EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0826

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/826 tal-25 ta' Mejju 2016 li jagħlaq l-intervent tax-xiri (buying-in) ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss għall-perjodu ta' intervent li jintemm fit-30 ta' Settembru 2016 u li jiftaħ il-proċedura tas-sejħa għall-offerti għax-xiri

OJ L 137, 26.5.2016, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/826/oj

26.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/826

tal-25 ta' Mejju 2016

li jagħlaq l-intervent tax-xiri (buying-in) ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss għall-perjodu ta' intervent li jintemm fit-30 ta' Settembru 2016 u li jiftaħ il-proċedura tas-sejħa għall-offerti għax-xiri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 tal-11 ta' Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (3), b'mod partikolari l-Artikolu 14 u l-Artikolu 16(2)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1549 (4), l-intervent pubbliku tat-trab tal-ħalib xkumat huwa disponibbli sat-30 ta' Settembru 2016.

(2)

Abbażi tan-notifiki mressqa mill-Istati Membri fil-25 ta' Mejju 2016 skont l-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, jidher li l-kwantità totali ta' trab tal-ħalib xkumat offruta għall-intervent bi prezz fiss mill-1 ta' Jannar 2016 qabżet il-limitu ta' 218 000 tunnellata stabbilit bl-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013. Għalhekk, l-intervent tax-xiri ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss għandu jingħalaq għall-perjodu tal-intervent li jintemm fit-30 ta' Settembru 2016, għandu jiġi ffissat koeffiċjent ta' allokazzjoni għall-kwantitajiet offruti lill-aġenziji tal-intervent tal-Istati Membri fl-24 ta' Mejju 2016 u l-offerti li waslu għand l-aġenziji tal-intervent tal-Istati Membri fil-25 ta' Mejju 2016 u wara għandhom jiġu rrifjutati.

(3)

Skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, it-trab tal-ħalib xkumat offrut għall-intervent għandu jiġi ppakkjat f'boroż ta' 25 kilogramma netti-il waħda. Għalhekk, il-kwantitajiet ta' trab tal-ħalib xkumat li ġew effetwati minn koeffiċjent ta' allokazzjoni għandhom jiġu aġġustati 'l isfel għall-eqreb multiplu ta' 25 kg.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, għandha tinfetaħ proċedura ta' sejħa għall-offerti għat-trab tal-ħalib xkumat biex jiġi ddeterminat il-prezz massimu tax-xiri.

(5)

It-Taqsima III tal-Kapitolu I tat-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti meta l-Kummissjoni tiftaħ ix-xiri ta' intervent ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti.

(6)

Skont l-Artikolu 16(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, għandhom jiġu ffissati l-perjodi taż-żmien għas-sottomissjoni tal-offerti.

(7)

Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, għandu jiġi stabbilit il-limitu ta' żmien biex l-aġenziji tal-intervent jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-offerti ammissibbli kollha.

(8)

Fl-interess ta' amministrazzjoni effiċjenti, l-Istati Membri għandhom jużaw, għan-notifiki lill-Kummissjoni, is-sistemi ta' informazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (5).

(9)

Billi l-aġenziji ta' intervent għandhom jinnotifikaw lill-offerenti minnufih wara l-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament bl-għeluq tax-xiri ta' intervent bi prezz fiss u l-koeffiċjent ta' allokazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum tal-publikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għeluq tax-xiri ta' intervent bi prezz fiss

1.   L-intervent tax-xiri ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss huwa magħluq għall-perjodu tal-intervent li jintemm fit-30 ta' Settembru 2016.

Il-kwantità totali tal-offerti ta' trab tal-ħalib xkumat għall-intervent li rċieva kull offerent mingħand l-aġenziji tal-intervent tal-Istati Membri fl-24 ta' Mejju 2016 għandha tiġi aċċettata, wara li tiġi mmultiplikata b'koeffiċjent ta' allokazzjoni ta' 10,4707 %, u aġġustata 'l isfel għall-eqreb multiplu ta' 25 kg.

2.   L-offerti bi prezz fiss li jirċievu l-aġenziji tal-intervent tal-Istati Membri fil-25 ta' Mejju 2016 u wara, sal-30 ta' Settembru 2016 għandhom jiġu rrifjutati.

Artikolu 2

Ftuħ tal-proċedura tal-offerti

L-intervent tax-xiri bi proċedura ta' sejħa għall-offerti tat-trab tal-ħalib xkumat, f'eċċess tal-limitu stipulat fl-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, huwa miftuħ sat-30 ta' Settembru 2016, skont il-kundizzjonijiet previsti fit-Taqsima III tal-Kapitolu I tat-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 u f'dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Tressiq ta' offerti

1.   Il-limitu ta' żmien għat-tressiq ta' offerti għall-ewwel offerta individwali huwa d-7 ta' Ġunju 2016 f'12.00 (ħin ta' Brussell).

Id-data tal-għeluq għat-tressiq tal-offerti għas-sejħiet individwali ta' offerti hija l-ewwel u t-tielet Tlieta tax-xahar f'12.00 (ħin ta' Brussell).

F'każ li t-Tlieta tkun festa pubblika, il-limitu taż-żmien għandu jkun 12.00 (ħin ta' Brussell) tal-jum tax-xogħol ta' qabel.

2.   L-offerti jitressqu quddiem l-aġenziji tal-intervent approvati mill-Istati Membri (6).

Artikolu 4

Notifika lill-Kummissjoni

In-notifika stipulata fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 għandha ssir sal-16.00 (ħin ta' Brussell) dwar id-dati tal-għeluq għat-tressiq tal-offerti msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.

B'deroga mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, meta Stat Membru ma jinnotifikax lill-Kummissjoni b'offerta ammissibbli fil-limiti ta' żmien imsemmija fl-ewwel paragrafu, dan għandu jitqies li jkun innotifika lill-Kummissjoni b'dikjrazzjoni żero.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(3)  ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1549 tas-17 ta' Settembru 2015 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-estensjoni tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015 u l-avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2016 (ĠU L 242, 18.9.2015, p. 28).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjonital-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoliu s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

(6)  L-indirizzi tal-aġenziji tal-intervent huma disponibbli fuq is-sit tal-Kummissjoni Ewropea CIRCA http://ec.europa.eu/agriculture/milk/policy-instruments/index_en.htm


Top