EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016H0818(02)
Council Recommendation of 12 July 2016 on the 2016 National Reform Programme of Spain and delivering a Council opinion on the 2016 Stability Programme of Spain
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 ta' Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 ta' Spanja
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 ta' Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 ta' Spanja
OJ C 299, 18.8.2016, p. 7–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 299/7 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta' Lulju 2016
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 ta' Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 ta' Spanja
(2016/C 299/02)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1) |
Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta' Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2016 (3). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, Spanja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni. |
(2) |
Ir-rapport tal-pajjiż tal-2016 għal Spanja ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Huwa vvaluta l-progress li għamlet Spanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress ta' Spanja lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa 2020 tagħha. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li Spanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, dejn estern u intern għoli, kemm pubbliku kif ukoll privat, qed ikompli jikkostitwixxi vulnerabbiltà fil-kuntest ta' livell għoli ta' qgħad. Il-ħtieġa għall-azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti avversi fuq l-ekonomija Spanjola u, fid-dawl tad-daqs tagħha, ta' effetti sekondarji negattivi fuq l-unjoni ekonomika u monetarja, hija importanti. Minkejja t-titjib fil-bilanċ tal-kont kurrenti, l-obbligazzjonijiet esterni netti ma humiex projettati li jilħqu livelli prudenti f'terminu qasir. Id-diżingranaġġ fis-settur privat huwa miexi bil-pass mixtieq, appoġġat parzjalment minn kundizzjonijiet favorevoli tat-tkabbir, iżda l-ħtiġijiet tad-diżingranaġġ huma kbar u d-dejn pubbliku għadu kbir. Ittieħdu miżuri fis-settur finanzjarju u fl-oqfsa tal-insolvenza korporattiva u personali, iżda hija meħtieġa aktar azzjoni fuq l-innovazzjoni u l-kompetenzi u fuq il-konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. |
(3) |
Fid-29 ta' April 2016, Spanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2016 u fit-30 ta' April 2016 ippreżentat il-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2016. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. |
(4) |
Rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif ser tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-governanza ekonomika soda. |
(5) |
Spanja bħalissa tinsab fil-fergħa korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2016, Spanja qed tippjana li tikseb miri tad-defiċit nominali ta' 3,6 % tal-PDG fl-2016 u ta' 2,9 % tal-PDG fl-2017. Id-defiċit eċċessiv huwa għalhekk ippjanat li jiġi kkoreġut sena aktar tard milli rrakkomandat bħalissa mill-Kunsill, wara li l-mira tal-isforz fiskali u dik nominali ma ntlaħqux fl-2014 u fl-2015. Dawn il-miri jassumu l-implimentazzjoni sħiħa ta' 0,4 % tal-PDG f'iffrankar permanenti fil-livelli tal-gvern ċentrali u reġjonali, imħabbra f'rispons għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Awtonoma tad-9 ta' Marzu 2016. Id-defiċit huwa ppjanat li jkompli jonqos wara dan, għal 1,6 % tal-PDG fl-2019. Madankollu, l-objettiv fuq terminu medju ta' pożizzjoni bbilanċjata tal-baġit f'termini strutturali mhijiex ippjanata li tintlaħaq fl-orizzont taż-żmien tal-Programm ta' Stabbiltà. B'mod partikolari, il-bilanċ strutturali rikalkulat huwa projettat li jitjieb biss marġinalment fl-2016 u fl-2017 għal madwar -2
|
(6) |
Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (5), il-Kummissjoni ser timmonitorja b'mod regolari l-implimentazzjoni tal-azzjoni meħuda minn Spanja b'rispons għall-aħħar rakkomandazzjoni magħmula mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE: għaldaqstant, il-Kummissjoni se tirrakkomanda lill-Kunsill il-passi xierqa li għandhom jittieħdu fil-qafas tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv. |
(7) |
Sa mill-2012, Spanja saħħet il-qafas fiskali sabiex, fost affarijiet oħra, jiġu evitati devjazzjonijiet u tiġi żgurata l-konformità mil-livelli kollha ta' gvern mal-miri rispettivi tagħhom tad-defiċit u tad-dejn u tan-nefqa. Barra minn hekk, regola ta' applikazzjoni (fuq bażi volontarja u, fl-2016, saret obbligatorja għall-parti l-kbira tar-reġjuni) fil-livell reġjonali ġiet approvata f'nofs l-2015 biex trażżan iż-żieda fin-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-prodotti farmaċewtiċi u ftehim bejn il-Gvern u l-industrija farmaċewtika ġie ffirmat f'Novembru 2015 biex jgħin sabiex jiġi razzjonalizzat l-infiq fuq prodotti farmaċewtiċi. Minkejja dan, fl-2015, il-parti l-kbira tar-reġjuni kif ukoll is-settur tas-sigurtà soċjali naqsu sew milli jilħqu l-miri fiskali domestiċi tagħhom. Ir-regola dwar l-infiq tal-liġi tal-istabbiltà ma ġietx osservata mis-subsetturi ċentrali, reġjonali u lokali tal-gvern u t-tkabbir fin-nefqa ta' prodotti farmaċewtiċi, jiġifieri fl-isptarijiet, kompla jiżdied, ukoll jekk wieħed jeskludi l-impatt ta' trattamenti ġodda kontra l-hepatitis C. |
(8) |
Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, Spanja għandha prestazzjoni tajba fir-rigward tal-kwalità tal-leġislazzjoni u d-disponibilità ta' proċeduri ta' rieżami. Saru sforzi sabiex ix-xiri pubbliku jiġi razzjonalizzat, b'mod partikolari permezz ta' mekkaniżmi konġunti tal-akkwist. Madankollu, hemm spariġġi fl-implimentazzjoni tal-akkwist pubbliku f'amministrazzjonijiet differenti u l-insuffiċjenza tal-mekkaniżmi ta' kontroll tfixkel l-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-akkwist pubbliku. L-għadd ta' ksur allegat tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku li tressaq għall-attenzjoni tal-Kummissjoni fis-snin reċenti kien relattivament għoli. Minbarra dan, il-Qorti Spanjola tal-Awdituri indikat xi dgħufijiet bħall-użu frekwenti tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni, il-modifikar ripetut tal-kuntratti, il-qsim tal-kuntratti f'kuntratti iżgħar u l-preċiżjoni u ċarezza insuffiċjenti ta' xi dokumenti tas-sejħiet għall-offerti u ta' xi deċiżjonijiet amministrattivi. |
(9) |
Spanja għamlet progress sostanzjali fir-ristrutturar tas-settur finanzjarju. Ġiet implimentata l-liġi dwar il-banek tat-tfaddil sabiex tissaħħaħ il-governanza tagħhom u sabiex jitnaqqsu l-ishma ta' kontroll miżmuma minn fondazzjonijiet bankarji. L-implimentazzjoni ta' pjanijiet għar-ristrutturar ta' banek megħjuna mill-istat hija avvanzata ħafna. Il-Bank ta' Spanja emenda s-sistema eżistenti tal-kontabilità għall-istituzzjonijiet tal-kreditu u adotta qafas ġdid għal SAREB, il-kumpanija Spanjola tal-immaniġġar tal-assi. Il-qafas il-ġdid ser jippermetti lil SAREB tikseb trattament xieraq lill-indebolimenti u se jgħin biex il-politiki tad-diżingranaġġ tagħha jiġu adattati għal preżunzjonijiet kredibbli tas-suq. |
(10) |
Ir-riformi fis-suq tax-xogħol li saru fis-snin reċenti għamlu l-impjieg aktar reattiv għat-tkabbir, u l-ħolqien tal-impjiegi reġa' beda, appoġġat minn aktar flessibbiltà u tkomplija ta' moderazzjoni fil-pagi. Il-ftehimiet kollettivi sostnew din ix-xejra, ukoll minħabba l-ftehim interprofessjonali ffirmat f'Ġunju 2015. Iż-żieda reċenti fil-livell ġenerali tal-impjieg kienet ikkawżata prinċipalment minn kuntratti temporanji, għalkemm in-numru ta' kuntratti indefiniti ġodda mingħajr limitu ta' żmien qiegħed bil-mod il-mod jiżdied. Madankollu, l-użu ta' inċentivi għal reklutaġġ permanenti ġdid għadu limitat, u l-proporzjon ta' ħaddiema temporanji għadu wieħed mill-ogħla fl-Unjoni, filwaqt li l-opportunitajiet għall-ħaddiema temporanji biex jimxu lejn kuntratt permanenti għadhom baxxi. It-terminu qasir ta' kuntratti temporanji jillimita l-inċentivi biex wieħed jinvesti fil-kapital uman, u dan ixekkel it-tkabbir fil-produttività. Għalkemm qed jonqos b'mod rapidu, il-qgħad għadu għoli ħafna, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u t-tul medju tiegħu huwa għoli ħafna wkoll. Qgħad fit-tul għoli u persistenti jimplika li hemm riskju li l-qgħad isir strutturali, u jaffettwa b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk soċjali. Kważi 60 % ta' dawk li jkunu qiegħda fit-tul għandhom ftit kompetenzi professjonali, u dan jitlob li jkun hemm politiki tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ attivi u passivi xierqa sabiex jiġu indirizzati spariġġi mifruxa fil-kompetenzi u jiġi evitat id-deprezzament tal-kompetenzi fost dan il-grupp. L-interazzjoni ma' min iħaddem fit-tfassil ta' programmi ta' taħriġ għadha dgħajfa. |
(11) |
L-effettività ta' miżuri ta' attivazzjoni u miżuri attivi tas-suq tax-xogħol tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tas-servizzi tal-impjiegi biex ifasslu u joffru appoġġ individwalizzat lill-benefiċjarji. L-implimentazzjoni tar-riformi reċenti ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol qed tagħmel progress bil-mod u l-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex jipprovdu pariri u assistenza fit-tfittxija għax-xogħol effettivi u individwalizzati għadha limitata. Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi reġjonali tal-impjiegi u aġenziji ta' kollokament privati għadha limitata. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi u dawk soċjali mhijiex uniformi madwar ir-reġjuni, u dan ixekkel il-provvista ta' assistenza kkoordinata għal dawk l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għall-benefiċjarji tal-introjtu minimu. Hemm differenzi sinifikanti bejn ir-reġjuni fir-rigward ta' skemi ta' appoġġ għall-introjtu, pereżempju fl-arranġamenti tal-forniment, fir-rekwiżiti ta' eliġibilità, fil-kopertura u fl-adegwatezza, filwaqt li diffikultajiet fit-trasferiment tal-benefiċċji soċjali qed ixekklu l-mobilità interreġjonali tax-xogħol. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar it-transizzjoni lejn l-impjieg minn skemi ta' introjtu minimu hija pjuttost limitata. Spanja bħalissa qed tħejji mappa tal-iskemi ta' appoġġ għall-introjtu nazzjonali u reġjonali fil-pajjiż, li tkopri l-livelli nazzjonali u reġjonali. Filwaqt li ġew introdotti xi miżuri, l-effettività tal-benefiċċji tal-familja u għad-djar fit-tnaqqis tal-faqar għadha limitata, u n-nuqqas ta' kura għat-tfal adegwata u affordabbli u ta' kura fit-tul jiskoraġġixxu lin-nisa, b'mod partikolari, milli jibdew impjieg. |
(12) |
Dan it-tibdil hekk mgħaġġel fil-kompożizzjoni settorjali tal-impjiegi li Spanja qed tesperjenza mill-2008 'l hawn kien akkumpanjat minn żieda fl-ispariġġi tal-kompetenzi. Il-livell baxx kumplessiv ta' kompetenzi jikkostrinġi t-transizzjoni lejn attivitajiet b'valur miżjud ogħla u jxekkel it-tkabbir tal-produttività. Minkejja livell għoli ta' kisba tal-edukazzjoni terzjarja, il-provvista tal-kompetenzi mhijiex allinjata biżżejjed mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u r-rati tal-impjegabbiltà għall-gradwati terzjarji reċenti huma fost l-aktar baxxi fl-Ewropa, bi proporzjon sinifikanti impjegati f'impjiegi li ma jitolbux lawrja universitarja. Minbarra dan, minkejja titjib żgħir matul l-aħħar ħames snin, parzjalment sostnut minn inizjattivi biex tiżdied ir-rappreżentanza tal-impriżi fil-bordijiet tat-tmexxija tal-universitajiet, il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-impriżi għadha dgħajfa. Il-mobilità mnaqqsa tal-akkademiċi, ir-riġidità tas-sistema tal-governanza tal-universitajiet u l-ostakli amministrattivi ffaċċati mill-Uffiċċji tat-Trasferiment tar-Riżultati tar-Riċerka (Oficinas de transferencia de resultados de investigación) iżidu l-ostakli għal kooperazzjoni aktar mill-qrib. |
(13) |
Il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni fi Spanja qed tiffaċċa bosta sfidi. L-interazzjoni bejn ir-riċerka pubblika u dik privata hija dgħajfa. L-intensità tar-R&Ż fi Spanja (l-infiq fuq ir-R&Ż relattiv għall-PDG) u l-prestazzjoni tal-innovazzjoni qed ikomplu jonqsu, fl-isfond ta' numru relattivament baxx ta' kumpaniji innovattivi u inċentivi limitati għall-kollaborazzjoni bejn ir-riċerka pubblika u n-negozju. Spanja ma tilħaqx il-livelli ta' prestazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi tal-innovazzjoni tan-negozju. Id-distakk fl-intensità tal-infiq fir-R&Ż meta mqabbel mal-Unjoni kollha huwa partikolarment sinifikanti fir-rigward tal-investiment fir-R&Ż mis-settur privat (0,6 % fi Spanja meta mqabbel ma' 1,3 % fl-Unjoni kollha kemm hi). Il-kapital tar-riskju għadu mhuwiex użat ħafna fi Spanja, b'mod partikolari fl-istadju bikri. Il-koordinazzjoni dgħajfa tal-politiki tar-R&I fi Spanja u x-xenarju reġjonali frammentat ta' korpi u programmi li jippromwovu attivitajiet ta' innovazzjoni u jrawmu l-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozju joħolqu sfidi sinifikanti għan-negozji, speċjalment għal ditti iżgħar. Involviment baxx tan-negozju fl-attivitajiet ta' innovazzjoni jista' jindika nuqqas ta' kapaċità ta' assorbiment, kundizzjonijiet ta' qafas u inċentivi favorevoli għall-innovazzjoni. Kif enfasizzat fl-Evalwazzjoni bejn il-Pari tal-2014 tal-KŻER (il-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka) tas-Sistema tar-Riċerka u l-Innovazzjoni ta' Spanja, il-biċċa l-kbira tas-sistemi pubbliċi tar-riċerka li jiksbu suċċess għandhom livelli ogħla ta' evalwazzjoni u responsabbiltà minn dawk li huma disponibbli fi Spanja. F'dan il-kuntest, l-allokazzjoni ta' finanzjament istituzzjonali pubbliku għall-universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka ġeneralment ma jkunx ibbażat fuq il-prestazzjoni tar-R&Ż, u dan inaqqas l-inċentivi biex jitjiebu l-kwalità u r-rilevanza tal-ħidma xjentifika. |
(14) |
Id-daqs medju żgħir tad-ditti Spanjoli jispjega l-livell persistentement baxx tal-produttività fl-ekonomija. Tkabbir sod, flimkien ma' titjib fil-kapital uman, fl-innovazzjoni, fit-teknoloġija, fl-aċċess għall-finanzi u fil-ġustizzja effiċjenti jistgħu jixprunaw il-produttività aggregata. Fl-2015, l-investiment fin-negozju ssaħħaħ, mirfud minn kundizzjonijiet tad-domanda dinamiċi, spejjeż baxxi tas-self u tkomplija tat-tiswija tal-karta tal-bilanċ mis-settur korporattiv u mill-unitajiet domestiċi. Spanja ħadet diversi miżuri sabiex tiffaċilita t-tkabbir tan-negozju. Pereżempju, liġi reċenti dwar il-finanzjament tan-negozju hija mistennija li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Barra minn hekk, valutazzjoni minn qabel tal-impatt potenzjali li l-leġislazzjoni l-ġdida jkollha fuq l-SMEs issa saret obbligatorja. Madankollu, iż-żmien u l-għadd ta' permessi meħtieġa biex jinbeda negozju u biex jitnedew ċerti attivitajiet ekonomiċi għadhom relattivament għolja. |
(15) |
Id-differenzi konsiderevoli bejn ir-reġjuni fi Spanja fir-rigward ta' prattiki regolatorji, inkluż fuq il-liċenzjar tal-impriżi, jistgħu jillimitaw il-kapaċità tal-impriżi biex jikbru. Il-liġi dwar l-unità tas-suq għandha l-għan li tnaqqas l-ostakli għall-aċċess għall-attivitajiet ekonomiċi u l-eżerċizzju tagħhom madwar ir-reġjuni ta' Spanja u li ttejjeb ir-regolamentazzjoni. Din jista' potenzjalment ikollha impatt sinifikanti fuq it-tneħħija tal-ostakli għall-investiment u tiffaċilita l-għoti ta' liċenzji lil negozji, l-operazzjonijiet tan-negozju u t-tkabbir tal-kumpaniji. L-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-unità tas-suq teħtieġ l-involviment sħiħ tal-amministrazzjonijiet kollha. Madankollu, fit-tielet sena ta' applikazzjoni tagħha, qiegħda tiġi implimentata bil-mod mill-gvernijiet reġjonali. Bl-istess mod, il-benefiċċji tar-riforma tas-settur tal-bejgħ bl-imnut tal-2014 jiddependu fuq li l-gvernijiet reġjonali jadottaw l-atti implimentattivi meħtieġa. Barra minn hekk, l-indirizzar tal-ostakli għall-aċċess għas-settur tas-servizzi professjonali x'aktarx itejjeb il-produttività f'setturi oħra li jużaw dawk l-inputs. Minbarra t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi fil-liġi Spanjola, ma sar l-ebda progress fir-riforma orizzontali tal-qafas regolatorju għall-professjonijiet regolati u l-assoċjazzjonijiet professjonali, minbarra fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni tal-bord professjonali għall-proġetti. Ir-riforma ppjanata fi Programmi Nazzjonali ta' Riforma suċċessivi ma ġietx adottata. Din ir-riforma għandha l-għan li tiddefinixxi l-professjonijiet li jeħtieġu reġistrazzjoni f'organizzazzjoni professjonali, iżżid it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-korpi professjonali, tiftaħ l-attivitajiet riżervati mingħajr ġustifikazzjoni u tħares l-unità tas-suq fl-aċċess għas-servizzi professjonali fi Spanja u fl-eżerċitar tagħhom. |
(16) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-politika ekonomika ta' Spanja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Spanja fi snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Spanja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) ta' hawn taħt. |
(17) |
Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. |
(18) |
Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) ta' hawn taħt. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2016 u fl-2017 biex:
1. |
Tiżgura korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv, f'konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti jew rakkomandazzjonijiet skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv, billi tieħu l-miżuri strutturali meħtieġa u billi tuża kull qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit u tad-dejn. Timplimenta fil-livelli kollha tal-gvern l-għodod stabbiliti fil-liġi ta' qafas fiskali. Ittejjeb il-mekkaniżmi ta' kontroll għall-akkwist pubbliku u l-koordinazzjoni tal-politiki tal-akkwist bejn il-livelli tal-gvern. |
2. |
Tieħu miżuri ulterjuri sabiex ittejjeb l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol, billi tiffoka fuq l-appoġġ individwalizzat u ssaħħaħ l-effettività tal-miżuri ta' taħriġ. Ittejjeb il-kapaċità tas-servizzi tal-impjieg reġjonali u ssaħħaħ il-koordinazzjoni tagħhom mas-servizzi soċjali. Tindirizza n-nuqqasijiet u d-disparitajiet fl-iskemi ta' dħul minimu u ttejjeb l-iskemi ta' appoġġ għall-familja, inkluż l-aċċess għall-indukrar tat-tfal u għall-kura fit-tul. |
3. |
Tieħu miżuri ulterjuri biex ittejjeb ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja, inkluż billi tinċentiva l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-intrapriżi u l-istituzzjoni ta' riċerka. Iżżid il-finanzjament abbażi tal-prestazzjoni ta' korpi ta' riċerka u universitajiet pubbliċi u trawwem l-investiment fir-R&I mis-settur privat. |
4. |
Taċċellera l-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-unità tas-suq fil-livell reġjonali. Tiżgura l-implimentazzjoni mir-reġjuni awtonomi tal-miżuri ta' riforma li ġew adottati għas-settur tal-bejgħ bl-imnut. Tadotta r-riforma ppjanata dwar is-servizzi u l-assoċjazzjonijiet professjonali. |
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
P. KAŽIMÍR
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).
(6) Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.