Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016L0343

Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali

OJ L 65, 11.3.2016, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/343/oj

11.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/1


DIRETTIVA (UE) 2016/343 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Marzu 2016

dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 82(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt ta' proċess ġust huma minquxin fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-KEDB), l-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-ICCPR) u l-Artikolu 11 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(2)

L-Unjoni stabbilixxiet l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari l-punt (33) tagħhom, ir-rikonoxximent reċiproku mtejjeb ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji oħrajn u l-approssimazzjoni meħtieġa tal-leġiżlazzjoni jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali. Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu għalhekk isir il-bażi fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali fl-Unjoni.

(3)

Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji oħrajn.

(4)

L-implimentazzjoni ta' dak il-prinċipju hija msejsa fuq il-premessa li l-Istati Membri jafdaw fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin. Il-punt sa fejn jasal il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiddependi minn għadd ta' fatturi, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta' persuni suspettati u akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' dak il-prinċipju.

(5)

Għalkemm l-Istati Membri huma Partijiet għall-KEDB u għall-ICCPR, l-esperjenza wriet li dan waħdu mhux dejjem jipprevedi grad suffiċjenti ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' Stati Membri oħra.

(6)

Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill adotta Riżoluzzjoni dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (3) (“il-Pjan Direzzjonali”). Permezz ta' approċċ gradwali, il-Pjan Direzzjonali jirrikjedi l-adozzjoni ta' miżuri rigward id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni (miżura A), id-dritt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-informazzjoni dwar l-akkużi (miżura B), id-dritt għall-parir legali u l-għajnuna legali (miżura C), id-dritt li persuna tikkomunika mal-qraba, ma' min iħaddem u mal-awtoritajiet konsulari (miżura D), u għas-salvagwardji speċjali għal persuni suspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli (miżura E).

(7)

Fil-11 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew laqa' l-Pjan Direzzjonali u inkludieh bħala parti mill-Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (4) (punt 2.4). Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-karattru mhux eżawrjenti tal-Pjan Direzzjonali, billi stieden lill-Kummissjoni biex teżamina elementi ulterjuri tad-drittijiet proċedurali minimi għall-persuni suspettati u akkużati, u biex tevalwa jekk elementi oħra, bħal pereżempju l-preżunzjoni tal-innoċenza, jeħtieġx li jiġu indirizzati, biex tkun promossa kooperazzjoni aħjar f'dak il-qasam.

(8)

Tliet miżuri dwar id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali ġew adottati s'issa skont il-Pjan Direzzjonali, jiġifieri d-Direttivi 2010/64/UE (5), 2012/13/UE (6) u 2013/48/UE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(9)

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta' proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

(10)

Bl-istabbiliment ta' regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati u akkużati, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin u b'hekk li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonjiet fi kwistjonijiet kriminali. Tali regoli minimi komuni jistgħu wkoll ineħħu l-ostakli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini fit-territorji kollha tal-Istati Membri.

(11)

Din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċedimenti kriminali kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja), mingħajr preġudizzju għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal proċedimenti ċivili jew għal proċedimenti amministrattivi, anke fejn dawn tal-aħħar jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, bħal pereżempju l-proċedimenti marbuta mal-kompetizzjoni, il-kummerċ, is-servizzi finanzjarji, it-traffiku fuq it-toroq, it-taxxa jew is-soprataxxi, u investigazzjonijiet mill-awtoritajiet amministrattivi rigward tali proċedimenti.

(12)

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni fiżiċi li huma persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Għandha tapplika mill-mument li fih persuna tiġi suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, u, għaldaqstant, anki qabel dik il-persuna tiġi mgħarrfa mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, permezz ta' notifika uffiċjali jew b'mod ieħor, li hija persuna suspettata jew akkużata. Din id-Direttiva għandha tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le tkun saret definittiva. L-azzjonijiet u rimedji legali li huma disponibbli biss ladarba dik id-deċiżjoni tkun saret definittiva, inklużi azzjonijiet quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma għandhomx jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva.

(13)

Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-ħtiġijiet u l-livelli differenti ta' protezzjoni ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fir-rigward tal-persuni fiżiċi u dawk ġuridiċi. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali protezzjoni hija riflessa fil-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, irrikonoxxiet li d-drittijiet li jirriżultaw mill-preżunzjoni tal-innoċenza ma jakkumulawx għall-persuni ġuridiċi bl-istess mod bħalma jakkumulaw għall-persuni fiżiċi.

(14)

Fl-istadju attwali ta' żvilupp tal-liġi nazzjonali u tal-ġurisprudenza fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni, huwa prematur li wieħed jilleġiżla fil-livell tal-Unjoni dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza fir-rigward tal-persuni ġuridiċi. Din id-Direttiva ma għandhiex, għalhekk, tapplika għall-persuni ġuridiċi. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-innoċenza għall-persuni ġuridiċi kif stabbilita, b'mod partikolari, fil-KEDB u kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-persuni ġuridiċi.

(15)

Il-preżunzjoni tal-innoċenza fir-rigward ta' persuni ġuridiċi għandha tiġi żgurata mis-salvagwardji leġiżlattivi u mill-ġurisprudenza eżistenti, li l-evoluzzjoni tagħha għandha tiddetermina jekk hemmx il-ħtieġa għal azzjoni tal-Unjoni.

(16)

Il-preżunzjoni tal-innoċenza tkun inkisret jekk dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, jew deċiżjonijiet ġudizzjarji ħlief dawk dwar il-ħtija, ikunu rreferew għal persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja, sakemm ma ġiex ippruvat li dik il-persuna hija ħatja skont il-liġi. Tali dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jirreflettu opinjoni li dik il-persuna hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal atti ta' prosekuzzjoni li għandhom l-għan li juru l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, bħall-att ta' akkuża, u mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li bħala riżultat tagħhom issir effettiva sentenza sospiża, dment li d-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta' natura proċedurali, li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjarji jew minn awtoritajiet kompetenti oħra u huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta' prova inkriminanti, bħal deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta' qabel il-proċess, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall-persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja. Qabel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta' natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta' prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista' tinkludi referenza għal dawk l-elementi.

(17)

Il-frażi “dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi” għandha tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni li tirreferi għal reat kriminali u li titnissel minn awtorità involuta fil-proċedimenti kriminali li jikkonċernaw dak ir-reat kriminali, bħal pereżempju l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi, jew minn awtorità pubblika oħra, bħal pereżempju ministri u uffiċjali pubbliċi oħra, bl-intendiment li dan huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali dwar l-immunità.

(18)

L-obbligu li ma ssirx referenza għal persuni suspettati jew akkużati bħala ħatja ma għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet pubbliċi milli pubblikament ixerrdu informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali fejn dan ikun strettament meħtieġ għal raġunijiet relatati mal-investigazzjoni kriminali, bħal meta joħroġ materjal f'forma ta' video u l-pubbliku jkun mitlub jgħin fl-identifikazzjoni tal-allegat awtur tar-reat kriminali, jew għall-interess pubbliku, bħal meta, għal raġunijiet ta' sigurtà, tingħata informazzjoni lill-abitanti ta' żona affettwata minn allegat reat ambjentali jew meta l-prosekuzzjoni jew awtorità kompetenti oħra tipprovdi informazzjoni oġġettiva dwar l-istat tal-proċedimenti kriminali sabiex jiġu evitati disturbi tal-ordni pubbliku. L-użu ta' tali motivazzjonijiet għandu jkun ristrett għal sitwazzjonijiet li fihom dan ikun raġonevoli u proporzjonat, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-interessi kollha. Fi kwalunkwe każ, il-mod u l-kuntest li fih l-informazzjoni tixxerred ma għandhomx joħolqu l-impressjoni li l-persuna hija ħatja qabel ma hu jew hi jkunu nstabu ħatja skont il-liġi.

(19)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li, meta dawn jipprovdu informazzjoni lill-midja, l-awtoritajiet pubbliċi ma jirreferux għal persuni suspettati jew akkużati bħala ħatja sakemm dawn il-persuni ma jkunux instabu ħatja skont il-liġi. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet pubbliċi dwar l-importanza li jittieħed debitament kont tal-preżunzjoni tal-innoċenza meta jagħtu jew jikxfu informazzjoni lill-midja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tipproteġi l-libertà tal-istampa u tal-mezzi l-oħra tal-midja.

(20)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jastjenu milli jippreżentaw persuni suspettati jew akkużati bħala ħatja, fil-qorti jew fil-pubbliku, bl-użu ta' miżuri ta' trażżin fiżiku, bħal manetti, kaxxi tal-ħġieġ, gaġeġ u ktajjen mar-riġlejn, sakemm l-użu ta' tali miżuri ma jkunx meħtieġ għal raġunijiet ta' każijiet speċifiċi, jew li jirrigwardaw is-sigurtà, inkluża l-prevenzjoni ta' persuni suspettati jew akkużati milli jagħmlu ħsara lilhom infushom jew lil persuni oħra jew lil proprjetà, jew li jirrigwardaw il-prevenzjoni tal-ħarba ta' persuni suspettati jew akkużati jew milli jkollhom kuntatt ma' terzi persuni, bħal xhieda jew vittmi. Il-possibbiltà li jiġu applikati miżuri ta' trażżin fiżiku ma timplikax li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kwalunkwe deċiżjoni formali dwar l-użu ta' tali miżuri.

(21)

Fejn fattibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jastjenu milli jippreżentaw persuni suspettati jew akkużati fil-qorti jew fil-pubbliku meta jkunu libsin ħwejjeġ li jindikaw li huma ħabsin, sabiex jiġi evitat li tingħata l-impressjoni li dawk il-persuni huma ħatja.

(22)

L-oneru tal-prova għall-istabbiliment tal-ħtija ta' persuni suspettati u akkużati jaqa' fuq il-prosekuzzjoni, u kwalunkwe dubju għandu jibbenefika lill-persuna suspettata jew akkużata. Il-preżunzjoni tal-innoċenza tinkiser jekk l-oneru tal-prova jkun trasferit mill-prosekuzzjoni għad-difiża, mingħajr preġudizzju għal kull setgħa ex officio għad-determinazzjoni tal-fatti mill-qorti, għall-indipendenza tal-ġudikatura meta tiġi vvalutata l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għall-użu ta' preżunzjonijiet ta' fatt jew ta' liġi dwar ir-responsabbiltà kriminali ta' persuna suspettata jew akkużata. Tali preżunzjonijiet għandhom ikunu limitati, f'limiti raġonevoli, b'kunsiderazzjoni tal-importanza tar-riskji involuti u ż-żamma tad-drittijiet tad-difiża, u l-mezzi użati għandhom ikunu raġonevolment proporzjonati għall-għan leġittimu li jrid jintlaħaq. Tali preżunzjonijiet għandhom ikunu kontestabbli u fi kwalunkwe każ għandhom ikunu użati biss fejn id-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati.

(23)

F'diversi Stati Membri mhux biss il-prosekuzzjoni, iżda wkoll l-imħallfin u l-qrati kompetenti huma inkarigati bit-tiftix kemm ta' evidenza inkriminanti kif ukoll ta' evidenza li tiskaġuna. L-Istati Membri li ma għandhomx sistema tal-kontradittorju għandhom ikunu jistgħu jżommu s-sistema kurrenti tagħhom dment li din tikkonforma ma' din id-Direttiva u ma' dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi internazzjonali.

(24)

Id-dritt li wieħed jibqa' sieket huwa aspett importanti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u għandu jservi bħala protezzjoni mill-awtoinkriminazzjoni.

(25)

Id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu huwa wkoll aspett importanti tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Il-persuni suspettati u akkużati ma għandhomx ikunu sfurzati, meta jintalbu biex jagħmlu dikjarazzjoni jew iwieġbu mistoqsijiet, biex jipproduċu evidenza jew dokumenti jew biex jipprovdu informazzjoni li jistgħu jwasslu għall-awtoinkriminazzjoni.

(26)

Id-dritt li wieħed jibqa' sieket u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu għandhom japplikaw għal mistoqsijiet relatati mar-reat kriminali li persuna tkun suspettata jew akkużata li wettqet u mhux, pereżempju, fir-rigward tal-mistoqsijiet relatati mal-identifikazzjoni ta' persuna suspettata jew akkużata.

(27)

Id-dritt li wieħed jibqa' sieket u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu jimplikaw li l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx iġiegħlu lil persuni suspettati jew akkużati jipprovdu informazzjoni jekk dawk il-persuni ma jkunux jixtiequ jagħmlu dan. Sabiex jiġi determinat jekk inkisirx id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu jew id-dritt li wieħed jibqa' sieket, għandha tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-dritt għal proċess ġust taħt il-KEDB.

(28)

L-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jibqa' sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu ma għandux jintuża kontra persuna suspettata jew akkużata, u ma għandux, fih innifsu jitqies bħala evidenza li l-persuna kkonċernata tkun wettqet ir-reat kriminali kkonċernat. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-valutazzjoni tal-evidenza minn qrati jew imħallfin, dment li d-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati.

(29)

L-eżerċizzju tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu ma għandux jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti milli jiġbru evidenza li tista' tinkiseb legalment mill-persuna suspettata jew akkużata permezz tal-użu ta' setgħat legali ta' koazzjoni u li jkollha eżistenza indipendenti mir-rieda tal-persuna suspettata jew akkużata bħal pereżempju materjal miksub wara l-ħruġ ta' mandat, materjal li fir-rigward tiegħu hemm obbligu legali taż-żamma u l-produzzjoni fuq talba, il-kampjuni tan-nifs, tad-demm u tal-urina u t-tessut tal-ġisem għall-iskop ta' testijiet tad-DNA.

(30)

Id-dritt li wieħed jibqa' sieket u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu ma għandhomx jipprekludu Stati Membri milli jiddeċiedu li, fir-rigward ta' reati żgħar, bħal reati żgħar tat-traffiku, it-tmexxija tal-proċedimenti, jew ċerti stadji tagħhom, jistgħu jseħħu bil-miktub jew mingħajr l-interrogazzjoni tal-persuna suspettata jew akkużata, mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tar-reat ikkonċernat, dment li dan jikkonforma mad-dritt għal proċess ġust.

(31)

L-Istati Membri għandhom iqisu li jiżguraw li, fejn persuni suspettati jew akkużati jkunu pprovduti b'informazzjoni dwar drittijiet skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13/UE, huma jkunu pprovduti wkoll b'informazzjoni dwar id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, kif japplika taħt il-liġi nazzjonali f'konformità ma' din id-Direttiva.

(32)

L-Istati Membri għandhom iqisu li jiżguraw li, fejn persuni suspettati jew akkużati jkunu pprovduti b'Ittra tad-Drittijiet skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13/UE, tali Ittra jkun fiha wkoll informazzjoni dwar id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, kif japplika taħt il-liġi nazzjonali f'konformità ma' din id-Direttiva.

(33)

Id-dritt għal proċess ġust huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi f'soċjetà demokratika. Id-dritt ta' persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess huwa bbażat fuq dak id-dritt u għandu jiġi żgurat fl-Unjoni kollha.

(34)

Jekk, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, il-persuni suspettati jew akkużati ma jkunux f'pożizzjoni li jkunu preżenti waqt il-proċess, huma għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu data ġdida għall-proċess fiż-żmien previst fil-liġi nazzjonali.

(35)

Id-dritt tal-persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess mhuwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuni suspettati u akkużati għandhom ikunu jistgħu, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, jirrinunzjaw għal dak id-dritt.

(36)

F'ċerti ċirkostanzi għandu jkun possibbli li deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta' persuna suspettata jew akkużata tingħata minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-proċess. Dan jista' jkun il-każ fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata, fi żmien debitu, dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' dehra u xorta, madankollu, ma tidhirx. Li persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata dwar il-proċess għandu jinftiehem li jfisser li l-persuna tħarrket personalment jew, b'mezzi oħrajn, li dik il-persuna ngħatat informazzjoni uffiċjali dwar id-data u l-post tal-proċess b'mod li jippermetti lilu jew lilha li jsiru konxji mill-proċess. Li persuna suspettata jew akkużata tiġi infurmata dwar il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' dehra, għandu, b'mod partikolari, jiġi interpretat li jfisser li l-persuna ġiet infurmata li tista' tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx fil-proċess.

(37)

Għandu jkun ukoll possibbli li jsir proċess li jista' jirriżulta f'deċiżjoni dwar ħtija jew innoċenza ukoll fl-assenza ta' persuna suspettata jew akkużata fejn dik il-persuna tkun ġiet infurmata bil-proċess u tkun tat mandat lil avukat li jkun inħatar minn dik il-persuna jew mill-Istat biex jirrappreżentaha waqt il-proċess u li rrappreżenta l-persuna suspettata jew akkużata.

(38)

Meta jkun qed jitqies jekk il-mod kif l-informazzjoni tingħata hux biżżejjed biex jiżgura l-għarfien tal-persuna dwar il-proċess, għandha tingħata wkoll, jekk ikun xieraq, attenzjoni partikolari lid-diliġenza eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi biex jinfurmaw lill-persuna kkonċernata u lid-diliġenza eżerċitata mill-persuna kkonċernata sabiex tirċievi l-informazzjoni indirizzata lilha.

(39)

Fejn l-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà li jsir proċess fl-assenza ta' persuni suspettati jew akkużati, iżda l-kundizzjonijiet għat-teħid ta' deċiżjoni fin-nuqqas ta' persuna suspettata jew akkużata partikolari ma jkunux sodisfatti minħabba li l-persuna suspettata jew akkużata ma setgħetx tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, pereżempju minħabba li l-persuna tkun ħarbet jew evadiet, għandu madankollu jkun possibbli li tittieħed deċiżjoni fl-assenza tal-persuna suspettata jew akkużata u li tiġi infurzata dik id-deċiżjoni. F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b'mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma għandhom ukoll jiġu infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor. L-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub. L-informazzjoni tista' tingħata wkoll bil-fomm dment li l-fatt li l-informazzjoni ġiet ipprovduta jiġi nnotat skont il-proċedura ta' reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.

(40)

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jeskludu lil persuna suspettata jew akkużata b'mod temporanju mill-proċess fejn dan jgħin biex tkun żgurata t-tmexxija korretta tal-proċedimenti kriminali. Dan jista', pereżempju, ikun il-każ fejn persuna suspettata jew akkużata tfixkel is-seduta ta' smigħ u jkollha tiġi skortata 'l barra mill-awla tal-qorti fuq ordni tal-imħallef, jew fejn ikun jidher li l-preżenza tal-persuna suspettata jew akkużata tipprevjeni s-smigħ xieraq ta' xi xhud.

(41)

Id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess jista' jiġi eżerċitat biss jekk isseħħ seduta ta' smigħ jew aktar. Dan ifisser li d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess ma jistax japplika jekk ir-regoli ta' proċedura nazzjonali rilevanti ma jipprovdux għal seduta ta' smigħ. Dawn ir-regoli għandhom jikkonformaw mal-Karta u mal-QEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal proċess ġust. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk il-proċedimenti huma mmexxija b'mod simplifikat u jkunu qed isegwu, kompletament jew parzjalment, proċedura bil-miktub jew proċedura fejn l-ebda seduta ta' smigħ ma tkun prevista.

(42)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess u d-dritt għal proċess ġdid, il-ħtiġijiet partikolari ta' persuni vulnerabbli jkunu meqjusa. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (8), persuni suspettati jew akkużati li huma vulnerabbli għandhom jiġu meqjusa li huma kollha persuni suspettati jew akkużati li mhumiex kapaċi jifhmu jew jipparteċipaw b'mod effettiv fi proċedimenti kriminali minħabba l-età tagħhom, il-kundizzjoni mentali jew fiżika tagħhom jew kwalunkwe diżabilità li jista' jkollhom.

(43)

It-tfal huma vulnerabbli u għandhom jingħataw livell speċifiku ta' protezzjoni. Għalhekk, fir-rigward ta' wħud mid-drittijiet previsti f'din id-Direttiva, għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji proċedurali speċifiċi.

(44)

Il-prinċipju tal-effettività tal-liġi tal-Unjoni jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu rimedji xierqa u effettivi fil-każ li jkun hemm ksur ta' dritt mogħti lill-individwi bil-liġi tal-Unjoni. Rimedju effettiv disponibbli fil-każ ta' ksur ta' kwalunkwe wieħed mid-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva għandu, sa fejn hu possibbli, ikollu l-effett li jpoġġi lill-persuni suspettati jew akkużati fl-istess pożizzjoni li kienu jsibu ruħhom fiha li kieku ma kienx seħħ il-ksur, bil-ħsieb li jkunu protetti d-dritt ta' proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża.

(45)

Fil-valutazzjoni ta' dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa' sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, il-qrati u l-imħallfin għandhom jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti. F'dan il-kuntest, għandha tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tgħid li l-ammissjoni ta' dikjarazzjonijiet miksuba bħala riżultat ta' tortura jew ta' trattament ħażin ieħor bi ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB bħala evidenza sabiex jiġu stabbiliti l-fatti rilevanti fi proċedimenti kriminali trendi inġust il-proċediment kollu kemm hu. Skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, kwalunkwe dikjarazzjoni li jkun stabbilit li saret bħala riżultat ta' tortura m'għandhiex titressaq bħala prova f'ebda proċediment, ħlief kontra persuna akkużata b'tortura bħala prova li tkun saret id-dikjarazzjoni.

(46)

Sabiex tiġi mmonitorjata u evalwata l-effettività ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jibagħtu data disponibbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva lill-Kummissjoni. Tali data tista' tinkludi rekords magħmula mill-awtoritajiet ġudizzjarji u mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tar-rimedji applikati fil-każ ta' ksur ta' kull wieħed mill-aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza koperti b'din id-Direttiva jew tad-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess.

(47)

Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta u fil-KEDB, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta' trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Għandu jiġu kkunsidrat, b'mod partikolari, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jgħid li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, u li jgħid li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.

(48)

Ladarba din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni. Il-livell ta' protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(49)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi regoli minimi komuni għal ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u għad-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess fi proċedimenti kriminali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(50)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(51)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

(a)

ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fi proċedimenti kriminali;

(b)

id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.

KAPITOLU 2

PREŻUNZJONI TAL-INNOĊENZA

Artikolu 3

Preżunzjoni tal-innoċenza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi.

Artikolu 4

Referenzi pubbliċi għall-ħtija

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sakemm ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, u deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta' natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli miżuri xierqa fil-każ ta' ksur tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li ma ssirx referenza għal persuni suspettati jew akkużati bħala li huma ħatja, f'konformità ma' din id-Direttiva u, b'mod partikolari, mal-Artikolu 10.

3.   L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 li ma ssirx referenza għal persuni suspettati jew akkużati bħala li huma ħatja ma għandux jimpedixxi lill-awtoritajiet pubbliċi milli jxerrdu informazzjoni pubblikament dwar il-proċedimenti kriminali fejn dan ikun strettament meħtieġ għal raġunijiet relatati mal-investigazzjoni kriminali jew mal-interess pubbliku.

Artikolu 5

Preżentazzjoni ta' persuni suspettati u akkużati

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li persuni suspettati u akkużati ma jiġux ippreżentati bħala ħatja, fil-qorti jew fil-pubbliku, permezz tal-użu ta' miżuri ta' trażżin fiżiku.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw miżuri ta' trażżin fiżiku li huma meħtieġa għal raġunijiet ta' każijiet speċifiċi, relatati mas-sigurtà jew biex persuni suspettati jew akkużati jkunu impediti milli jaħarbu jew ikollhom kuntatt ma' terzi persuni.

Artikolu 6

Oneru tal-prova

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa' fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.

Artikolu 7

Id-dritt li wieħed jibqa' sieket u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jibqgħu siekta fir-rigward tar-reat kriminali li huma suspettati jew akkużati li wettqu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li ma jinkriminawx ruħhom.

3.   L-eżerċizzju tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu ma għandux jimpedixxi lill-awtoritajiet kompetenti mill-ġbir ta' evidenza li tista' tinkiseb legalment bl-użu leġittimu ta' setgħat ta' koazzjoni u li għandha eżistenza indipendenti mir-rieda tal-persuni suspettati jew akkużati.

4.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom biex iqisu, meta jagħtu s-sentenza, l-imġiba ta' kooperazzjoni tal-persuni suspettati u akkużati.

5.   L-eżerċizzju minn persuni suspettati u akkużati tad-dritt li wieħed jibqa' sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu ma għandux jintuża kontrihom u ma għandux jitqies bħala evidenza li huma wettqu r-reat kriminali kkonċernat.

6.   Dan l-Artikolu ma għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jiddeċiedu li, fir-rigward ta' reati żgħar, it-tmexxija tal-proċedimenti, jew ċerti stadji tagħhom, jistgħu jsiru bil-miktub jew mingħajr l-interrogazzjoni tal-persuna suspettata jew akkużata mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tar-reat ikkonċernat, sakemm dan jikkonforma mad-dritt għal proċess ġust.

KAPITOLU 3

ID-DRITT LI PERSUNA TKUN PREŻENTI WAQT IL-PROĊESS

Artikolu 8

Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista' jirriżulta f'deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta' persuna suspettata jew akkużata jista' jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)

il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' dehra; jew

(b)

il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

3.   Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista' tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.

4.   Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta' proċessi fl-assenza ta' persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista' tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b'mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f'konformità mal-Artikolu 9.

5.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jipprevedu li l-imħallef jew il-qorti kompetenti jistgħu jeskludu lil persuna suspettata jew akkużata temporanjament mill-proċess fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-proċedimenti kriminali jitmexxew korrettament, sakemm dan jikkonforma mad-drittijiet tad-difiża.

6.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jipprovdu biex il-proċedimenti jew ċerti stadji tagħhom isiru bil-miktub, sakemm dan jikkonforma mad-dritt ta' proċess ġust.

Artikolu 9

Id-dritt għal proċess mill-ġdid

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta' evidenza ġdida, u li jista' jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b'mod effikaċi, f'konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 10

Rimedji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva ma jiġux rispettati.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-valutazzjoni ta' dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew ta' evidenza miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa' sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.

Artikolu 11

Ġbir tad-data

L-Istati Membri għandhom, sal-1 ta' April 2020 u kull tliet snin wara dan, jibagħtu lill-Kummissjoni data disponibbli li turi kif id-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva ġew implimentati.

Artikolu 12

Rapport

Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta' April 2021, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 13

Nonregressjoni

Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jinftiehem li jillimita jew jidderoga minn xi drittijiet u salvagwardji proċedurali li huma żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali jew tal-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru li tipprovdi livell ogħla ta' protezzjoni.

Artikolu 14

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-1 ta' April 2018. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, id-9 ta' Marzu 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 63.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016.

(3)  ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

(4)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(5)  Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

(8)  ĠU C 378, 24.12.2013, p. 8.


Top