Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0224

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/224 tas-17 ta' Frar 2016 li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 947/2014 u (UE) Nru 948/2014 dwar l-aħħar jum għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat

C/2016/0853

OJ L 41, 18.2.2016, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/224/oj

18.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/224

tas-17 ta' Frar 2016

li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 947/2014 u (UE) Nru 948/2014 dwar l-aħħar jum għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 20(c), (f), (l), (m) u (n) u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 947/2014 (4) u (UE) Nru 948/2014 (5) fetħu skemi ta' ħżin privat ta' butir u trab tal-ħalib xkumat, rispettivament, minħabba sitwazzjoni tas-suq partikolarment diffiċli li b'mod partikolari rriżultat mill-projbizzjoni introdotta mir-Russja fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-ħalib mill-Unjoni lejn ir-Russja.

(2)

Dawk l-iskemi ta' ħżin privat ġew estiżi bir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2014 (6), (UE) 2015/303 (7) u (UE) 2015/1548 (8). B'riżultat ta' dan, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jiddaħħlu sad-29 ta' Frar 2016.

(3)

Fil-25 ta' Ġunju 2015 ir-Russja estendiet il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni għal sena oħra, sas-6 ta' Awwissu 2016.

(4)

Barra minn hekk, id-domanda globali għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib baqgħet dgħajfa matul l-2015, filwaqt li l-provvista tal-ħalib żdiedet fir-reġjuni ewlenin li jesportaw.

(5)

B'konsegwenza ta' dan, il-prezzijiet tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni komplew jiddeterjoraw u l-pressjoni 'l isfel x'aktarx li tissokta.

(6)

Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tas-suq, jixraq li tiġi żgurata d-disponibbiltà mingħajr problemi tal-iskemi ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat, u li dawn jiġu estiżi sal-aħħar tal-perjodu ta' intervent tal-2016, it-30 ta' Settembru 2016.

(7)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fil-possibbiltà li jitressqu applikazzjonijiet skont l-iskemi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 947/2014

Fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 947/2014, “id-29 ta' Frar 2016” tinbidel bi “it-30 ta' Settembru 2016”.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 948/2014

Fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 948/2014, “id-29 ta' Frar 2016” tinbidel bi “it-30 ta' Settembru 2016”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 947/2014 tal-4 ta' Settembru 2014 li jiftaħ il-ħżin privat għall-butir u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 15).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 948/2014 tal-4 ta' Settembru 2014 li jiftaħ il-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 18).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2014 tas-16 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 947/2014 u (UE) Nru 948/2014 fir-rigward tal-aħħar jum għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 15).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/303 tal-25 ta' Frar 2015 li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 947/2014 u (UE) Nru 948/2014 fir-rigward tal-aħħar jum għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat (ĠU L 55, 26.2.2015, p. 4).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1548 tal-Il-Ħamis, 17 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 947/2014 u (UE) Nru 948/2014 fir-rigward tal-aħħar jum għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat (ĠU L 242, 18.9.2015, p. 26).


Top