Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0957

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/957 tad-9 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward standards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti, is-sistemi u l-proċeduri xierqa, kif ukoll il-mudell ta' notifika li għandhom jintużaw għall-prevenzjoni, il-kostatazzjoni u r-rappurtar ta' prattiċi abbużivi jew ordnijiet jew tranżazzjonijiet suspettużi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1402

OJ L 160, 17.6.2016, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/957/oj

17.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/957

tad-9 ta' Marzu 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward standards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti, is-sistemi u l-proċeduri xierqa, kif ukoll il-mudell ta' notifika li għandhom jintużaw għall-prevenzjoni, il-kostatazzjoni u r-rappurtar ta' prattiċi abbużivi jew ordnijiet jew tranżazzjonijiet suspettużi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa neċessarju li jiġu speċifikati rekwiżiti xierqa għall-arranġamenti, il-proċeduri u s-sistemi li l-operaturi fis-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar u kull persuna li professjonalment tirranġa jew teżegwixxi tranżazzjonijiet għandu jkollha biex tirrapporta dwar ordnijiet u tranżazzjonijiet li jkunu jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew ta' manipulazzjoni tas-suq taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014. Tali rekwiżiti għandhom jassistu l-prevenzjoni u l-kostatazzjoni tal-abbuż tas-suq. Għandhom ukoll jassisstu fl-assigurazzjoni li n-notifiki ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti jkunu jagħmlu sens, komprensivi u utli. Sabiex jiġi żgurat li l-kostatazzjoni tal-abbuż mis-suq tkun effettiva, għandu jkun hemm sistemi xierqa biex jiġu mmonitorjati l-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet. Tali sistemi għandhom jipprovdu għal analiżi umana magħmula minn persunal imħarreġ kif xieraq. Is-sistemi għall-monitoraġġ tal-abbuż tas-suq għandhom ikunu kapaċi li jipproduċu allerti f'konformita ma' parametri predifiniti sabiex tkun tista' ssir analiżi ulterjuri li ssir fuq abbuż potenzjali minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq. Il-proċess kollu x'aktarx li jkun jirrekjedi xi livell ta' awtomazzjoni.

(2)

Sabiex jiġu ffaċiltati u promossi approċċi u prassi kostanti madwar l-Unjoni f'relazzjoni mal-prevenzjoni u l-kostatazzjoni tal-abbuż tas-suq, huwa xieraq li jiġu stipulati dispożizzjonijiet dettaljati li jarmonizzaw il-kontenut tal-mudell għar-rappurtar ta' ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi, u meta għandu jsir dan ir-rappurtar.

(3)

Persuni li professjonalment jirranħaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet involuti f'negozjar algoritmiku u suġġett għad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandhom jistabbilixxu u jmantnu s-sistemi li ssir referenza għalihom f'dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u għandhom jibqgħu suġġetti għall-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

(4)

Persuni li jkunu professjonalment impenjati li jirranġaw jew li jeżegwixxu tranżazzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw il-monitoraġġ, il-kostatazzjoni u l-idenfikazzjoni ta' ordnijiet u tranżazzjoniiet suspettużi fi ħdan grupp jew li jiddelegaw l-analiżi tad-dejta u l-ġenerazzjoni ta' allerti, suġġett għall-kundizzjonijiet xierqa. Tali delega għandha tagħmilha possibbli li jiġu skambjati riżorsi, li jiġu żviluppati b'mod ċentrali, u li jinżammu, sistemi ta' monitoraġġ u li jiġi żviluppat l-għarfien espert fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet. Tali delegar ma għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jevalwaw, f'kull mument, jekk is-sistemi, l-arranġamenti u l-proċeduri tal-persuni li lilha jkunu delegati l-funzjonijiet ikunux effettivi għas-sodisfar tal-obbligu tal-monitoraġġ u l-kostatazzjoni ta' abbuż tas-suq. L-obbligu tar-rappurtar kif ukoll ir-responsabilità tal-konformità ma' dan ir-Regolament u mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandhom jibqgħu mal-persuna delegata.

(5)

Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom ikollhom regoli ta' negozjar xierqa li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-abbuż minn informazzjoni privileġġjata u manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq. Iċ-ċentri tan-negozjar għandu jkollhom ukoll faċilitajiet ta' analiżi tal-ktieb tal-ordnijiet sabiex tkun tista' ssir analiżi tal-attività waqt sessjoni ta' negozjar fil-kuntest ta' neegozjar algoritmiku inkluż negozjar ta' frekwenza qawwija.

(6)

Mudell wieħed u armonizzat għas-sottomissjoni elettronika ta' rapport ta' tranżazzjoni u ordni suspettużi (STOR) għandu jassisti ful-koformità mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament u fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 fi swieq fejn l-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet qegħdin isiru dejjem aktar transfruntiera. Għandu wkoll jiffaċilita l-iskambju effiċjenti tal-informazjoni dwar ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi bejn l-awtoritajiet kompetenti f'investigazzjonijiet transfruntiera.

(7)

L-oqsma bl-informazzjoni relevanti li hemm fil-mudell, jekk jimtlew b'mod ċar, komprensiv, oġġettiv u preċiż, għandhom jassistu lill-awtoritajiet kompetenti biex ikunu jistgħu jevalwaw bla dewmien is-suspett u jibdew bl-azzjonijiet relevanti. Il-mudell għandu għaldaqstant jippermetti lill-persuni li jippreżentaw ir-rapport li jipprovdu l-informazzjoni meqjusa relevanti dwar l-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet suspettużi u li jispjegaw ir-raġunijiet għas-suspett. Il-mudell għandu wkoll jippermetti li tiġi pprovduta dejta persunali li tagħmilha possibbli li jiġu identifikati l-persuni involuti fl-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet suspettużi u li jassistu lill-awtoritajiet kompetenti fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet biex tiġi analizzata malajr l-imġieba fin-negozju tal-persuni suspettati u li jiġu stabbiliti konnessjonijiet ma' persuni involuti f'negozju suspettuż ieħor. Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-bidu, b'mod li l-integrità tal-investigazzjoni ma tkunx kompromessa min-neċessità potenzjali għal awtorità kompetenti li terġa' tirrikorri, matul investigazzjoni, lejn il-persuna li tkun ippreżentat ir-rapport STOR. Għandha tinkludi d-data tat-twelid, l-indirizz, l-informazzjoni dwar l-impjieg u l-kontijiet tal-persuna, u fejn applikabbli, il-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-klijent u n-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali tal-individwi kkonċernati.

(8)

Għall-faċilitazzjoni tal-preżentazzjoni ta' rapport STOR, il-mudell għandu jippermetti li jinthemżu dokumenti u materjali li jitqiesu neċessarji biex isostnu n-notifika li tkun saret, inkluż fil-forma ta' anness li jelenka l-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet relevanti għall-istess rapport u bid-dettalji tal-prezzijiet u l-volumi tagħhom.

(9)

L-operaturi fis-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar, u persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet ma għandhomx ninnotifikaw l-ordnijiet jew it-tranżazzjonijiet kollha li jsiru li jkunu skattaw allert intern. Tali rekwiżit ikun inkonsistenti mar-rekwiżit li jiġi evalwat, fuq il-bażi ta' każ b'każ, jekk hemmx raġunijiet fondati biex ikun hemm suspett.

(10)

Ir-rapporti ta' ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti relevanti mingħajr dewmien hekk kif jitfaċċa suspett raġjonevoli li dawk l-ordnijiet jew tranżazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq. L-analiżi dwar jekk ordni jew tranżazzjoni għandhiex titqies suspettuża jew le għandha tkun ibbażata fuq fatti, mhux spekulazzjoni jew presuppożizzjoni u għandha ssir malajr kemm jista' jkun. Il-prassi li tiddewwem il-preżentazzjoni ta' rapport sabiex jiġu inkorporati ordnijiet jew tranżazzjonijiet suspettużi ulterjuri hija irrikonċiljabbli mal-obbligu ta' aġir mingħajr dewmien, fejn ikun diġà tfaċċa suspett raġjonevoli. F'kull każ il-preżentazzjoni ta' rapport STOR għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta' każ b'każ sabiex jiġi ddeterminat jekk f'rapport STOR wieħed ikunux jistgħu jiddaħħlu diversi ordnijiet u tranżazzjonijiet. Barra minn dan, il-prassi li l-ewwel ikun irid jidħol numru partikolari ta' rapporti STOR qabel ma dawn jiġu rrappurtati ma għandhiex titqies bħala konsistenti mar-rekwiżit li ssir notifika mingħajr dewmien.

(11)

Jista' jkun hemm ċirkostanzi fejn suspett raġjonevoli ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq jitfaċċa wara li tkun seħħet l-attività suspettuża, minħabba ġrajjiet jew informazzjoni disponibbli sussegwenti. Din ma għandhiex tkun raġuni biex ma tiġix irrappurtata l-attività suspettata lill-awtorita kompetenti. Sabiex tingħata prova ta' konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar f'dawk iċ-ċirkostanzi speċifiċi, il-persuni li tippreżenta r-rapport għandha tkun tista' tiġġustifika d-diskrepanza fil-ħin bejn l-okkorrenza tal-attività ssuspettata u l-formazzjoni tas-suspett raġjonevoli ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjta jew manipulazzjoni tas-suq.

(12)

Iż-żamma tar-rapporti STOR li jkunu ġew ippreżentati kif ukoll tal-analiżi li tkun saret, u l-aċċess għalihom, dwar ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi li ma jkunux irriżultaw fil-preżentazzjoni ta' rapport STOR jiffurmaw parti importanti mill-proċeduri biex jiġi kostatat abbuż tas-suq. L-abbiltà li tinġabar u tiġi rieżaminata l-analiżi li tkun saret fuq ir-rapporti STOR li jkunu ġew ippreżentati, kif ukoll dawk l-ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi li jkunu ġew analiżżati, iżda dwarhom kien ġie konkluż li r-raġunijiet għas-suspett ma kinux fondati, jassistu lill-persuni li professjonalment jeżegwixxu jew jirranġaw tranżazzjonijiet u lill-operaturi tas-suq jew ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar fl-eżerċizzju tal-ġudizzju tagħhom meta jikkunsidraw ordnijiet jew tranżazzjonijiet suspettużi sussegwenti. L-analiżi li ssir fuq ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi li ma tkunx wasslet fl-aħħar mill-aħħar biex jiġi ppreżentat rapport STOR tassisti lil dawk il-persuni meta jkunu qegħdin jirfinaw is-sistemi ta' sorveljanza tagħhom u fil-kostatazzjoni ta' forom ta' mġieba ripetuta li, meħuda flimkien tista', meta titqies fit-totalità tagħha, tirriżulta f'suspett raġjonevoli ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq. Barra minn dan, ir-rekords imsemmija hawn fuq jassistu wkoll biex jirrelevaw il-konformità mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament u jiffaċiltaw il-prestazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-funzjonijiet superviżorji, investigatorji u ta' nfurżar tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014.

(13)

Kull ipproċessar ta' dejta personali skont dan ir-Regolament għandu jsir f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(14)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(15)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(16)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament japplikaw mill-istess data bħal dawk stabbiliti fir- Regolament (UE) Nru 596/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“rapport dwar tranżazzjonijiet u ordnijiet suspettużi” (STOR) ifisser ir-rapport dwar ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi, inkluż kull kanċellazzjoni jew modifika tagħhom, li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq li għandu jsir skont l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

(b)

“mezzi elettroniċi” huma mezzi ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali), il-ħażna u t-trasmissjoni ta' data, li jkunu jużaw wajers, radju, teknoloġiji ottiċi, jew kull mezz elettromanjetiku ieħor;

(c)

“grupp” ifisser grupp kif definit fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(d)

“ordni” tfisser kull ordni, inkluż kull kwotazzjoni, irrispettivament minn jekk l-iskop tagħha ikunx is-sottomissjoni inizjali, il-modifika, l-aġġornar jew il-kanċellazzjoni ta' ordni u irrispettivament mit-tip tagħha.

Artikolu 2

Rekwiżiti ġenerali

1.   Il-persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet għandhom jistabbilixxu u jmantnu arranġamenti, sistemi u proċeduri li jużguraw li jkun hemm:

(a)

monitoraġġ effettiv u kontinwu, għall-iskopijiet tal-kostatazzjoni u l-identifikazzjoni ta' ordnijiet u tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq, tal-ordinijiet kollha riċevuti u trażmessi u t-tranżazzjonijiet kollha eżegwiti;

(b)

it-trażmissjoni tar-rapporti STOR lill-awtoritajiet kompetenti skont ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament u bl-użu tal-mudell stipulat fl-Anness.

2.   L-obbligi li ssier referenza għalihom fil-paragrafu 1 japplikaw għal ordnijiet u tranżazzjonijiet li jirrelataw ma' kull strument finanzjarju u japplikaw irrispettivament minn:

(a)

il-kapaċita li fiha tkun ippreżentata l-ordni jew it-tranżazzjoni tkun eżegwita;

(b)

it-tip ta' klijenti kkonċernati;

(c)

jekk l-ordnijiet ġewx ippreżentati, jew it-tranżazzjonijiet ġewx eżegwiti f'ċentru tan-negozjar jew barra minnu.

3.   L-operaturi fis-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom jistabbilixxu u jsostnu arranġamenti, sistemi u proċeduri li jiżguraw li jkun hemm:

(a)

monitoraġġ effettiv u kontinwu, għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, il-kostatazzjoni u l-identifikazzjoni ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, u attentati ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq, tal-ordinijiet kollha riċevuti u t-tranżazzjonijiet kollha eżegwiti;

(b)

it-trażmissjoni tar-rapporti STOR lill-awtoritajiet kompetenti skont ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament u bl-użu tal-mudell stipulat fl-Anness.

4.   L-obbligi li ssier referenza għalihom fil-paragrafu 3 japplikaw għal ordnijiet u tranżazzjonijiet li jirrelataw ma' kull strument finanzjarju u japplikaw irrispettivament minn:

(a)

il-kapaċita li fiha tkun ippreżentata l-ordni jew it-tranżazzjoni tkun eżegwita;

(b)

it-tip ta' klijenti kkonċernati;

5.   Il-persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet, l-operaturi fis-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom jiżguraw li l-arranġamenti, is-sistemi u l-proċeduri li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 u 3:

(a)

ikunu xierqa u proporzjonali f'relazzjoni mal-iskala, id-daqs u n-natura tal-attività tagħhom ta' negozju;

(b)

ikunu evalwati b'mod regolari, mill-anqas permezz ta' eżerċizzju ta' awditjar ta' kull sena kif ukoll b'rieżami intern, u aġġornat fejn ikun hemm bżonn;

(c)

ikunu ddokumentati b'mod ċar bil-miktub, inkluż kull tibdil jew aġġornament li jsirulhom, għall-iskopijiet tal-konformità ma' dan ir-Regolament, u li l-informazzjoni dokumentata tinżamm għal ħames snin.

Il-persuni li ssir referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu għandhom, meta jintalbu jagħmlu hekk, jipprovdu lilll-awtorità kompetenti bl-informazzjoni li ssir referenza għaliha fil-punti (b) u (c) ta' dak is-subparagrafu.

Artikolu 3

Il-prevenzjoni, il-monitorraġġ u l-kostatazzjoni

1.   L-arranġamenti, is-sistemi u l-proċeduri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1) u (3):

(a)

jippermettu li ssir analiżi, b'mod individwali u komparattiv, ta' kull tranżazzjoni eżegwita u kull ordni ppreżentata, mmodifikata, kkanċellata jew miċħuda fis-sistemi taċ-ċentru tan-negozjar u, fil-każ ta' persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu t-tranżazzjonijiet, anki barra minn ċentru tan-negozjar;

(b)

jipproduċu allerti li jindikaw attivitajiet li jkunu jeħtieġu analiżi ulterjuri għall-iskopijiet tal-kostatazzjoni ta' abbuż potenzjali minn informazzjoni privileġġjati jew manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq;

(c)

ikunu jkopru l-firxa sħiħa ta' attivitajiet ta' negozjar li jsiru mill-persuni kkonċernati.

2.   Persuni li professjonalment jeżegwixxu jew jirranġaw tranżazzjonijiet u operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentri tan-negozju, meta jintalbu jagħmlu hekk, għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni li tagħti prova ta' kemm is-sistemi tagħhom ikunu xierqa u proporzjonali f'relazzjoni mal-iskala, id-daqs u n-natura tal-attività tagħhom tan-negozju, inkluża l-informazzjoni fuq il-livell ta' awtomatizzazzjoni li hemm f'dawn is-sistemi.

3.   L-operaturi tas-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentri tan-negozju għandhom, sal-livell li jkun xieraq u proporzjonali f'relazzjoni mal-iskala, id-daqs u n-natura tal-attività tagħhom tan-negozju, jużaw sistemi ta' softwer u jkollhom proċeduri li jassistu fil-prevenzjoni u l-kostatazzjoni tal-abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq.

Is-sistemi u l-proċeduri li ssir referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu jinkludu softwer li bih ikun jista' jsir il-qari, il-preżentazzjoni u l-analiżi tad-dejta fuq il-ktieb tal-ordnijiet anki wara li jkun għadda ċertu żmien, u tali softwer ikollu biżżejjed kapaċità li jopera f'ambjent ta' negozjar algoritmiku.

4.   Persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet u l-operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom jistabbilixxu u jżommu arranġamenti u proċeduri li jiżguraw livell xieraq ta' analiżi umana fil-monitoraġġ, il-kostatazzjoni u l-identifikazzjoni ta' tranżazzjonijiet u ordnijiet li jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq.

5.   L-operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom jistabbilixxu u jżommu arranġamenti u proċeduri li jiżguraw livell xieraq ta' analiżi umana anki fil-prevewnzjoni ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq.

6.   Persuna li professjonalment tirranġa jew teżegwixxi tranżazzjonijiet għandha jkollha d-dritt, permezz ta' ftehim bil-miktub, li tiddelega lil persuna ġuridika li tkun tifforma parti mill-istess grupp il-prestazzjoni tal-funzjonijiet ta' monitoraġġ, kostatazzjoni u identifikazzjoni ta' ordnijiet u tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq. Il-persuna li tiddelega dawk il-funzjonijiet għandha tibqa' għal kollox responsabbli biex teżegwixxi l-obbligi kollha tagħha skont dan ir-Regolament u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u għandha tara li l-arranġament ikun dokumentat b'mod ċar u li l-kompiti u r-responsabilitajiet jiġu assenjati u maqbula, inkluż kemm idum id-delegar.

7.   Persuna li professjonalment tirranġa jew teżegwixxi tranżazzjonijiet tista', permezz ta' ftehim bil-miktub, tiddelega l-prestazzjoni tal-analiżi tad-dejta, inkluż id-dejta dwar l-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet, u l-ġenerazzjoni ta' allerti neċessarji biex tali persuna twettaq monitoraġġ, kostatazzjoni u identifikazzjoni ta' ordnijiet u tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq lil parti terza (“fornitur”). Il-persuna li tiddelega dawk il-funzjonijiet għandha tibqa' responsabbli għal kollox li teżegwixxi l-obbligi kollha tagħha skont dan ir-Regolament u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u għandha tkun konformi f'kull żmien mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandha żżomm il-kompetenza u r-riżorsi meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kwalità tas-servizzi pprovduti u tal-adegwatezza organizzazzjonali tal-fornituri, għas-superviżjoni tas-servizzi delegati u għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati mad-delegazjoni ta' dawk il-funzjonijiet fuq bażi kontinwa;

(b)

għandha jkollha aċċess dirett għall-informazzjoni relevanti kollha rigward l-analiżi tad-dejta u l-ġenerazzjoni tal-allerti.

Il-ftehim bil-miktub ikun fih id-deskrizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tal-persuna li tiddelega l-funzjonijiet li ssir referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu u dawk tal-fornitur. Għandha wkoll tistabbilixxi r-raġunijiet li jippermettu lill-persuna li tiddelega l-funzjonijiet li tittermina tali ftehim.

8.   Bħala parti mill-arranġamenti u proċeduri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1) u (3), persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet u operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozju għandhom iżommu għal ħames snin l-informazzjoni li tiddokumenta l-analiżi li tkun saret fir-rigward ta' ordnijiet u tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq, li jkunu ġew eżaminati flimkien mar-raġunijiet tal-preżentazzjoni, jew in-nuqqas ta' preżentazzjoni, ta' rapport STOR. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti meta ssir talba għal dan.

Il-persuni li ssir refernza għalihom fl-ewwel subparagrafu għandhom jaraw li l-arranġamenti u l-proċeduri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1) u (3) jiggarantixxu u jżommu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li ssir referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 4

Taħriġ

1.   Persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet u operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozju għandhom jorganizzaw u jipprovdu taħriġ effettiv u komprensiv lill-persunal involut fil-monitoraġġ, kostatazzjoni u identifikazzjoni ta' ordnijiet u tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni, inkluż il-persunal involut fl-ipproċessar ta' ordnijiet u tranżazzjonijiet. Tali taħriġ għandu jsir fuq bażi regolari u jkun xieraq u proporzjonat f'relazzjoni mal-iskala, id-daqs u n-natura tan-negozju.

2.   L-operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom, barra minn dan, jipprovdu t-taħriġ li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1 lil persunal involut fil-prevenzjoni ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq.

Artikolu 5

Obbligazzjonijiet ta' rappurtar

1.   Persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet u l-operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom jistabbilixxu u jżommu arranġamenti, sistemi u proċeduri effettivi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jevalwaw, bl-iskop li jippreżentaw rapport STOR, jekk ordni jew tranżazzjoni tistax tikkostitwixxi abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq. Dawk l-arranġamenti, sistemi u proċeduri jieħdu f'kunsiderazzjoni dovuta l-elementi li jikkostitwixxu l-abbuż attwali ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata, jew manipulazzjoni tas-suq, jew tal-attentat tiegħu, skont l-Artikolu 8 u 12 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u tal-indikaturi mhux eżawrijenti tal-manipulazzjoni tas-suq li ssir referenza għaliha fl-Anness I ta' dak ir-Regolament, kif speċifikat ulterjorment fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/522 (6).

2.   Il-persuni kollha li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 u li jkunu involuti fl-ipproċessar tal-istess ordni jew tranżazzjoni għandhom ikunu responsabbli li jevalwaw jekk għandux jiġi ppreżentat rapport STOR.

3.   Il-persuni li ssir refeernza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jaraw li l-informazzjoni ppreżentata bħala parti minn rapport STOR tkun ibbażata fuq fatti u analiżi, li tkun tqis l-informazzjoni kollha disponibbli għalihom.

4.   Il-persuni li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom ikollhom proċeduri biex jiżguraw li l-persuna li fir-rispett tagħha jkun ġie ppreżentat rapport STOR u kull min ma jkunx obbligat li jkun jaf dwar il-preżentazzjoni ta' rapport STOR bis-saħħa tal-funzjoni jew tal-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-persuna li tirrapporta, ma jkunx infurmat bil-fatt li rapport STOR ikun ippreżentat, jew li jkun hemm l-intenzjoni li jiġi ppreżentat, lill-awtorità kompetenti.

5.   Il-persuni li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom ilestu r-rapport STOR mingħajr ma jinfurmaw lill-persuna li fir-rispett tagħha jkun ġie ppreżentat rapport STOR, jew kull min ma jkunx obbligat li jkun jaf li jkun se jiġi ppreżentat rapport STOR, inkluż permezz ta' talbiet għall-informazzjoni marbuta mal-persuna li fir-rispett tagħha jkun ġie ppreżentat rapport STOR sabiex jiġu mimlija ċerti oqsma.

Artikolu 6

Iż-żmien tal-preżentazzjoni ta' rapporti STOR

1.   Il-persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet u operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozju għandhom jaraw li jkollhom arranġamenti, sistemi u proċeduri effettivi għall-preżentazzjoni ta' rapport STOR mingħajr dewmien, skont l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, darba li jitfaċċa suspett raġjonevoli ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq.

2.   L-arranġamenti, is-sistemi u l-proċeduri li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 jinkludu l-possibiltà li jiġu ppreżentati rapporti STOR f'relazzjoni ma' tranżazzjonijiet u ordnijiet li jkunu seħħew fil-passat, fejn ikun tfaċċa suspett fid-dawl ta' avvenimenti jew informazzjoni sussegwenti.

F'tali każijiet, il-persuna li professjonalment tirranġa jew teżegwixxi tranżazzjonijiet u l-operatur tas-suq u d-ditta tal-investiment li topera ċentru tan-negozjar għandhom jispjegaw fir-rapport STOR lill-awtorità kompetenti d-dewmien bejn il-ksur suspettat u l-preżentazzjoni tar-rapport STOR skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

3.   Persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet u operaturi fis-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom jippreżentaw lill-awtorita kompetenti kull informazzjoni addizzjonali relevanti li jsiru jafu biha wara li jkun ġie ppreżentat rapport STOR fil-bidu, u għandhom jipprovdu kull informazzjoni jew dokument mitlub mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 7

Kontenut tar-rapporti STOR

1.   Persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet u operaturi fis-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentri tan-negozjar għandhom jippreżentaw rapport STOR bl-użu tal-mudell kif jidher fl-Anness.

2.   Il-persuni li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 li jippreżentaw rapport STOR għandhom jimlew l-oqsma ta' informazzjoni relevanti għall-ordnijiet jew tranżazzjonijiet irrappurtati b'mod ċar u preċiż. Ir-rapport STOR ikun fih tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

identifikazzjoni tal-persuna li tkun qegħda tippreżenta r-rapport STOR u, fil-każ ta' persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet, anki l-kapaċità li fiha l-persuna li tkun qegħda tippreżenta r-rapport STOR topera, b'mod partikolari meta tkun qed taġixxi f'isimha stess jew tkun qed teżegwixxi ordnijiet f'isem partijiet terzi;

(b)

deskrizzjoni tal-ordni jew tat-tranżazzjoni, li tinkludi:

(i)

it-tip ta' ordni u t-tip ta' negozjar, b'mod partikolari negozjar fi blokki, u fejn tkun seħħet l-attività,

(ii)

il-prezzijiet u l-volum;

(c)

ir-raġunijiet li għalihom l-ordni jew it-tranżazzjoni tkun suspettata li tikkostitwixxi abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq;

(d)

il-mezzi ta' kif tista' tiġi identifikata kull persuna involuta fl-ordni jew it-tranżazzjoni li tista' tikkostitwixxi abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq, inkluż il-persuna li tkun ippreżentat jew eżegwit l-ordni u l-persuna li f'isimha l-ordni jkun ġie ppreżentat jew eżegwit;

(e)

kull informazzjoni u dokumenti ġustifikattivi oħra li jistgħu jitqiesu relevanti mill-awtorità kompetenti għall-iskop tal-kostatazzjoni, l-investigazzjoni u l-infurzar ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq.

Artikolu 8

Mezzi ta' trażmissjoni

1.   Persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet u operaturi fis-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentri tan-negozjar għandhom jippreżentaw rapport STOR, inkluż kull dokument ġustifikattiv jew dokumenti mehmuża, lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 16(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 bl-użu tal-mezzi elettroniċi speċifikati minn dik l-awtorità kompetenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom il-mezzi elettroniċi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1. Dawk il-mezzi elettroniċi għandhom jiżguraw li jinżammu l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni matul it-trażmissjoni.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jsegwi dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mit-3 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(3)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(5)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/522 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għal ċerti korpi pubbliċi u banek ċentrali ta' pajjiżi terzi, l-indikaturi tal-manipulazzjoni tas-suq, il-limiti għall-iżvelar, l-awtorità kompetenti għan-notifika dwar id-dewmien, il-permess għan-negozjar matul perjodi magħluqa u tipi ta' tranżazzjonijiet maniġerjali notifikabbli (ĠU L 88, 5.4.2016, p. 1).


ANNESSI

Mudell ta' rapport STOR

TAQSIMA 1 —   

IDENTITÀ TAL-ENTITÀ/TAL-PERSUNA LI TIPPREŻENTA R-RAPPORT STOR

Persuni li professjonalment jirranġaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet/Operaturi fis-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozju — Speċifika f'kull każ:

Isem il-persuna fiżika

[Isem/Ismijiet u kunjom(ijiet) tal-persuna fiżika inkarigata mill-preżentazzjoni tar-rapport STOR fi ħdan l-entità li tippreżenta.]

Pożizzjoni fi ħdan l-entità li tirrapporta

[Pożizzjoni tal-persuna fiżika inkarigata mill-preżentazzjoni tar-rapport STOR fi ħdan l-entita li tippreżenta.]

Isem l-entità li tirrapporta.

[Isem sħiħ tal-entità li tirrapporta, inkluż fil-każ ta' persuni ġuridiċi:

il-forma legali kif ipprovdut fir-reġistru tal-pajjiż skont il-liġi li għaliha hi inkorporata, fejn applikabbli, kif ukoll,

il-kodiċi ta' Identifikatur ta' Entità Legali (LEI) skont ISO 17442 LEI, fejn applikabbli.]

Indirizz tal-entità li tirrapporta

[L-indirizz sħiħ (eż. it-triq, in-numru fit-triq, il-kodiċi postali, il-belt, l-istat/il-provinċja) u l-pajjiż.]

Il-kapaċità tal-aġir tal-entità għar-rigward tal-ordnijiet jew it-tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq

[Deskrizzjoni tal-kapaċità li fiha l-entità li tirrapporta kienet qiegħda taġixxi għar-rigward tal-ordni/jiet jew tranżazzjoni/jiet li tista' tikkostitwixxi abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq, eż. l-eżekuzzjoni ta' ordnijiet f'isem klijenti, li jaġixxu f'isimhom proprju, li joperaw ċentru tan-negozju, internalizzatur sistematiku.]

Tip ta' attività ta' negozju (ġenerazzjoni tas-suq, arbitraġġ, eċċ.) u t-tip ta' strument innegozjat (titoli, derivattivi, eċċ.) mill-entità li tirrapporta

(Jekk disponibbli)

Relazzjoni mal-persuna li għar-rigward tagħha jkun ġie ppreżentat rarpport STOR

[Deskrizzjoni ta' kull arranġament korporattiv, kuntrattwali jew organizzattiv jew ċirkostanzi jew relazzjonijiet]

Kuntatt għal talba addizzjonali għall-informazzjoni

[Persuna li għandha tiġi kkuntattjata fi ħdan l-entità li tirrapporta għal talba addizzjonali għall-informazzjoni relatata ma' dan ir-rapport (eż. uffiċjal tal-konformità) u d-dettalji relevanti tal-kuntatt:

isem/ismijiet u kunjom/ijiet;

pożizzjoni tal-persuna tal-kuntatt fi ħdan l-entità li tirrapporta;

indirizz professjonali tal-posta elettronika.]

TAQSIMA 2 —   

TRANŻAZZJONI/ORDNI

Deskrizzjoni tal-istrument finanzjarju:

[Iddeskrivi l-istrument finanzjarju li jkun is-suġġett ta' rapport STOR, u speċifika:

l-isem sħiħ jew id-deskrizzjoni tal-istrument finanzjarju;

il-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-istrument kif definit f'Regolament Delegat tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, fejn applikabbli, jew kodiċijiet oħra;

it-tip ta' strument finanzjarju skont it-tassonomija użata għall-klassifikazzjoni tal-istrument finanzjarju u l-kodiċi assoċjat (ISO 10962 CFI).]

[Elementi addizzjonali għall-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet marbuta mad-derivattivi OTC

(Il-lista ta' dejta hawn taħt mhix eżawrjenti)

Identifika t-tip ta' derivattiva OTC (eż. kuntratti għad-differenza (CFD), swaps, swaps ta' inadempjenza ta' kreditu (CDS) u opzjonijiet barra l-borża (OTC)) bl-użu tat-tipi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1247/2012.

Iddeskrivi l-karatteristiċi tad-derivattiva OTC u inkludi mill-anqas, fejn relevanti għat-tip partikolari ta' derivattiva, dan li ġej:

l-ammont nominali (valur nominali);

il-munita tad-denominazzjoni tal-prezz;

id-data tal-maturità;

il-primjum (il-prezz);

ir-rata tal-imgħax.

Iddeskrivi tal-anqas dawn li ġejjin, fejn ikun relevanti għat-tip partikolari ta' derivattiva OTC:

Marġini, pagament bil-quddiem u d-daqs jew il-valur nominali tal-istrument finanzjarju sottostanti;

Termini tat-tranżazzjoni bħal ma huma l-prezz tal-eżerċitar, it-termini tal-kuntratt (eż. spread bet gain jew loss per tick move).

Iddeskrivi l-istrument finanzjarju sottostanti tad-derivattivi OTC, u speċifika:

L-isem sħiħ tal-istrument finanzjarju sottostanti jew deskrizzjoni tal-istrument finanzjarju;

Il-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-istrument kif definit f'Regolament Delegat tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, fejn applikabbli, jew kodiċijiet oħra;

It-tip ta' strument finanzjarju skont it-tassonomija użata għall-klassifikazzjoni tal-istrument finanzjarju u l-kodiċi assoċjat (ISO 10962 CFI).]

Id-data u l-ħin tat-tranżazzjonijiet jew ordnijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq

[Indika d-data(i) u l-ħin/ijiet tal-ordni/jiet jew it-tranżazzjoni/jiet u speċifika ż-żona tal-ħin.]

Is-suq fejn tkun seħħet l-ordni jew it-tranżazzjoni

[Speċifika:

l-isem u l-kodici biex jiġi identifikat iċ-ċentru tan-negozjar, l-internalizzatur sistematiku jew il-pjattaforma ta' negozju organizzata barra mill-Unjoni fejn tkun tqegħdet l-ordni u tkun ġiet eżegwita t-tranżazjoni kif definiti skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew.

jekk l-ordni ma tkunx tressqet jew l-ebda tranżazzjoni ma tkun ġiet eżegwita f'xi wieħed miċ-ċentri msemmija hawn fuq, jekk jogħġbok semmi “barra ċentru tan-negozju”.]

Post (pajjiż)

[Isem sħiħ tal-pajjiż u l-kodici tal-pajjiż ISO ta' żewġ karattri ISO 3166-1.]

[Speċifika:

fejn tkun ġiet ippreżentata l-ordni (jekk disponibbli);

fejn l-ordni tkun ġiet eżegwita]

Deskrizzjoni tal-ordni jew tat-tranżazzjoni

[Iddeskrivi tal-anqas il-karatteristiċi li ġejjin tal-ordni/jiet jew tat/tranżazzjoni/jiet irrapportati

numru ta' referenza tat-tranżazzjoni/tal-ordni; numru ta' referenza (fejn applikabbli);

id-data u l-ħin tal-ħlas;

il-prezz tax-xiri/il-prezz tal-bejgħ;

il-volum/il-kwantità tal-istrumenti finanzjarji

[Meta jkun hemm ordnijiet jew tranżazzjonijiet multipli li jkunu jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq, id-dettalji dwar il-prezzijiet u l-volumi ta' tali ordnijiet u tranżazzjonijiet jistgħu jingħataw lill-awtorità kompetenti f'Anness għar-rapport STOR.]

informazzjoni dwar is-sottomissjoni tal-ordni, inkluż mill-anqas dan li ġej:

it-tip tal-ordni (eż. “ixtri sa limitu massimu ta' EUR x”);

il-mod li bih l-ordni tkun ġiet ippreżentata (eż. ktieb elettroniku tal-ordnijiet);

iż-żmien meta ġiet ippreżentata l-ordni;

il-persuna li konkretament ippreżentat l-ordni;

il-persuna li konkretament irċeviet l-ordni;

il-mezzi li permezz tagħhom ġiet trażmessal-ordni.

Informazzjoni dwar il-kanċellazzjoni jew l-alterazzjoni tal-ordni (fejn ikun applikabbli):

il-ħin tal-alterazzjoni jew il-kanċellazzjoni;

il-persuna li alterat jew ikkanċellat l-ordni;

in-natura tal-alternazzjoni (eż. bidla fil-prezz jew il-kwantità) u l-livell tal-alterazzjoni;

[Meta jkun hemm ordnijiet jew tranżazzjonijiet multipli li jkunu jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq, id-dettalji dwar il-prezzijiet u l-volumi ta' tali ordnijiet u tranżazzjonijiet jistgħu jingħataw lill-awtorità kompetenti f'Anness għar-rapport STOR.]

il-mezzi li bihom ġiet alterata l-ordni (eż. permezz ta' posta elettronika, telefown, eċċ.).]

TAQSIMA 3 —   

DESKRIZZJONI TAN-NATURA TAS-SUSPETT

Natura tas-suspett

[Speċifika t-tip ta' ksur li jistgħu jikkostitwixxu l-ordnijiet jew it-tranżazzjonijiet:

manipulazzjoni tas-suq;

abbuż minn informazzjoni privileġġata;

attentat ta' manipulazzjoni tas-suq;

attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata.]

Raġunijiet tas-suspett

[Deskrizzjoni tal-attività (tranżazzjonijiet u ordnijiet, mod ta' kif jiġu ppreżentati l-ordnijiet jew jiġu eżegwiti t-tranżazzjoni u l-karatteristiċi tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet li jagħmluhom suspettużi) u kif il-każ wasal għall-attenzjoni tal-persuna li tirrapporta, u speċifika r-raġunijiet tas-suspett.

Bħala kriterji mhux eżawrijenti ta' gwida, id-deskrizzjoni tista' tinkludi:

fil-każ ta' strumenti finanzjarji ammessi għan-negozju/innegozjati f'ċentru tan-negozju, deskrizzjoni tan-natura tal-interazzjoni tal-ktieb tal-ordnijiet/it-tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq;

fil-każ ta' derivattivi OTC, dettalji dwar tranżazzjonijiet jew ordnijiet ippreżentati fl-assi sottostanti u informazzjoni dwar kull rabta possibbli bejn kummerċ fis-suq tal-kontanti tal-assi sottostanti u l-kummerċ fid-derivattiva OTC.]

TAQSIMA 4 —   

IDENTITÀ TAL-PERSUNA LI L-ORDNIJIET JEW IT-TRANŻAZZJONIJIET TAGĦHA JISTGĦU JIKKOSTITWIXXU ABBUŻ MINN INFORMAZZJONI PRIVILEĠĠJATA, MANIPULAZZJONI TAS-SUQ, JEW ATTENTAT TA' ABBUŻ MINN INFORMAZZJONI PRIVILEĠĠJATA JEW MANIPULAZZJONI TAS-SUQ (“IL-PERSUNA SSUSPETTATA”)

Isem

[Fil-każ ta' persuni fiżiċi: l-ewwel isem/ismijiet u l-kunjon/ijiet.]

[Fil-każ ta' persuni ġuridiċi: isem sħiħ inkluża l-forma legali kif hemm ipprovdut għaliha fir-reġistru tal-pajjiż li skont il-liġijiet tiegħu hija inkorporata, jekk applikabbli, u l-kodiċi LEI (Identifikaur ta' Entità Legali) skont ISO 17442, fejn applikabbli.]

Data tat-twelid

[Fil-każ ta' persuni naturali biss.]

[yyyy-mm-dd]

Numru ta' Identità Nazzjonali (fejn applikabbli)

[Fejn applikabbli fl-Istati Membru kkonċernat.]

[Numru u/jew test]

Indirizz

[L-indirizz sħiħ (eż. it-triq, in-numru tat-triq, il-kodiċi postali, il-belt, l-istat/il-provinċja) u l-pajjiż.]

Informazzjoni dwar l-impjieg:

Post

Pożizzjoni

[Informazzjoni dwar l-impjieg tal-persuna ssuspettata, minn sorsi ta' informazjoni disponibbli internament lill-entità li tirrapporta (eż. dokumentazzjoni dwar kontijiet fil-każ ta' klijenti, sistema ta' informazzjoni dwar il-persuna fil-każ ta' impjegat tal-entità li tirrapporta).]

Numru tal-kont/ijiet

[Numru tal-kont/ijiet ta' flus kontanti u ta' titoli, kull kont konġunt jew kull Prokura fuq il-kont li jkollha l-persuna/l-entità.]

Identifikatur tal-klijent skont ir-rappurtar tat-tranżazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar swieq fi strumenti finanzjarji (jew kull kodiċi ieħor ta' identifikazzjoni)

[Fil-każ li l-perunsa taħt suspett tkun klijent tal-entità li tirrapporta.]

Relazzjoni mal-emittent tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati (fejn applikabbli u fejn magħrufa)

[Deskrizzjoni ta' kull arranġament korporattiv, kuntrattwali jew organizzattiv jew ċirkostanzi jew relazzjonijiet]

TAQSIMA 5 —   

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Sfond jew kull informazzjoni oħra li titqies bħala relevanti għar-rapport mill-entità li tirrapporta

[Il-lista li ġejja mhix eżawrijenti.

Il-pożizzjoni tal-persuna taħt suspett (eż. klijent mhux korporattiv, istituzzjonijiet);

In-natura tal-intervent tal-entità/tal-persuna taħt suspett (f'isimha stess, f'isem klijent, xi ħadd ieħor);

Id-daqs tal-portafoll tal-entità/tal-persuna taħt suspett;

Id-data li fiha r-relazzjoni ta' negozju mal-klijent tkun bdiet jekk l-entità/il-persuna taħt suspett tkun klijent tal-persuna/l-entità li tirrapporta;

It-tip ta' attività tal-post tan-negozjar, jekk disponibbli, tal-entità taħt suspett;

Xejriet fin-negozju tal-entità/tal-persuna taħt suspett. Bħala gwida, dawn li ġejjin huma eżempji ta' informazzjon li tista' tkun utli:

drawwiet ta' negozjar tal-entità/tal-persuna taħt suspett f'termini ta' użu ta' ingranaġġ u bejgħ bin-nieqes, u l-frekwenza tal-użu;

il-komparabbiltà tad-daqs tal-ordni/tat-tranżazzjoni rrappurtata mad-daqs medju tal-ordnijiet ippreżentati/it-tranżazzjonijiet eżegwiti mill-entità/il-peruna taħt suspett f'dawn l-aħħar 12-il xahar;

id-drawwiet tal-entità/tal-persuna taħt suspett f'termini tal-emittenti li t-titoli tagħhom hija tkun innegozjat jew it-tipi ta' strumenti finanzjarji innegozjati għall-aħħar 12-il xahar, b'mod partikolari jekk l-ordni/it-tranżazzjoni rrappurtata tirrelatax ma' emittent li t-titoli tiegħu kienu ġew innegozjati mill-entità/il-persuna taħt suspett fl-aħħar sena.

Entitajiet/persuni oħra magħrufa li huma involuti fl-ordnijiet jew it-tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġjata, manipulazzjoni tas-suq, jew attentat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew manipulazzjoni tas-suq:

Ismijiet;

Attività (ez. l-eżekuzzjoni ta' ordnijiet f'isem klijenti, kummerċ f'isem proprju, tħaddim ta' ċentru tan-negozjar, internalizzatur sistematiku, eċċ.).]

TAQSIMA 6 —   

DOKUMENTAZZJONI MEHMUŻA

[Elenka d-dokumenti ġustifikattivi u l-materjal mehmuża flimkien ipprovduti ma' dan ir-rapport STOR.

Eżempji ta' tali dokumentazzjoni huma emails, reġistrazzjonijiet ta' konverżazzjonijiet, rekords ta' ordnijiet/tranżazzjonijiet, konfermi, rapporti minn sensara, dokumenti dwar Prokuri, u kummenti mill-medja fejn ikun relevanti.

Meta l-informazzjoni dettaljata dwar l-ordnijiet/it-tranżazzjonijiet li ssir referenza għalihom fit-Taqsima 2 ta' dan il-mudell tkun ipprovduta f'anness separat, indika t-titolu ta' dan l-anness.]


Top