm referenza wkoll għall-prinċipju fundamentali ta' nondiskriminazzjoni.

(88)

Għandu jiġi sostnut li l-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument li l-kundizzjonijiet kif stipulati fl-Artikolu 10(4) ma ntlaħqux. F'dan il-każ, huwa enfasizzat li kemm fil-valutazzjoni kumulattiva tal-pajjiżi kkonċernati kif ukoll fil-valutazzjoni individwali tal-pajjiżi kkonċernati, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(4) jintlaħqu għaż-żewġ pajjiżi. Għaldaqstant, l-argument ġie miċħud.

(89)

Diversi partijiet interessati sostnew li minħabba r-reġistrazzjoni, l-importaturi u/jew l-utenti jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' inċertezza tad-dritt u li dan kellu effett ħażin fuq il-kummerċ tal-importaturi u/jew tal-utenti. Huma sostnew ukoll li impożizzjoni retroattiva ta' dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet reġistrati tkompli taggrava l-effett negattiv fuq l-importaturi u/jew l-utenti fl-Unjoni, li raġonevolment kienu jiddependu fuq il-fornituri tagħhom, bis-suppożizzjoni li mhumiex involuti f'dumping. Kien argumentat ukoll li l-miżuri retroattivi jagħmlu ħsara lill-importaturi u/jew lill-utenti fir-rigwrad l-importazzjoni marbuta ma' kuntratti konklużi qabel il-bidu tal-proċediment.

(90)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel nett tinnota li d-dritt tal-awtorità tal-investigazzjoni li tirreġistra l-importazzjonijiet meta jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, huwa stipulat fir-Regolament bażiku li taħtu nbdiet din l-investigazzjoni u li tipproċedi bir-reġistrazzjoni biss f'każijiet eċċezzjonali kif hija tinterpreta l-kundizzjonijiet legali, kif stabbilit fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, b'mod strett. Kif huwa diġà spjegat, il-Kummissjoni tqis li f'dan il-każ il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ntlaħqu b'mod ċar. It-tieni nett, ir-reġistrazzjoni reali seħħet biss seba' xhur wara l-bidu ta' din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, hija tirrigwarda l-importazzjonijiet li saru b'għarfien sħiħ ta' investigazzjoni antidumping attwali u l-possibbiltà li tirriżulta ta' impożizzjoni ta' dazji antidumping. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li r-Regolament bażiku kif ukoll id-WTO ADA jippermettu applikazzjoni retroattiva eventwali ta' miżuri antidumping, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(91)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ma tikkontestax li r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet bħal dawn tista' ġġib magħha ċertu inċertezza tad-dritt għall-importaturi u/jew l-utenti kkonċernati peress li mhijiex awtomatikament bir-riżultat ta' ġbir retroattiv tad-dazji definittivi, jekk ikun hemm. Il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta li jekk eventwalment jiġu imposti retroattivament dazji fuq l-importazzjonijiet irreġistrati, dan jista' jaffettwa b'mod negattiv lill-partijiet li jkunu importaw il-prodott suġġett matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni ta' xahrejn, li wassal għall-impożizzjoni tad-dazji provviżorji. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li l-iskop tar-reġistrazzjoni huwa li jiġi evitat l-imminar tal-effett rimedjali tad-dazji, li jista' jseħħ pereżempju, permezz ta' importazzjonijiet sinifikanti matul ir-reġistrazzjoni, wara żieda sostanzjali fl-importazzjoni u l-ħażna tal-istokk li diġà seħħet qabel ir-reġistrazzjoni. Fejn ir-reġistrazzjoni tibqa' ineffettiva, għaliex l-operaturi jinjoraw it-twissija fil-formola tar-reġistrazzjoni, huwa meħtieġ li d-dazji japplikaw retroattivament sabiex jiġi żgurat li l-effetti rimedjali tad-dazji ma jiġux posposti iktar minħabba importazzjonijiet li jsiru wara r-reġistrazzjoni. Huwa probabbli li fir-rigward ta' dan il-każ numru ta' importaturi u/jew utenti, konxji tat-twissija ċara li jistgħu jiġu imposti dazji retroattivi, waqfu jimportaw iżda li oħrajn iddeċidew li jieħdu r-riskju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija sodisfatta li ma kisritx il-prinċipju ta' ċertezza legali.

(92)

Barra minn hekk, fejn id-dumping jieqaf wara r-reġistrazzjoni, l-importaturi jistgħu jitolbu rifużjoni tad-dazji mħallsa.

2.4.   Konklużjoni dwar l-impożizzjoni retroattiva

(93)

Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, id-dazji antidumping jistgħu jiġu imposti retroattivament, sakemm l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati skont l-Artikolu 14(5), il-Kummissjoni tat l-opportunità lill-importaturi kkonċernati li jikkummentaw dwar jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku ġewx issodisfati.

(94)

Wara li analizzat il-kummenti ppreżentati, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-importaturi u/jew l-utenti kienu jew kellhom ikunu konxji dwar l-allegat dumping u ħsara minn meta ġiet ippubblikata n-notifika ta' bidu fl-14 ta' Mejju 2015. Minbarra l-importazzjonijiet li kkawżaw ħsara matul il-perjodu tal-investigazzjoni, aktar volumi miżjuda b'mod sinifikanti tal-prodott ikkonċernat kienu importati wara l-bidu, bi prezzijiet saħansitra aktar baxxi milli matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dawn il-kwantitajiet kbar u bi prezzijiet baxxi tal-prodott ikkonċernat kellhom impatt negattiv ulterjuri fuq il-prezzijiet u s-sehem mis-suq tal-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni. Peress li l-volumi tal-importazzjoni, flimkien mal-imġiba tal-prezzijiet deskritta hawn fuq u l-iżviluppi tas-sehem mis-suq huma sostanzjali u jiġu flimkien ma' stokkijiet miżjuda, l-importazzjonijiet li kienu importati wara r-reġistrazzjoni x'aktarx jimminaw b'mod serju l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv.

(95)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għal applikazzjoni retroattiva tad-dazju antidumping definittiv intlaħqu. Dazju antidumping definitiiv għandu għalhekk jiġi impost fuq il-prodott ikkonċernat, li sar suġġett ta' reġistrazzjoni mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2325.

(96)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament bażiku, il-livell ta' dazju li għandu jinġabar retroattivament għandu jiġi stabbilit fil-livell tad-dazji provviżorji imposti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/181, sakemm jiġi inqas mil-livell ta' dazji definittivi imposti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328.

(97)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju antidumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-ħadid jew azzar mhux illigat irrumblati ċatti fil-kiesaħ, jew azzar illigat ieħor, iżda eskluż l-azzar inossidabbli, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, mhux maħdumin iktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 7209 15 00 (kodiċi TARIC 7209150090), 7209 16 90, 7209 17 90, 7209 18 91, ex 7209 18 99 (kodiċi TARIC 7209189990), ex 7209 25 00 (kodiċi TARIC 7209250090), 7209 26 90, 7209 27 90, 7209 28 90, 7211 23 30, ex 7211 23 80 (kodiċi TARIC 7211238019, 7211238095 u 7211238099), ex 7211 29 00 (kodiċi TARIC 7211290019 u 7211290099), 7225 50 80 u 7226 92 00 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa, li jkunu ġew irreġistrati bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2325.

It-tipi ta' prodotti li ġejjin huma esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat:

prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux-liga, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, mhux maħduma aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ, f'koljaturi jew le, ta' kull ħxuna, elettriċi,

prodotti ta' ħadid jew ta' azzar mhux-liga rrumblati ċatti, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, f'koljaturi, ta' ħxuna ta' inqas minn 0,35 mm, ittemprati (magħrufa bħala “pjanċi suwed”),

prodotti rrumblati ċatti ta' azzar liga ieħor, ta' kull wisa', tal-azzar silikon-elettriku, u

prodotti rrumblati ċatti ta' azzar liga, mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), ta' azzar għal veloċità għolja.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiva applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Rata tad-dazju definittiva (%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

Iċ-Ċina

Angang Steel Company Limited, Anshan

13,7

C097

Tianjin Angang Tiantie Cold Rolled Sheets Co. Ltd., Tianjin

13,7

C098

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

14,5

 

Kumpaniji l-oħra kollha

16

C999

Ir-Russja

Magnitogorsk Iron & Steel Works OJSC, Magnitogorsk

18,7

C099

PAO Severstal, Cherepovets

25,4

C100

Kumpaniji l-oħra kollha

26,2

C999

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2325 tal-11 ta' Diċembru 2015 li jissottometti l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa għal reġistrazzjoni (ĠU L 328, 12.12.2015, p. 104).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/181 tal-10 ta' Frar 2016 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatt fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU L 37, 12.2.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328 tad-29 ta' Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (Ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  COM(2016) 155 final tas-16 ta' Marzu 2016

(6)  Rapport tal-Panel, US — Hot-Rolled Steel, para. 7.166.

(7)  Ir-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku hija kundizzjoni oħra li timponi dazju definittiv b'mod retroattiv.

(8)  Bħalma sar sabiex jiġi stabbilit il-konsum tal-Unjoni fl-istadju provviżorju (ara l-premessa 99 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/181), il-volumi tal-importazzjoni tal-ex kodiċi NM ġew meqjusa bis-sħiħ sabiex jiġu stabbiliti l-volumi tal-importazzjoni minħabba li l-prodott ikkonċernat jaqa' prinċipalment taħt kodiċijiet NM sħaħ.

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429 tas-26 ta' Awwissu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU L 224, 27.8.2015, p. 10).

(10)  Fin-nuqqas ta' statistika aktar preċiża u sabiex jiġi żgurat paragun ġust ma' sorsi oħra ta' dejta statistika, l-istatistika tal-importazzjoni għall-perjodu tar-reġistrazzjoni ġiet ivvalutata fuq il-bażi tal-importazzjonijiet f'Diċembru 2015 u f'Jannar 2016.

(11)  Fin-nuqqas ta' statistika aktar preċiża u sabiex jiġi żgurat paragun ġust ma' dejta statistika oħra, l-istatistika tal-importazzjoni għall-perjodu mill-bidu sar-reġistrazzjoni ġiet ivvalutata fuq il-bażi tal-importazzjonijiet minn Ġunju sa Novembru 2015.


ANNESS

Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Pajjiż

Isem

Kodiċi TARIC addizzjonali

PRC

Hebei Iron and Steel Co., Ltd, Shijiazhuang

C103

PRC

Handan Iron & Steel Group Han-Bao Co., Ltd, Handan

C104

PRC

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd, Shanghai

C105

PRC

Shanghai Meishan Iron & Steel Co., Ltd, Nanjing

C106

PRC

BX Steel POSCO Cold Rolled Sheet Co., Ltd, Benxi

C107

PRC

Bengang Steel Plates Co., Ltd, Benxi

C108

PRC

WISCO International Economic & Trading Co. Ltd, Wuhan

C109

PRC

Maanshan Iron & Steel Co., Ltd, Maanshan

C110

PRC

Tianjin Rolling-one Steel Co., Ltd, Tianjin

C111

PRC

Zhangjiagang Yangtze River Cold Rolled Sheet Co., Ltd, Zhangjiagang

C112

PRC

Inner Mongolia Baotou Steel Union Co., Ltd, Baotou City

C113


Top