Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2001

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2001 tal-15 ta' Novembru 2016 dwar kontribut tal-Unjoni għall-istabbiliment u l-ġestjoni sigura ta' Bank tal-Uranju b'Arrikkiment Baxx (LEU) taħt il-kontroll tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

OJ L 308, 16.11.2016, p. 22–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2001/oj

16.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2001

tal-15 ta' Novembru 2016

dwar kontribut tal-Unjoni għall-istabbiliment u l-ġestjoni sigura ta' Bank tal-Uranju b'Arrikkiment Baxx (LEU) taħt il-kontroll tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva ('l-Istrateġija'), li l-Kapitolu III tagħha fiha lista ta' miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni u li jenħtieġ li jittieħdu kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi.

(2)

L-Unjoni qiegħda timplimenta attivament l-Istrateġija u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari bir-rilaxx ta' riżorsi finanzjarji biex tappoġġa proġetti speċifiċi mwettqa minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA).

(3)

L-Artikolu IV tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) jistipula d-dritt inaljenabbli tal-Partijiet kollha għat-TNP li jiżviluppaw ir-riċerka, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi mingħajr diskriminazzjoni u f'konformità mal-Artikoli I u II tat-TNP. Jistipula wkoll li l-Partijiet kollha għat-TNP jimpenjaw rwieħhom li 'jikkooperaw fil-kontribut, waħidhom jew flimkien ma' Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, għall-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjonijiet tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi, speċjalment fit-territorji tal-Istati Partijiet għat- Trattat li ma għandhomx armi nukleari, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-ħtiġijiet taż-żoni fid-dinja li qegħdin jiżviluppaw'.

(4)

L-approċċi multilaterali għaċ-ċiklu ta' kombustibbli nukleari għandhom il-potenzjal li jipprovdu lill-pajjiżi li ddeċidew li jirrikorru għall-enerġija nukleari għal użi paċifiċi b'alternattiva għall-iżvilupp ta' ċikli nazzjonali ta' kombustibbli nukleari, filwaqt li jiġu evitati riskji ta' proliferazzjoni.

(5)

Taħt l-Artikolu III tal-Istatut tagħha, l-IAEA hija awtorizzata li twettaq kwalunkwe operazzjoni, inkluż l-akkwist ta' kombustibbli, servizzi u tagħmir nukleari, u li tistabbilixxi l-faċilitajiet u l-impjanti tagħha, sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni prattika tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi.

(6)

F'Settembru 2006, l-Inizjattiva dwar it-Theddid Nukleari (NTI), organizzazzjoni mhux governattiva indipendenti bbażata fl-Istati Uniti, offriet għotja ta' USD 50 000 000 lill-IAEA biex tgħin toħloq ħażna ta' uranju b'arrikkiment baxx li tkun tal-IAEA u tkun ġestita minnha bil-kondizzjoni li l-Aġenzija tkun tista' tiġbor ammont addizzjonali ta' USD 100 000 000, inklużi għotjiet minn Stati Membri oħrajn tal-IAEA u donaturi oħrajn, u tistabbilixxi riserva ta' kombustibbli nukleari.

(7)

Fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappoġġaw l-istabbiliment u l-ġestjoni sigura ta' bank ta' kombustibbli nukleari mqiegħed taħt il-kontroll tal-IAEA. Huwa ddikjara wkoll li l-Unjoni kienet qiegħda tippjana li tikkontribwixxi sa EUR 25 000 000 għal dak il-proġett, ladarba l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għall-Bank ikunu ġew definiti u approvati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA. Il-Kummissjoni Ewropea diġà pprovdiet EUR 20 000 000 għall-akkwist tal-LEU.

(8)

Fit-3 ta' Diċembru 2010, il-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA adotta r-riżoluzzjoni GOV/2010/70 li tapprova l-istabbiliment ta' Bank tal-Uranju b'Arrikkiment Baxx (LEU) tal-IAEA u afferma li l-operazzjonijiet tal-Bank tal-LEU tal-IAEA jkunu ffinanzjati esklużivament permezz ta' kontributi mhux derivanti mill-baġit.

(9)

Il-paragrafu 15 tal-GOV/2010/67, bit-titlu 'Assigurazzjoni ta' Forniment: L-istabbiliment ta' Bank tal-Uranju b'Arrikkiment Baxx (LEU) tal-IAEA għall-Forniment ta' LEU lill-Istati Membri' jipprevedi li l-Aġenzija 'għandha tkun is-sid tal-LEU fil-Bank tal-LEU tal-IAEA u l-LEU għandu jkun taħt il-kontroll tiegħu u fil-pussess legali formali tiegħu. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-ħażna u l-protezzjoni tal-materjali fil-pussess tagħha billi tiżgura, permezz ta' kwalunkwe Ftehim dwar l-Istat Ospitanti, li l-LEU jkun imħares minn perikli naturali u perikli oħra, tneħħija jew devjazzjoni mhux awtorizzati, ħsara jew qerda, inkluż sabutaġġ, u qbid bil-forza. Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha tiżgura, permezz ta' kwalunkwe Ftehim dwar l-Istat Ospitanti, l-applikazzjoni tas-salvagwardji tal-IAEA għal-LEU fil-bank tal-LEU tal-IAEA, kif ukoll l-applikazzjoni tal-istandards u l-miżuri ta' sikurezza, u l-miżuri għall-protezzjoni fiżika mill-Istat jew Stati Ospitanti'. Il-paragrafu 16 tal-GOV/2010/67 jipprevedi wkoll li 'l-Aġenzija, bl-approvazzjoni tal-Bord, għandha tikkonkludi ma' kwalunkwe Stat Ospitanti Ftehim dwar l-Istat Ospitanti, simili għall-Ftehim preżenti tal-IAEA dwar il-Kwartieri Ġenerali, li għandu jipprevedi s-sikurezza u s-sigurtà u l-kopertura tar-responsabbiltà xierqa tal-faċilità ta' ħażna u għandu jagħti lill-Aġenzija dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma neċessarji għall-operazzjoni indipendenti tal-bank tal-LEU tal-IAEA, inkluż id-dritt li l-LEU jiġi trasportat minn u lejn il-bank tal-LEU tal-IAEA kif determinat mill-Aġenzija f'konformità mal-Istatut u l-ftehim dwar l-Istat jew Stati Ospitanti. Barra minn hekk, jekk meħtieġa, għandhom jiġu konklużi arranġamenti ta' transitu garantiti mal-Istati li huma l-ġirien tal-Istat Ospitanti'.

(10)

Il-Bank tal-LEU tal-IAEA ser ikun ħażna ta' mhux aktar minn 60 ċilindru tat-Tip 30B li jkun fihom l-eżafluworur standard kummerċjali tal-uranju b'arrikkiment baxx. Il-Bank tal-LEU tal-IAEA ser jinsab fil-faċilità ta' ħażna għall-LEU tal-IAEA, ikun operat mill-Impjant Metallurġiku Ulba, u jkun regolat mill-Kumitat għas-Superviżjoni u l-Kontroll tal-Enerġija Atomika tar-Repubblika tal-Każakistan.

(11)

Il-qafas legali bażiku bejn l-IAEA u l-Istat ospitanti, il-Każakistan, ġie konkluż. Il-Ftehim dwar it-Transitu mal-Federazzjoni Russa, approvat mill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA (GOV/2015/36), ġie ffirmat. Id-disinn ta' faċilità ta' ħażna ġdida għall-LEU tal-IAEA tlesta u l-IAEA kkonkludiet li dan jissodisfa d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards tas-sikurezza u l-gwida għas-sigurtà tal-IAEA. Twettqet stima dettaljata tal-kostijiet tal-faċilità ta' ħażna l-ġdida għall-LEU tal-IAEA u ġiet vvalidata b'mod indipendenti. Ġie ffinalizzat Ftehim ta' Sħubija bejn l-IAEA u l-operatur ta' faċilità li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet ta' kooperazzjoni għall-bini tal-Faċilità ta' Ħażna għal-LEU tal-IAEA. L-IAEA issa qiegħda tippjana attivitajiet bi tħejjija għall-akkwist tal-LEU.

(12)

Skont il-Pjan tal-Proġett u Finanzjarju kif deskritt fir-rapport aġġornat mid-Direttur Ġenerali tal-IAEA (GOV/INF/2016/8) 'Assigurazzjoni ta' Forniment: L-istabbiliment ta' Bank tal-Uranju b'Arrikkiment Baxx (LEU) tal-IAEA għall-Forniment ta' LEU lill-Istati Membri', il-kost totali tal-proġett tal-LEU huwa mistenni li jkun EUR 118 863 000,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta' implimentazzjoni immedjata u prattika ta' xi elementi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment u l-ġestjoni sikura ta' Bank tal-Uranju b'Arrikkiment Baxx (LEU) imqiegħed taħt il-kontroll tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika ('IAEA', jew 'l-Aġenzija') sabiex jitnaqqsu r-riskji dejjem jikbru ta' proliferazzjoni li huma kaġun tat-tixrid ta' teknoloġiji sensittivi marbuta maċ-ċiklu tal-kombustibbli nukleari. L-Unjoni għandha twettaq attivitajiet biex tappoġġa l-Bank tal-LEU tal-IAEA, fil-forma ta' riżerva tal-LEU bl-objettivi li ġejjin:

(a)

biex il-pajjiżi jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu IV tat-TNP filwaqt li jiġu evitati riskji ta' proliferazzjoni; u

(b)

biex dan iservi bħala mekkaniżmu tal-aħħar għażla li jappoġġa s-suq kummerċjali mingħajr id-distorsjoni tiegħu, f'każ li l-provvista tal-LEU ta' stat membru tal-IAEA tiġi mfixkla u ma tistax tiġi stabbilita permezz ta' mezzi kummerċjali u li tali stat membru tal-IAEA jissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità.

2.   Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment u l-ġestjoni sigura tal-Bank tal-Uranju b'Arrikkiment Baxx, taħt il-kontroll tal-IAEA, billi tiffinanzja attivitajiet relatati mas-sigurtà, inkluż il-protezzjoni fiżika, it-trasport, il-ħarsien sikur, u l-kontributi lejn il-ġestjoni sigura tal-Bank tal-LEU. Il-proġett għandu jitwettaq għall-benefiċċju tal-pajjiżi kollha li jkunu ddeċidew li jirrikorru għall-enerġija nukleari għal użi paċifiċi.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-IAEA. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tar-RGħ. Għal dan l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-IAEA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 4 362 200.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun ġestita skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan l-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-IAEA. Il-ftehim għandu jistipula li l-IAEA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-IAEA. Dawk ir-rapporti mill-IAEA għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li titwettaq mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 60 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk sa dakinhar ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


ANNESS

Kontribut tal-Unjoni għall-istabbiliment u l-ġestjoni sigura ta' Bank tal-Uranju b'Arrikkiment Baxx (LEU) taħt il-kontroll tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

I.   INTRODUZZJONI

Kuntest

F'Diċembru 2010, id-Direttur Ġenerali tal-IAEA rċieva mandat mill-Bord tal-Gvernaturi biex iniedi l-istabbiliment ta' Bank tal-Uranju b'Arrikkiment Baxx (LEU) u ppreżenta pjan dettaljat għall-istabbiliment u l-ġestjoni sigura tiegħu.

Fl-20 ta' Diċembru 2011, l-IAEA kkonfermat lill-Missjoni Permanenti tal-Każakistan għall-IAEA li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta lill-Aġenzija mill-Każakistan fl-'Espressjoni ta' Interess' tiegħu u b'referenza għar-rekwiżiti mniżżla fid-dokument GOV/INF/2011/7, l-Impjant Metallurġiku Ulba (UMP) kien adattat bħala sit ospitanti għall-Bank tal-LEU tal-IAEA.

Bejn l-2011 u l-2016 twettqu diversi missjonijiet mill-IAEA fil-Każakistan, bl-għan li jivvalutaw il-faċilità UMP u l-qafas regolatorju nazzjonali, biex jiġi żgurat li l-Bank tal-LEU jkun kapaċi jissodisfa d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA. Il-valutazzjonijiet saru fl-oqsma tas-sikurezza tal-faċilità, is-sikurezza sismika, l-istat ta' tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi, is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport, u l-protezzjoni fiżika.

Ġie ffirmat Ftehim dwar l-Istat Ospitanti (HSA) bejn l-IAEA u l-Każakistan fis-27 ta' Awwissu 2015. Dak il-ftehim jistabbilixxi lill-Każakistan bħala l-Istat ospitanti għall-Bank tal-LEU tal-IAEA, u jipprovdi l-qafas legali biex il-Każakistan jiżgura li l-Bank tal-LEU tal-IAEA jiġi ġestit u regolat skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Każakistan u f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA.

Ġie ffirmat ftehim dwar l-operatur tal-faċilità bejn l-IAEA u l-UMP fis-27 ta' Awwissu 2015. Dak il-ftehim jistabbilixxi lill-UMP bħala l-faċilità li fiha ser ikun jinsab il-Bank tal-LEU tal-IAEA, u jipprovdi l-qafas legali biex l-UMP jopera u jiġġestixxi l-Bank tal-LEU tal-IAEA, skont il-liċenzja tiegħu, il-qafas regolatorju nazzjonali, u d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA.

Barra minn hekk, l-IAEA u l-Ministeru għall-Enerġija tal-Każakistan iffirmaw il-Ftehim Tekniku dwar l-arranġamenti speċifiċi li għandhom jiġu implimentati għall-istabbiliment tal-Bank tal-LEU tal-IAEA fil-Każakistan ('il-Ftehim Tekniku'). Il-Ftehim Tekniku jiżgura li kull parti tipprovdi r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet rispettivi tagħha għall-istabbiliment f'waqtu tal-Bank tal-LEU tal-IAEA, inklużi attivitajiet li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA. Taħt il-Ftehim Tekniku, il-partijiet stabbilixxew kumitat konġunt ta' koordinazzjoni (JCC) biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim Tekniku u approvaw pjan ta' attivitajiet speċifiċi (PSA), biex jiġi żgurat l-istabbiliment u t-tħaddim tal-Bank tal-LEU tal-IAEA f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA. Il-Ftehim Tekniku jesiġi li l-attivitajiet jitlestew fuq perijodu ta' sentejn wara l-iffirmar tal-ftehimiet legali, jew sa Settembru 2017.

F'Novembru 2015, l-UMP beda jiddisinja faċilità ġdida ta' ħażna għall-LEU tal-IAEA biex tilqa' fiha l-Bank tal-LEU tal-IAEA. Missjoni tal-IAEA żaret lill-UMP mid-29 ta' Frar sal-4 ta' Marzu 2016 biex teżamina l-progress tad-disinn. Il-missjoni tal-IAEA eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA ġewx meqjusa kif meħtieġ fil-proċess tad-disinn. L-eżami tal-missjoni tal-IAEA ffoka fuq ħames oqsma tekniċi: l-istruttura tal-bini, l-analiżi tas-sikurezza, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, l-istat ta' tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi u s-sigurtà nukleari. L-eżami tad-disinn propost u d-dokumentazzjoni ta' sostenn rilevanti wasslu għall-konklużjoni ġenerali li d-disinn jipprovdi miżuri adegwati biex jiżguraw sikurezza nukleari u gwida għas-sigurtà.

Wara l-ikkompletar tad-disinn u l-eżami tiegħu mill-IAEA, f'Mejju 2016 ġie ffirmat ftehim ta' sħubija bejn l-IAEA u l-UMP. Dak il-ftehim jipprevedi termini tekniċi u finanzjarji fir-rigward tal-istabbiliment tal-Faċilità ta' Ħażna għall-LEU tal-IAEA. Huwa jindika pass importanti fl-istabbiliment tal-Bank tal-LEU tal-IAEA.

F'Mejju 2016, ir-rapport tal-Bord tal-Gvernaturi GOV/INF/2016/8 enfasizza l-progress sinifikanti li sar. Huwa jipprovdi wkoll l-ewwel Proġett bażi komprensiv u l-Pjan Finanzjarju.

Id-dokument GOV/2010/67 tal-Bord tal-Gvernaturi, awtorizza lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA biex jistabbilixxi l-Bank tal-LEU tal-IAEA, kif ukoll esiġa li l-ispejjeż (inklużi l-ispejjeż marbuta mar-riżorsi umani) relatati mal-istabbiliment u t-tħaddim tal-Bank tal-LEU tal-IAEA għandhom ikunu koperti esklużivament minn kontribuzzjonijiet volontarji ekstrabaġitarji, bl-ebda impatt għall-baġit regolari tal-IAEA. Għal dak l-għan, il-proġett tal-Bank tal-LEU tal-IAEA jirrimborża lil diversi diviżjonijiet tal-IAEA għall-kontribut u l-appoġġ tekniku mogħtija lill-esperti u speċjalisti tal-proġett permezz tal-użu ta' Ftehimiet dwar il-Livell ta' Servizz (FLS). Dawk il-ftehimiet, li jiddefinixxu s-servizzi li għandhom jingħataw mid-diviżjonijiet lill-proġett biex jiġi eżegwit il-pjan tal-proġett (inkluż il-PSA), kif ukoll l-ispejjeż għal-livell ta' appoġġ mogħti minn kull Diviżjoni, ġew finalizzati u maqbula f'Marzu 2016.

Mill-1 ta' April 2016, għadd ta' Stati Membri, il-Kummissjoni, l-Inizjattiva dwar it-Theddid Nukleari (NTI), u l-Istitut Dinji tat-Trasport Nukleari (WNTI) wiegħdu fondi li jlaħħqu madwar USD 124 900 000 u EUR 25 000 000, u l-kontribuzzjonijiet riċevuti mill-Aġenzija sa din id-data huma ta' USD 124 900 000 u EUR 20 000 000. Ingħataw kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Inizjattiva dwar it-Theddid Nukleari (USD 50 000 000), l-Istati Uniti (USD 50 000 000), l-Emirati Għarab Magħquda (USD 10 000 000), in-Norveġja (USD 5 000 000), il-Kuwajt (USD 10 000 000), id-WNTI (EUR 10 000) u l-Każakistan (USD 400 000). EUR 20 000 000 mogħtija mill-Kummissjoni huma ddedikati għax-xiri ta' LEU għall-Bank tal-LEU tal-IAEA u sa EUR 5 000 000 ġew imwiegħda għal titjib relatat mas-sigurtà. Il-fondi għal titjib relatat mas-sigurtà (sa EUR 5 000 000) huma soġġetti għal dan l-Anness.

L-istadji prinċipali li jmiss għall-Bank tal-LEU tal-IAEA huma:

(a)

Il-finalizzazzjoni tal-istabbiliment tal-faċilità ta' ħażna għall-LEU tal-IAEA, inkluż it-tlestija tal-kostruzzjoni; konferma li l-bini u t-tagħmir jikkorrispondu għall-intenzjoni tad-disinn u d-dispożizzjonijiet ta' sigurtà u ta' sikurezza applikabbli

(b)

Ftehim dwar programm għall-ġestjoni taċ-ċilindri mal-UMP biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà fit-tul taċ-ċilindri u l-istat tagħhom ta' tlestija għat-trasport

(c)

L-ikkummissjonar tal-faċilità

(d)

L-akkwist tal-LEU tal-IAEA u t-trasport tiegħu lejn il-faċilità ta' ħażna

(e)

Il-bidu tal-operazzjonijiet

Objettivi tal-proġett

Biex jingħata kontribut għall-istabbiliment u l-ġestjoni sigura tal-Bank tal-LEU tal-IAEA, b'mod partikolari billi jiġu żgurati livelli għoljin ta' sigurtà u sikurezza waqt it-trasport u l-ħażna, f'konformità mal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA.

Benefiċċji

Ser jinkisbu l-benefiċċji li ġejjin:

(a)

assigurazzjoni aħjar tal-provvista ta' kombustibbli nukleari b'mod sigur u sikur; u

(b)

tingħata assistenza lill-IAEA biex tiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport ta' LEU mill-mument ta' akkwist sa dak tal-provvista, kif ukoll matul il-ħażna fis-sit tal-Bank tal-LEU.

II   DESKRIZZJONI TAL-ATTIVITAJIET

Il-Bank tal-LEU

Il-Bank tal-LEU tal-IAEA ser ikun jikkonsisti minn stokk fiżiku ta' madwar 90 tunnellata ta' LEU, il-kwantità meħtieġa għal tagħbija waħda inizjali għal reattur modern ta' ilma ħafif (ekwivalenti għal madwar 3 rikarigi ewlenin) għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, flimkien ma' tagħmir u servizzi relatati. L-istokk ikun proprjetà tal-IAEA. Il-Bank tal-LEU tal-IAEA ser jopera skont ċerti kriterji nondiskriminatorji għar-rilaxx tal-LEU għal pajjiż riċevitur. Dawk il-kriterji huma kompatibbli b'mod sħiħ mal-Istatut tal-IAEA u ġew approvati mill-Bord tal-Gvernaturi. Il-faċilità nukleari li tuża l-LEU għandha tkun koperta minn ftehim dwar salvagwardji mal-IAEA, u tkun f'konformità sħiħa ma' dak il-ftehim.

Appoġġ tal-Unjoni

L-Unjoni ser tappoġġa lill-Bank tal-LEU tal-IAEA b'mod komplementari permezz ta' strumenti differenti. Kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 20 000 000 għall-akkwist ta' LEU kienet diġà ngħatat fl-2011 mill-Istrument għall-Istabbiltà.

Din id-Deċiżjoni ser tikkontribwixxi għall-operazzjoni u l-ġestjoni sikura u sigura tal-Bank tal-LEU tal-IAEA. Attivitajiet rilevanti previsti mill-IAEA, li għalihom din id-Deċiżjoni ser tikkontribwixxi finanzjarjament, jistgħu jinkludu:

1.   L-appoġġ tal-Istabbiliment Sikur u Sigur ta' ħażna għad-90 tunnellata ta' LEU

Dan il-punt ikopri l-ispiża tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-pjan tal-proġett, inkluż il-pjan ta' attivitajiet speċifiċi (PSA) għas-sena 2017 u l-attivitajiet ta' segwitu fl-2018. Il-PSA, miftiehem bejn l-IAEA, l-UMP, u l-Kumitat għall-Enerġija Atomika u s-Superviżjoni u l-Kontroll tal-Każakistan, huwa lista ta' attivitajiet meqjusa meħtieġa għat-titjib ta' faċilitajiet, tagħmir, proċeduri, u prattiki biex jiġi żgurat li l-Bank tal-LEU tal-IAEA jiġi stabbilit, maħżun, operat, u protett skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA. Dawn l-attivitajiet ġew żviluppati abbażi ta' diversi valutazzjonijiet, li saru bejn l-2012 u l-2016. B'mod partikolari, f'Jannar 2016 missjoni tal-Aġenzija identifikat ukoll xi tagħmir estrinsiku ieħor li ser ikun meħtieġ biex il-faċilità ta' ħażna tkun tista' tiġi operata skont l-Istandards tal-IAEA għal stat ta' tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi.

L-attivitajiet jinkludu l-iżvilupp ta' proċeduri għal operazzjonijiet sikuri u siguri, l-akkwist ta' tagħmir għal stat ta' tħejjija u rispons għall-emerġenzi u tagħmir għall-protezzjoni mir-radjazzjoni, u li jingħata taħriġ assoċjat; it-twettiq ta' sessjonijiet ta' ħidma dwar temi ta' sigurtà rilevanti għall-Bank tal-LEU tal-IAEA (eż., il-kultura tas-sigurtà nukleari); l-osservazzjoni ta' eżerċizzji ta' emerġenza fil-faċilità; u attivitajiet ta' valutazzjoni ta' segwitu biex tiġi vvalidata l-konformità tat-titjib mal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA qabel l-ikkummissjonar.

Il-LEU ser jitqiegħed fil-faċilità ta' ħażna għall-LEU tal-IAEA biss meta l-IAEA tkun sodisfatta li l-Bank tal-LEU tal-IAEA jkun ġie stabbilit u jikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA. Għalhekk, l-Aġenzija ser twettaq missjoni ta' konferma, ippjanata għas-sajf tal-2017, sabiex tikkonferma li l-bini kkompletat u t-tagħmir ewlieni tiegħu jikkorrispondu għall-intenzjoni tad-disinn u li tkun f'postha l-infrastruttura kollha meħtieġa biex ikunu sodisfatti d-dispożizzjonijiet ta' sikurezza u sigurtà applikabbli.

Fuq perijodu ta' sentejn il-baġit ser jinkludi l-ispejjeż tal-ippjanar, l-eżekuzzjoni, l-appoġġ, u r-rapportar dwar il-pjan tal-proġett u l-attivitajiet tal-PSA, li jinkludu l-ispejjeż li jkopru r-riżorsi umani tal-IAEA biex jiġi żgurat li, f'konformità mal-mandat tal-proġett tal-Bank tal-LEU tal-IAEA, ma jintuża l-ebda fond mill-baġit regolari.

2.   L-iżgurar tat-trasport sigur ta' 90 tunnellata ta' LEU

Huwa mistenni li 90 tunnellata ta' LEU ser jiġu ttrasportati mill-faċilità tal-bejjiegħ, jew bejjiegħa, għall-Impjant Metallurġiku Ulba, f'Oskemen, il-Każakistan, fejn ser ikun jinsab il-Bank tal-LEU tal-IAEA. Il-vjeġġi ta' LEU li jgħaddu minn diversi ġurisdizzjonijiet iridu jissodisfaw kull rekwiżit ta' dokumentazzjoni, assigurazzjoni, approvazzjoni ta' transitu, u ta' mmarkar, inkluż ir-rekwiżiti tal-Istati marbuta mal-protezzjoni fiżika li jinsabu fil-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti żviluppati taħt il-patroċinju tal-IAEA, u r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). L-infiq assoċjat mat-trasport tal-LEU ser jiddependi fuq il-pożizzjoni ġeografika tal-bejjiegħ tal-LEU u d-distanzi tat-trasport fuq l-art u dak marittimu bejn il-bejjiegħ u l-Impjant Metallurġiku Ulba (UMP) fil-Każakistan, u l-għadd ta' portijiet ta' waqfa u transiti transkonfinali meħtieġa biex titwettaq il-konsenja. Dan il-punt jinkludi l-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet tekniċi mal-uffiċjali tal-IAEA u l-kontribut ta' esperti esterni speċjalizzati; l-ippjanar u s-sorveljanza tat-trasport; l-assigurazzjoni; il-kiri ta' bastiment għat-trasport marittimu għal sigurtà msaħħa; konsultazzjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskji ta' sigurtà tar-rotot tat-trasport u l-ippjanar; kif ukoll il-gwardja matul it-trasport marittimu, il-portijiet ta' waqfa u l-postijiet ta' transitu.

3.   L-iżgurar tal-ħżin fit-tul tad-90 tunnellata ta' LEU

L-LEU ser ikun jinsab f'faċilità ta' ħażna ddedikata fit-territorju tal-UMP, li jinsab f'Oskemen, il-Każakistan. L-LEU tal-IAEA għandu jinħażen f'ċilindri 30B. L-operatur tal-faċilità, f'isem l-IAEA, ser ikun responsabbli għall-ħżin u l-protezzjoni tal-LEU, f'konformità mal-Istandards ta' Sikurezza u l-Linji Gwida tas-Sigurtà tal-IAEA. Dan jinkludi x-xiri taċ-ċilindri 30B, li ser jipprovdu l-ħżin fiżikament sikur u sigur tal-LEU. L-istudji dwar is-sikurezza jindikaw li dawn ir-reċipjenti jipprovdu ħżin robust u sikur sa 50 sena. Barra milli tipprovdi s-sikurezza, il-ħxuna tal-ħitan taċ-ċilindri u d-disinn ġenerali taċ-ċilindri jikkontribwixxu għall-protezzjoni fiżika minn sabutaġġ u serq.

Attività ewlenija biex jiġi żgurat il-ħżin fit-tul tal-LEU hija l-implimentazzjoni ta' programm għall-ġestjoni taċ-ċilindri, inkluż l-ispezzjoni u ċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid regolari taċ-ċilindri 30B fil-ħażna, għall-konformità mal-istandard tal-ISO 7195, kif ukoll għall-assigurazzjoni tat-tlestija għal trasport lejn l-Istati Membri. Dan jeħtieġ l-akkwist ta' servizzi għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid taċ-ċilindri minn spetturi awtorizzati kif ukoll servizzi minn persunal tal-UMP biex jappoġġaw l-eżekuzzjoni tal-ittestjar.

Barra minn hekk, matul il-ħżin fit-tul tal-LEU tal-IAEA, l-IAEA ser twettaq attivitajiet ta' monitoraġġ u oħrajn ad hoc regolari, inkluż l-irċevuta, ir-rieżami u l-verifika tar-rapporti annwali tal-UMP. Dawn ser jinkludu laqgħat annwali mal-UMP biex jiġu analizzati l-attivitajiet ta' sikurezza u ta' sigurtà marbuta mal-Bank tal-LEU tal-IAEA, kif ukoll tipi oħra ta' missjonijiet fl-UMP biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istandards ta' sikurezza u l-linji gwida tas-sigurtà tal-IAEA jibqgħu jiġu applikati lill-Bank tal-LEU tal-IAEA.

Dan il-punt ser ikopri perijodu ta' 5 snin.

III.   DURATA

Il-perijodu stmat għall-implimentazzjoni tal-proġett huwa ta' 60 xahar, li jibdew mal-iffirmar tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3.

IV.   BENEFIĊJARJI

Il-benefiċjarji tal-proġett f'din id-Deċiżjoni huma kollha stati riċevituri eliġibbli għas-servizzi tal-Bank tal-LEU tal-IAEA, u jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-Bank tal-LEU kif stabbilit mill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA.

V.   ENTITÀ TA' IMPLIMENTAZZJONI

L-IAEA ser tiġi nkarigata bl-implimentazzjoni teknika tal-proġett, kif deskritta hawn fuq, taħt il-kontroll tar-RGħ. Il-proġett ser jiġi implimentat direttament minn persunal tal-IAEA, esperti minn awtoritajiet nukleari nazzjonali oħra, u minn kuntratturi. Fil-każ ta' kuntratturi, l-akkwist ta' kwalunkwe prodott, xogħol jew servizz mill-IAEA fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni ser isir kif deskritt fil-ftehim ta' finanzjament li ser jiġi konkluż mill-Kummissjoni mal-IAEA.

VI.   RAPPURTAR

L-entità ta' implimentazzjoni ser tħejji:

(a)

rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-proġett;

(b)

rapport finali mhux aktar tard minn xahrejn wara t-tmiem tal-implimentazzjoni tal-proġett.

Ir-rapporti ser jintbagħtu lir-RGħ.


Top