EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016H0924(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività

ĠU C 349, 24.9.2016, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Settembru 2016

dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività

(2016/C 349/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-tkabbir potenzjali fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni b’mod ġenerali naqqas ir-ritmu b’mod konsiderevoli mill-2000 ‘l hawn. Ix-xejra negattiva tat-tkabbir fil-prodott potenzjali hija dovuta l-aktar minħabba tnaqqis kostanti fil-kontribuzzjoni tal-produttività totali tal-fatturi. Sa mill-2008, it-tkabbir ekonomiku ddgħajjef ulterjorment minħabba tnaqqis fl-investimenti. Jekk wieħed iħares ‘il quddiem, it-tkabbir ekonomiku fl-aħħar mill-aħħar ser jiddependi fuq iż-żieda fil-produttività. Iż-żieda fil-produttività hija sfida multidimensjonali li tirrikjedi sett ta’ politiki bbilanċjati tajjeb immirati, b’mod partikolari, biex jappoġġaw l-innovazzjoni, iżidu l-ħiliet, inaqqsu r-riġiditajiet fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, kif ukoll jippermettu li jkun hemm allokazzjoni aħjar tar-riżorsi. Filwaqt li hemm bżonn li titjieb il-prestazzjoni tal-produttività u tal-kompetittività fl-Unjoni, il-kriżi reċenti wriet li l-Istati Membri li jużaw l-euro bħala munita (“Stati Membri taż-żona tal-euro”) jistgħu jkunu partikolarment soġġetti għall-possibbiltà ta’ żieda u ta’ korrezzjoni f’daqqa ta’ żbilanċi makroekonomiċi li jistgħu jkollhom effett kollaterali fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro u Stati Membri mhux taż-żona tal-euro. Fin-nuqqas ta’ rati tal-kambju nominali flessibbli, huma jeħtieġu mekkaniżmi adegwati ta’ aġġustament għal xokkijiet li huma speċifiċi għall-pajjiżi. Id-dinamika tal-produttività u l-kompetittività huma ta’ rilevanza kemm għall-akkumulazzjoni kif ukoll għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (pereżempju d-defiċits kummerċjali u fil-kontijiet kurrenti, l-istokkijiet ta’ passivi domestiċi u esterni) u għall-aġġustament effettiv għal xokkijiet asimmetriċi. Ir-riċerka u l-analiżi ta’ politiki li għandhom effett fuq id-dinamika tal-produttività u tal-kompetittività għandhom jipprovdu bażi għal żviluppi kompatibbli mal-objettiv ta’ funzjonament bla xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(2)

Filwaqt li din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro huma mħeġġa jidentifikaw jew jistabbilixxu korpi simili. Stati Membri mhux taż-żona tal-euro li jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jsegwu din ir-Rakkomandazzjoni għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fuq termini ugwali fl-aspetti kollha tal-kooperazzjoni relatati mal-bordijiet tal-produttività.

(3)

Is-Semestru Ewropew, b’mod partikolari l-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku kif stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jipprovdi qafas għal koordinazzjoni u sorveljanza tal-politika ekonomika integrati. Bil-ħsieb li jsir progress fir-riformi strutturali, dawn il-mekkaniżmi eżistenti għandhom jibbenefikaw minn sjieda nazzjonali b’saħħitha. Għal dan l-għan, l-iżgurar ta’ analiżi indipendenti fil-livell nazzjonali u t-tisħiħ tad-djalogu ta’ politika fl-Istati Membri jidhru li huma meħtieġa.

(4)

It-twaqqif ta’ bordijiet nazzjonali tal-produttività li jsegwu l-iżviluppi u jinformaw id-dibattitu nazzjonali fil-qasam tal-produttività u l-kompetittività għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sjieda ta’ politiki u riformi meħtieġa fil-livell nazzjonali u għat-titjib tal-bażi tal-għarfien għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-Unjoni. Dawn il-bordijiet għandhom janalizzaw l-iżviluppi fil-qasam tal-produttività u l-kompetittività, inkluż rigward kompetituri globali, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-prattiki stabbiliti.

(5)

L-ambitu tad-dijanjosi u l-analiżi mill-bordijiet ta’ produttività ikopri kunċett komprensiv ta’ produttività u kompetittività. Huma għandhom iqisu l-fatturi dejjiema li jixprunaw u jiffaċilitaw il-produttività u l-kompetittività, inkluż l-innovazzjoni, u l-kapaċità li jiġu attirati l-investimenti, l-impriżi u l-kapital uman, u li jiġu indirizzati fatturi marbuta mal-ispejjeż u dawk li mhumiex hekk marbuta li jistgħu jaffettwaw fuq perijodu qasir il-prezzijiet u l-kontenut tal-kwalità tal-prodotti u s-servizzi, inkluż rigward kompetituri globali.

(6)

Barra minn hekk, analiżi ekonomika indipendenti ta’ kwalità għolja tal-isfidi ta’ politika żżid it-trasparenza fid-dibattiti ta’ orjentazzjoni. Il-valutazzjoni tal-isfidi tal-politika tista’ żżid il-konsapevolezza tal-partijiet ikkonċernati kollha. Dan jista’ jkollu impatt pożittiv fuq l-appoġġ pubbliku u s-sjieda għar-riformi meħtieġa. Barra minn hekk, jekk u sa fejn ikun previst fil-mandat nazzjonali tagħhom, il-bordijiet tal-produttività ikun jista’ jivvaluta l-effetti tal-għażliet ta’ politika billi jagħmel espliċiti l-kompromessi ta’ politika.

(7)

Il-bordijiet tal-produttività għandu jkollhom awtonomija funzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe awtorità pubblika inkarigata bit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-produttività u l-kompetittività fl-Istat Membru jew fil-livell Ewropew. B’mod partikolari, huma għandhom ikunu jistgħu jipproduċu analiżi indipendenti fl-ambitu tal-qasam ta’ ħidma tagħhom. Filwaqt li l-kompożizzjoni tal-bordijiet tal-produttività tkun soġġetta għad-diskrezzjoni nazzjonali, din għandha tkun imparzjali, fis-sens li dawn m’għandhomx jittrasmettu biss jew prinċipalment fehmiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ partijiet ikkonċernati. Tali rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità huma mmirati biex jiżguraw li l-bordijiet ta’ produttività ikollhom is-setgħa li jipproduċu analiżi esperta fformulata fl-interess ġenerali.

(8)

Il-karatteristiċi tal-bordijiet tal-produttività għandhom josservaw għalkollox l-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u għandhom jirrispettaw il-prattika u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi. F’konformità mal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-funzjonament tal-bordijiet tal-produttività ma għandux jaffettwa d-dritt tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, jew tal-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fil-livelli xierqa jew li jieħdu azzjoni kollettiva f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

(9)

Il-bordijiet tal-produttività għandhom ikunu involuti f’kuntatti ma’ bordijiet tal-produttività ta’ Stati Membri parteċipanti oħra bl-għan li jiskambjaw fehmiet u l-aħjar prattiki, filwaqt li jqisu wkoll id-dimensjoni usa’ taż-żona tal-euro u tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-iskambju ta’ fehmiet bejn il-bordijiet tal-produttività tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Għandu jkun hemm ukoll diskussjoni regolari bejn il-bordijiet tal-produttività u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika dwar kwistjonijiet fil-qasam ta’ kompetenza ta’ dan il-Kumitat, li tinvolvi esperti rilevanti fi Stati Membri mhux parteċipanti.

(10)

Il-bordijiet tal-produttività għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom fuq bażi kontinwa. Huma għandhom jagħmlu l-analiżi tagħhom disponibbli pubblikament u jippubblikaw rapport annwali, li jkun jista’ jiġi integrat f’rapport li diġà jeżisti. L-għarfien espert indipendenti pprovdut minn dawn il-bordijiet, inkluż permezz ta’ rapporti annwali, jista’ jintuża mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku.

(11)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ fehmiet fil-livell supranazzjonali, għandu jkun hemm bord tal-produttività identifikabbli wieħed f’kull Stat Membru. Huwa importanti li wieħed jibni fuq strutturi eżistenti sabiex jiġi ppreservat dak li diġà jiffunzjona u jiġu minimizzati l-ispejjeż amministrattivi. Fejn ikun xieraq, il-bord tal-produttività jista’ jkun ibbażat fuq struttura nazzjonali diġà stabbilita u rispettata inkluż f’dak li jirrigwarda l-involviment u l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom korrettament, il-bordijiet tal-produttività min-naħa tagħhom jistgħu jutilizzaw korpi differenti separati u eżistenti, sakemm l-analiżi tagħhom tkun tal-istess kwalità għolja.

(12)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tbiddilx ir-responsabbiltajiet assenjati għas-Semestru Ewropew, inkluż il-formulazzjoni u l-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, jew l-applikazzjoni tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.   Objettivi u kamp ta’ applikazzjoni

1.

L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa l-identifikazzjoni jew it-twaqqif ta’ bordijiet nazzjonali tal-produttività li jkollhom l-għan li janalizzaw l-iżviluppi u l-politiki fil-qasam tal-produttività u l-kompetittività, biex b’dan il-mod jikkontribwixxu għat-trawwim tas-sjieda u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa fil-livell nazzjonali, u b’hekk irawmu tkabbir ekonomiku u konverġenza sostnuti.

2.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro huma mħeġġa wkoll biex jidentifikaw jew jistabbilixxu korpi simili.

3.

L-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandha tosserva għalkollox l-Artikolu 152 TFUE u għandha tirrispetta l-prattiki u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi. Din ir-Rakkomandazzjoni tieħu kont tal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk ma taffettwax id-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi jew jinforza ftehimiet kollettivi jew li jieħu azzjoni kollettiva f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

II.   Bordijiet tal-produttività

4.

Kull Stat Membru għandu jkollu bord tal-produttività li jkun inkarigat li jagħmel:

(a)

Dijanjosi u analiżi ta’ żviluppi fil-qasam tal-produttività u l-kompetittività fl-Istat Membru kkonċernat. L-analiżi għandha tqis l-aspetti taż-żona tal-euro u tal-Unjoni u tindirizza l-fatturi li jixprunaw u jiffaċilitaw il-produttività u l-kompetittività fit-tul, inkluż l-innovazzjoni, u l-kapaċità li jiġu attirati l-investimenti, l-impriżi u l-kapital uman, u li jiġu indirizzati fatturi marbuta mal-ispejjeż u dawk li mhumiex li jistgħu jaffettwaw fuq perijodu qasir il-prezzijiet u l-kontenut tal-kwalità tal-prodotti u s-servizzi, inkluż dawk rigward kompetituri globali. L-analiżi għandha tkun ibbażata fuq indikaturi trasparenti u komparabbli; u

(b)

Analiżi indipendenti tal-isfidi ta’ politika fil-qasam tal-produttività u l-kompetittività, u, jekk u sa fejn ikun previst fil-mandat nazzjonali tagħhom, stima tal-effetti ta’ għażliet ta’ politika, li tagħmel espliċiti l-kompromessi ta’ politika.

5.

Kull Stat Membru għandu jidentifika bord tal-produttività wieħed, li min-naħa tiegħu jista’ jutilizza, jew ikun magħmul minn, korpi eżistenti differenti.

6.

Il-bordijiet tal-produttività għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom fuq bażi kontinwa. Huma għandhom jagħmlu l-analiżi tagħhom disponibbli għall-pubbliku u jippubblikaw rapport annwali. Huma għandhom ikunu involuti f’kuntatti ma’ bordijiet tal-produttività ta’ Stati Membri mhux taż-żona tal-euro bl-għan li jiskambjaw fehmiet u l-aħjar prattiki, u fejn adatt jagħmlu analiżi konġunta, filwaqt li jqisu wkoll id-dimensjoni usa’ taż-żona tal-euro u tal-Unjoni. Il-Kummissjoni fuq bażi regolari ser tiskambja fehmiet mal-bordijiet tal-produttività parteċipanti kollha, inkluż matul missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni fl-Istati Membri, u tista’ tiffaċilita l-iskambju ta’ fehmiet bejn il-bordijiet tal-produttività.

III.   Karatteristiċi tal-bordijiet tal-produttività

7.

Il-bordijiet tal-produttività għandu jkollhom awtonomija funzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe awtorità pubblika responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-produttività u l-kompetittività fl-Istat Membru jew fil-livell Ewropew. Sabiex jissodisfaw il-kompiti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, huma għandhom ikunu bbażati fuq dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw grad għoli ta’ awtonomija u responsabbiltà funzjonali, inkluż:

(a)

il-kapaċità li jikkomunikaw pubblikament b’mod f’waqtu;

(b)

proċeduri għan-nomina ta’ membri abbażi tal-esperjenza u l-kompetenza tagħhom;

(c)

aċċess xieraq għall-informazzjoni biex jitwettaq il-mandat tagħhom.

8.

Il-bordijiet tal-produttività għandhom ikunu oġġettivi, newtrali u indipendenti għalkollox fir-rigward tal-analiżi u l-kontenut. Huma jistgħu jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, iżda ma għandhomx iwasslu biss jew prinċipalment l-opinjonijiet u l-interessi ta’ grupp partikolari ta’ partijiet ikkonċernati.

9.

Il-bordijiet tal-produttività għandu jkollhom il-kapaċità li jwettqu analiżi ekonomika u statistika b’livell għoli ta’ kwalità, inkluż kif rikonoxxut mill-komunità akkademika. L-analiżi tista’ ssir minn korpi eżistenti u separati dment li tkun tal-istess kwalità għolja.

IV.   Relazzjoni mas-Semestru Ewropew

10.

L-għarfien espert indipendenti pprovdut minn dawk il-bordijiet, inkluż permezz ta’ rapporti annwali, jista’ jintuża mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku. Din ir-Rakkomandazzjoni ma tbiddilx ir-responsabbiltajiet assenjati għas-Semestru Ewropew, inkluż it-tfassil u l-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, jew l-applikazzjoni tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

V.   Responsabbiltà u trasparenza

11.

Bħala regola, l-analiżi prodotta minn dawk il-bordijiet għandha ssir pubblika.

VI.   Dispożizzjonijiet finali

12.

L-Istati Membri huma taż-żona tal-euro huma mistiedna jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni sal-20 ta’ Marzu 2018.

13.

Sal-20 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni hija mistiedna tħejji rapport ta’ progress, abbażi tal-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri kollha dwar l-implimentazzjoni u l-adegwatezza ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ulterjuri tidhirx neċessarja. Jekk ikun ġustifikat, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta ta’ adattament ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(2)  Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8).


Top