Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1371

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1371 tal-10 ta' Awwissu 2016 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta tal-UE għall-kompjuters, għal-laptops u għat-tablets (notifikata bid-dokument C(2016) 5010) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/5010

OJ L 217, 12.8.2016, p. 9–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1371/oj

12.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 217/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1371

tal-10 ta' Awwissu 2016

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta tal-UE għall-kompjuters, għal-laptops u għat-tablets

(notifikata bid-dokument C(2016) 5010)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 6(7) u 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Unjoni Ewropea għat-Tikkettar Ekoloġiku,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' tingħata lil dawk il-prodotti b'impatt ambjentali mnaqqas matul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE skont il-gruppi tal-prodotti.

(3)

Sabiex ikun rifless aħjar l-avvanz fis-suq ta' dan il-grupp ta' prodotti u jitqiesu l-innovazzjonijiet, jixraq li jinbidel il-kamp ta' applikazzjoni tal-grupp ta' prodotti u li jiġi stabbilit sett rivedut ta' kriterji ekoloġiċi.

(4)

B'mod separat, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/330/UE (2) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/337/UE (3) jindirizzaw il-kompjuters u l-laptops. Jixraq li l-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2011/330/UE u 2011/337/UE jitwaħħdu fi kriterju wieħed ħalli jonqos il-piż amministrattiv għall-korpi kompetenti u għall-applikanti. Barra minn hekk, il-kriterji riveduti jirriflettu twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni biex jiġu indirizzati prodotti ġodda bħat-tablets u l-kompjuters portabbli komprensivi, kif ukoll rekwiżiti ġodda dwar is-sustanzi perikolużi li ddaħħlu bir-Regolament (KE) Nru 66/2010 wara li saru d-Deċiżjonijiet 2011/330/UE u 2011/337/UE.

(5)

B'mod partikolari, il-kriterji għandhom l-għan li jippromwovu prodotti b'inqas impatt ambjentali u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tul iċ-ċiklu ta' ħajjithom, li jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ikunu sodi, jistgħu jissewwew u jiġu aġġornati, li jkunu faċli biex jiżżarmaw u jiġu rkuprati r-riżorsi mir-riċiklaġġ meta ma jibqgħux aktar utli, filwaqt li jkunu jillimitaw kemm jista' jkun il-preżenza ta' sustanzi perikolużi (4). L-Ekotikketta għandha tippromwovi prodotti li jkollhom prestazzjoni mtejba b'rabta ma' dawn l-aspetti. Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta' prodotti “kompjuters, laptops u tablets”.

(6)

Il-kriterji jippromwovu wkoll id-dimensjoni soċjali tal-iżvilupp sostenibbli billi jdaħħlu rekwiżiti rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol f'impjanti tal-immuntar finali, b'referenza għad-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji rigward l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO), il-Patt Globali tan-NU, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali.

(7)

Il-kriterji l-ġodda, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u verifika relatati magħhom, għandhom ikunu validi għal tliet snin mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu tal-innovazzjoni għal dan il-grupp ta' prodotti.

(8)

Id-Deċiżjonijiet 2011/330/UE u 2011/337/UE għandhom jinbidlu b'din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-produtturi tal-prodotti li jkunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-kompjuters u għal-laptops skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2011/330/UE u 2011/337/UE għandhom jingħataw perjodu ta' tranżizzjoni biex ikollhom ħin biżżejjed ħalli jadattaw il-prodotti tagħhom u jġibuhom konformi mal-kriterji u r-rekwiżiti riveduti.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-grupp ta' prodotti ta' “kompjuters, laptops u tablets” għandu jinkludi l-kompjuters desktop, il-kompjuters desktop integrati, il-kompjuters portabbli komprensivi, il-laptops, il-laptops 2-in-1, it-tablets, it-terminals ħfief, il-workstations u s-servers fuq skala żgħira.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-consoles tal-logħob u l-inkwatri diġitali ma għandhomx jitqiesu bħala kompjuters.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet, kif jispeċifika r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 (5) u l-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni msemmi fir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) kif emendat b'Energy Star v6.1 (7):

(1)

“Kompjuter” tfisser tagħmir li jwettaq operazzjonijiet loġiċi u jipproċessa d-dejta u normalment jinkludi unità ċentrali tal-ipproċessar (is-CPU) biex twettaq l-operazzjonijiet, jew jekk ma jkollux CPU, l-apparat irid jaħdem bħala client gateway għal server li jaġixxi ta' unità komputazzjonali tal-ipproċessar. Għalkemm il-kompjuters kapaċi jużaw it-tagħmir tal-input, bħat-tastiera, il-maws jew it-touchpad, u juru l-informazzjoni fuq skrin, dan it-tagħmir m'għandux għalfejn ikun inkluż mal-kompjuter meta jiġi konsenjat.

(2)

“Kompjuter desktop” tfisser kompjuter li l-unità prinċipali tiegħu tkun maħsuba biex tibqa' f'post permanenti u mhux iddisinjat biex jinġarr, filwaqt li jkun iddisinjat biex jitħaddem flimkien ma' skrin, tastiera u maws. Il-kompjuters desktop huma ddisinjati għal firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet domestiċi u tal-uffiċċju.

“Kompjuter desktop integrat” tfisser kompjuter desktop li jkollu l-kompjuter u l-iskrin integrati fi struttura waħda u jaħdem daqslikieku unità waħda, u jkun imqabbad mas-sors tal-elettriku AC b'kejbil wieħed. Il-kompjuters desktop integrati għandhom żewġ għamliet:

(a)

sistema li fiżikament tgħaqqad il-kompjuter u l-iskrin f'unità waħda; jew

(b)

sistema ppakkjata daqslikieku sistema unika bi skrin li jkun separat iżda mqabbad mal-qafas prinċipali b'wajer tal-kurrent dirett, u kemm il-kompjuter kif ukoll l-iskrin jingħataw il-kurrent minn provvista waħda tal-elettriku.

(3)

“Kompjuters portabbli komprensivi” tfisser tagħmir tal-kompjuter iddisinjat għall-portabbiltà limitata li jkun jissodisfa kull wieħed minn dawn il-kriterji:

(a)

Il-prodott ikollu skrin integrat, bi 17,4-il pulzier dijagonali jew aktar;

(b)

Fil-mod kif jiġi konsenjat, il-prodott ma jkollux tastiera integrata mal-istruttura fiżika tiegħu;

(c)

Bħala input ikollu u jistrieħ l-aktar fuq it-touchscreen (u xi drabi jkollu tastiera);

(d)

Ikollu konnessjoni tan-netwerk wireless;

(e)

Ikollu batterija interna, iżda ikun maħsub l-aktar biex jitħaddem b'konnessjoni mas-sors tal-elettriku AC.

(4)

“Laptop” tfisser kompjuter iddisinjat speċifikament biex jinġarr u biex jitħaddem għal ħin twil b'konnessjoni diretta mas-sors tal-elettriku AC jew mingħajrha. Il-laptops jużaw skrin integrat, tastiera mekkanika li ma tinqalax (b'tasti fiżiċi li jiċċaqilqu), u tagħmir għall-ippuntar, u kapaċi jitħaddmu b'batterija rikarikabbli integrata jew b'sors portabbli ieħor tal-enerġija. Ħafna drabi l-laptops huma ddisinjati biex jaqdu l-istess funzjoni tal-kompjuters desktop, u jħaddmu softwers b'funzjoni simili bħal tal-kompjuters desktop.

Kompjuter portabbli b'touchscreen riversibbli iżda li ma jinqalax u b'tastiera fiżika integrata jista' jitqies bħala laptop.

(a)

“Terminal ħafif mobbli” tfisser tip ta' kompjuter li jissodisfa d-definizzjoni ta' terminal ħafif, iżda li jkun iddisinjat speċifikament biex jinġarr u jissodisfa wkoll id-definizzjoni ta' laptop. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, dawn il-prodotti qed jitqiesu bħala laptops.

(b)

“Laptop 2-in-1” tfisser kompjuter li jixbah lil-laptop tal-għamla msejħa “clamshell” għax ikun jinfetaħ qisu arzella u jkollu tastiera fiżika, iżda jkollu touchscreen li jista' jinqala' u meta jinqala' jkun jista' jitħaddem bħala tablet separat, iżda l-partijiet tat-tastiera u tal-iskrin tal-prodott iridu jiġu konsenjati bħala unità integrata. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-laptops 2-in-1 qed jitqiesu bħala laptops.

(5)

“Tablet” tfisser tagħmir tal-kompjuter iddisinjat biex jinġarr li jkun jissodisfa kull wieħed minn dawn il-kriterji:

(a)

Il-prodott ikollu skrin integrat, akbar minn 6,5 pulzieri dijagonali u iżgħar minn 17,4-il pulzier dijagonali

(b)

Fil-mod kif jiġi konsenjat, il-prodott ma jkollux tastiera fiżika integrata miegħu;

(c)

Bħala input ikollu u jistrieħ l-aktar fuq it-touchscreen (u xi drabi jkollu tastiera);

(d)

Ikollu u jistrieħ l-aktar fuq konnessjoni tan-netwerk wireless (eż. Wi-Fi, 3G, eċċ.);

(e)

Ikollu u jitħaddem l-aktar b'batterija rikarikabbli interna (b'konnessjoni mas-sors tal-elettriku AC biex tiġi ċċarġjata l-batterija aktar milli bħala provvista tal-elettriku għat-tagħmir).

(6)

“Server fuq skala żgħira” tfisser kompjuter li ħafna drabi juża l-komponenti tal-kompjuters desktop bil-għamla ta' tagħmir desktop, iżda li jkun iddisinjat l-aktar biex jaħżen id-dejta ta' kompjuters oħrajn. Fost il-funzjonijiet, is-servers fuq skala żgħira huma ddisinjati biex jagħtu servizzi tal-infrastruttura tan-netwerk u jilqgħu id-dejta/midja. Bħala funzjoni ewlenija, dawn il-prodotti mhumiex iddisinjati biex jipproċessaw l-informazzjoni għal sistemi oħra jew biex iħaddmu s-servers tal-Internet. Server fuq skala żgħira jkollu dawn il-karatteristiċi:

(a)

Ikun iddisinjat fl-għamla ta' pedestall, torri, jew f'xi għamla oħra simili għal dik tal-kompjuters desktop ħalli l-ipproċessar kollu tad-dejta, il-ħażna, u l-interfaċċar tan-netwerk ikunu miġbura f'kaxxa waħda jew fi prodott wieħed;

(b)

Ikun iddisinjat sabiex jaħdem 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, u kemm jista' jkun mingħajr waqfien mhux skedat (fil-65 ordni ta' sigħat/sena);

(c)

Ikun kapaċi jaħdem b'ħafna utenti f'daqqa u jaqdi bosta utenti permezz ta' unitajiet tal-klijenti f'netwerk; u

(d)

Is-sistema operattiva tkun iddisinjata għal applikazzjonijiet ta' servers domestiċi jew low-end, inklużi l-Windows Home Server, il-Linux, il-UNIX, u s-Solaris.

(7)

“Terminal ħafif” tfisser kompjuter bi provvista tal-elettriku indipendenti li jistrieħ fuq il-konnessjoni ma' riżorsi informatiċi mbiegħda biex ikollu funzjonalità. Il-funzjonijiet ewlenin tiegħu jitwettqu permezz ta' riżorsi informatiċi mbiegħda. It-terminals ħfief li tkopri din l-ispeċifikazzjoni huma limitati għal tagħmir mingħajr l-ebda midja tal-ħażna rotazzjonali integrali għall-kompjuter u maħsuba biex jibqgħu f'post permanenti u mhux biex jinġarru.

(a)

“Terminal ħafif integrat” tfisser terminal ħafif li jkollu l-ħardwer u l-iskrin imqabbdin mas-sors tal-elettriku AC b'kejbil wieħed. It-terminals ħfief integrati jistgħu jkunu sistema li fiżikament tgħaqqad il-kompjuter u l-iskrin f'unità waħda jew sistema ppakkjata daqslikieku sistema unika bi skrin li jkun separat iżda mqabbad mal-qafas prinċipali b'wajer tal-kurrent dirett, u kemm il-kompjuter kif ukoll l-iskrin jingħataw il-kurrent minn provvista waħda tal-elettriku. Bħala sottokategorija tal-terminals ħfief, normalment it-terminals ħfief integrati jiġu ddisinjati biex jipprovdu l-istess funzjonijiet bħat-terminals ħfief.

(b)

“Terminal ultra-ħafif” tfisser kompjuter b'inqas riżorsi lokali minn terminal ħafif standard li jibgħat l-inputs mhux ipproċessati tal-maws u tat-tastiera lil riżorsi informatiċi mbiegħda u jirċievi mingħandhom vidjow mhux ipproċessat. It-terminals ultra-ħfief, la jistgħu jingħaqdu f'daqqa ma' tagħmir multipli u lanqas jistgħu iħaddmu applikazzjoni mbiegħda f'windows għax it-tagħmir m'għandux sistema operattiva tal-klijent aċċessibbli għall-utenti (jiġifieri jaħdem f'livell lil hinn mill-firmwer, u allura mhuwiex aċċessibbli għall-utent).

(8)

“Workstation” tfisser kompjuter bi prestazzjoni għolja u maħsub għal utent wieħed li jintuża l-aktar għall-grafika, il-Kompjuter Aided Design (CAD), l-iżvilupp tas-softwer, applikazzjonjiet finanzjarji u xjentifiċi, fost bosta ħidmiet oħra li jeħtieġu komputazzjoni intensiva. Il-workstations li tkopri din l-ispeċifikazzjoni jiġu kummerċjalizzati bħala workstations; ikollhom ħin medju bejn il-ħsarat (MTBF) ta' mill-anqas 15 000 siegħa (ibbażat fuq il-Bellcore TR-NWT-000332, ħarġa nru 6, 12/97 jew fuq dejta miġbura fuq il-post); u jkunu kapaċi jieħdu l-kodiċi ta' korrezzjoni tal-iżbalji (ECC) u/jew memorja buffer. Barra minn hekk, workstation għandu jissodisfa tlieta jew aktar minn dawn il-kriterji:

(a)

Ikun jista' jipprovdi elettriku supplimentari għall-grafika mill-aktar avvanzata (bħal lok fejn jitqabbad sors supplimentari tal-elettriku PCI-E 6-pin 12 V);

(b)

Il-wiring ikun maħsub għal sistema b'akbar mill-konnessjonijiet serjali x4 PCI-E fuq il-motherboard, minbarra l-islottijiet tal-grafika u/jew il-kapaċità għall-PCI-X;

(c)

Ma jiħux il-grafika tal-Uniform Memory Access (UMA);

(d)

Ikollu 5 slottijiet jew aktar tal-PCI, PCIe jew PCI-X;

(e)

Ikun jiflaħ jieħu multi-proċessuri sa żewġ proċessuri jew aktar, ikun jista' jieħu pakketti/plakek tal-proċessur fiżikament separati, jiġifieri dan ir-rekwiżit ma jkunx jista' jiġi ssodisfat jekk it-tagħmir ikun jieħu biss proċessur multicore wieħed; u/jew

(f)

Ikun ikkwalifika għal 2 ċertifikazzjonijiet tal-prodott minn Bejjiegħa Indipendenti tas-Software (ISVs);

(9)

Għall-finijiet ta' definizzjoni ta' sottoprodott u fid-definizzjonijiet ta' “laptop” u “laptop 2-in-1” għandha tapplika din id-definizzjoni addizzjonali:

“Sublaptop” tfisser tip ta' laptop li jkollu ħxuna anqas minn 21 mm u jiżen inqas minn 1,8 kg. Laptop 2-in-1 (ara d-definizzjoni separata fl-Artikolu 2(4)(b)) bil-għamla ta' sublaptop ikollu ħxuna anqas minn 23 mm. Is-sublaptops jinkorporaw proċessuri b'qawwa baxxa u diski bi stat solidu. Ġeneralment id-diski ottiċi ma jkunux inkorporati. Il-batterija rikarikabbli tagħhom isservi aktar minn dik tal-laptops: normalment aktar minn 8 sigħat.

Artikolu 3

Il-kriterji biex tingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 għal prodott li jinsab fil-grupp ta' prodotti “kompjuters, laptops u tablets” kif definit fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni u l-verifika relatati magħhom huma stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Il-kriterji u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati magħhom stabbiliti fl-Anness għandhom jibqgħu validi għal tliet snin minn meta tiġi adottata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Għall-finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi mogħti lill-grupp ta' prodotti “kompjuters, laptops u tablets” għandu jkun “050”.

Artikolu 6

Id-Deċiżjonijiet 2011/330/UE u 2011/337/UE għandhom jitħassru.

Artikolu 7

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika wara xahrejn minn meta tiġi adottata. Madankollu, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fil-grupp ta' prodotti “kompjuters, laptops u tablets” li jitressqu matul ix-xahrejn mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jissejsu fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2011/330/UE u 2011/337/UE jew fuq il-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li jissejsu fuqhom.

2.   L-Ekotikketti mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2011/330/UE u 2011/337/UE jistgħu jintużaw għal 12-il xahar mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/330/UE tas-6 ta' Ġunju 2011 dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-Kompjuters Notebook (ĠU L 148, 7.6.2011, p. 5).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/337/UE tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-Kompjuters Personali (ĠU L 151, 10.6.2011, p. 5).

(4)  Sustanzi bi klassifikazzjonijiet tal-periklu stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1) (“ir-Regolament CLP”) u li jkunu ġew identifikati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1) (“ir-Regolament REACH”).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 tat-26 ta' Ġunju 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ekodisinn għall-kompjuters u s-servers informatiċi (ĠU L 175, 27.6.2013, p. 13).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar programm tal-Unjoni ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1402 tal-15 ta' Lulju 2015 li tiddetermina l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' deċiżjoni tal-entitajiet amministrattivi skont il-ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta' programmi ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju dwar ir-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet għall-kompjuters inklużi fl-Anness C tal-Ftehim (ĠU L 217, 18.8.2015, p. 9).


ANNESS

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE U R-REKWIŻITI TAL-VALUTAZZJONI U L-VERIFIKA

Kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-kompjuters, għal-laptops u għat-tablets:

1.

Il-konsum tal-enerġija

(a)

Il-konsum totali tal-enerġija tal-kompjuter

(b)

Il-ġestjoni tal-enerġija

(c)

Il-kapaċitajiet tal-grafika

(d)

Il-provvisti interni tal-enerġija

(e)

L-iskrins bi prestazzjoni mtejba

2.

Sustanzi u taħlitliet perikolużi fil-prodott, fis-subassemblaġġi u fil-partijiet komponenti

(a)

Restrizzjonijiet fuq is-Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna (l-SVHCs)

(b)

Restrizzjonijiet fuq il-preżenza ta' sustanzi perikolużi speċifiċi

(c)

Restrizzjonijiet imsejsa fuq il-klassifikazzjonijiet tal-periklu tas-CLP

3.

Estensjoni tat-tul tal-ħajja

(a)

L-ittestjar tad-durabbiltà għall-kompjuters portabbli

(b)

Il-kwalità u t-tul tal-ħajja tal-batterija rikarikabbli

(c)

L-affidabbiltà u l-protezzjoni tad-disk għall-ħżin tad-dejta

(d)

L-aġġornabbiltà u r-riparabbiltà

4.

Id-disinn, l-għażla tal-materjal u l-ġestjoni ta' tmiem il-ħajja tal-oġġetti

(a)

L-għażla tal-materjal u l-kompatibbiltà mar-riċiklaġġ

(b)

Id-disinn għaż-żarmar u r-riċiklaġġ

5.

Ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpanniji

(a)

Il-provenjenza ta' minerali “mingħajr kunflitt”

(b)

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem waqt il-manifattura

6.

L-informazzjoni għall-utent

(a)

L-istruzzjonijiet għall-utent

(b)

It-tagħrif li jidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Valutazzjoni u verifika: Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f'kull kriterju.

Meta l-applikant jintalab jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra sabiex juri li hemm konformità mal-kriterji, dawn jistgħu jiġu mingħand l-applikant u/jew mingħand il-fornituri tiegħu u/jew tagħhom, u/jew mingħand korpi terzi taċ-ċertifikazzjoni u tal-ittestjar, kif ikun xieraq.

Meta possibbli, il-verifika għandhom jagħmluha l-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jkun akkreditahom korp nazzjonali tal-akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq. Il-Korpi Kompetenti għandhom jirrikonoxxu preferenzjalment:

Ir-rapporti tat-testijiet li joħorġu l-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jkunu akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar,

Il-verifiki li jagħmlu l-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jkunu akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi,

Il-verifiki li jagħmlu l-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jkunu akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jwettqu l-ispezzjonijiet.

Meta xieraq, jistgħu jintużaw metodi oħrajn tal-ittestjar, minbarra dawk indikati għal kull kriterju, diment li dawn ikunu deskritti fil-manwal tal-utenti għall-applikazzjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta u diment li l-Korp Kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Meta xieraq, il-Korpi Kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' sostenn u jistgħu jagħmlu verifiki indipendenti.

Jekk isiru bidliet fil-fornituri u fis-siti tal-produzzjoni li jappartjenu għal prodotti li għalihom tkun inħarġet l-Ekotikketta, dawn għandhom jiġu mgħarrfa lill-Korpi Kompetenti, u għandha tingħata l-informazzjoni sabiex tkun tista' tiġi vverifikata l-konformità kontinwa mal-kriterji.

Il-kriterju 1. Il-konsum tal-enerġija

1(a)   Il-konsum totali tal-enerġija tal-kompjuter

Il-konsum totali tal-enerġija tal-kompjuter għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 106/2008 u kif emendat bl-Energy Star v6.1.

Jistgħu jiġu applikati l-aġġustamenti funzjonali speċifikati fil-ftehim kif emendat bl-Energy Star v6.1, ħlief għal:

Unitajiet tal-Ipproċessar tal-Grafika (GPUs) distinti: Ara s-subkriterju 1(c);

Provvisti interni tal-enerġija: Ara s-subkriterju 1(d).

Għal skrins integrati bi prestazzjoni mtejba għandu japplika rekwiżit addizzjonali speċifiku li hemm fis-subkriterju 1(e).

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jressaq rapport tat-test għal mudell tal-kompjuter li jkun sar skont il-metodi tal-ittestjar tal-kompjuters imsemmija fl-Energy Star v6.1. Fl-Istati Uniti tal-Amerka, ir-reġistrazzjonijiet tal-Energy Star v6.1 għandhom jiġu aċċettati diment li jkun sar ittestjar skont ir-rekwiżiti Ewropej tal-enerġija tal-input.

1(b)   Il-ġestjoni tal-enerġija

Il-funzjonijiet tal-ġestjoni tal-enerġija għandhom jingħataw bħala setting awtomatiku. Kull darba li utent jew xi softwer jipprova jiddiżattiva l-funzjonijiet awtomatiċi tal-ġestjoni tal-enerġija, għandha tfeġġ twissija li lill-utent turih li se tiġi diżattivata funzjoni tal-iffrankar tal-enerġija u tagħtih l-għażla li jżomm din il-funzjoni awtomatika.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi d-deskrizzjoni tas-settings tal-ġestjoni tal-enerġija li tidher fil-mudell tal-manwal tal-utent, flimkien ma' screenshots b'eżempji ta' meta jidhru t-twissijiet.

1(c)   Il-kapaċitajiet tal-grafika

It-Tolleranzi tal-Aġent li Jżid il-Funzjonijiet TECgrafika għal graphics cards distinti (dGfx) fil-kompjuters desktop, fil-kompjuters desktop integrati u fil-laptops ta' Table 1 għandhom japplikaw minflok dawk fil-kriterji tal-eliġibbiltà tal-Energy Star v6.1. Id-dGfx għandu jkollhom il-ġestjoni tal-enerġija li titfi l-Proċessur tal-Grafika (GPU) għal qagħda wieqfa fit-tul

Tabella 1

It-Tolleranzi tal-Aġent li Jżid il-Funzjonijiet għal graphics cards distinti (dGfx) fil-kompjuters desktop, fil-kompjuters desktop integrati u fil-laptops

Il-kategorija tad-dGfx (Gigabytes/sekonda) (2)

It-tolleranzi TEC (kWh/sena)

Kompjuters desktop u kompjuters desktop integrati

Laptops

G1 (FB_BW ≤ 16)

30

9

G2 (16 < FB_BW ≤ 32)

37

12

G3 (32 < FB_BW ≤ 64)

47

20

G4 (64 < FB_BW ≤ 96)

62

25

G4 (96 < FB_BW ≤ 128)

76

38

G6 (FB_BW > 128 b'wisa' tad-dejta < 192 bit)

76

38

G7 (FB_BW > 128 b'wisa' tad-dejta ≥ 192 bit)

90

48

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-Energy Star v6.1 ibbażata fuq tolleranzi aktar stretti u jipprovdi dejta ta' sostenn dwar il-kalkolu ETEC_MAX u l-prestazzjoni mir-rapport tat-test tal-mudell.

1(d)   Il-provvisti interni tal-enerġija

Il-provvisti interni tal-enerġija tal-kompjuters desktop u tal-kompjuters desktop integrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tolleranza TECPSU tal-Energy Star v6.1 u għandhom jilħqu l-effiċjenzi minimi bħala proporzjon tal-kurrent output nominali ta' 0,84 sa 10 %, 0,87 sa 20 %, 0,90 sa 50 % u 0,87 sa 100 %.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-provvista interna tal-enerġija tal-mudell sostnuta bil-kalkolu ETEC_MAX tal-Energy Star v6.1 tal-prodotti u jipprovdi dejta dwar il-prestazzjoni mir-rapport tat-test tal-mudell jew ċertifikazzjoni indipendenti tal-prestazzjoni tal-provvista tal-enerġija.

1(e)   L-iskrins bi prestazzjoni mtejba

Il-kompjuters desktop integrati u l-laptops li jkollhom skrins bi prestazzjoni mtejba kif definit bl-Energy Star v6.1 u allura li jikkwalifikaw għat-tolleranza TECINT_DISPLAY għandhom jaġġustaw awtomatikament il-luminożità tal-istampa għall-kundizzjonijiet tad-dawl ambjentali. Din il-funzjoni tal-Kontroll Awtomatiku tal-Luminożità (ABC) trid tiġi ssettjata bħala l-funzjoni awtomatika u trid issir b'tali mod li l-utenti jkunu jistgħu jaġġustaw u jikkalibraw. Il-funzjoni awtomatika tal-ABC għandha tiġi validata skont din il-proċedura tat-test:

Test (i)

Formula

Test (ii)

Formula

Test (iii)P 300P 100

Fejn Pn hi l-Enerġija kkunsmata għall-Modalità Mixgħul bil-funzjoni ABC attivata bħala n lux b'sors ta' dawl dirett.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jressaq rapport tat-test għall-mudell tal-kompjuter li juri konformità mal-proċedura tat-test speċifikata.

Il-kriterju 2. Sustanzi u taħlitliet perikolużi fil-prodott, fis-subassemblaġġi u fil-partijiet komponenti

Il-preżenza ta' sustanzi perikolużi fil-prodott, f'subassemblaġġi u f'partijiet komponenti partikolari, li jkunu identifikati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“ir-Regolament REACH”) jew sustanzi u taħlitiet li jkunu jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (“ir-Regolament CLP”) għall-perikli mniżżlin fit-Tabella 2, għandhom ikunu ristretti skont is-subkriterju 2(a), (b) u (c). Għall-finijiet ta' dan il-kriterju, il-Lista ta' Susutanzi Kandidati ta' Tħassib Serju Ħafna (l-SVHCs) u l-klassifikazzjonijiet tal-periklu tas-CLP huma miġbura fit-Tabella 2 skont il-proprjetajiet tagħhom tal-periklu.

Tabella 2

L-iggruppar tal-Lista ta' Kandidati tal-SVHCs u tal-klassifikazzjonijiet tal-periklu tar-Regolament CLP

Perikli tal-Grupp 1

Perikli li jixħtu sustanza jew taħlita fil-Grupp 1:

Sustanzi li jidhru fil-Lista ta' Sustanzi Kandidati ta' Tħassib Serju Ħafna (l-SVHCs)

Sustanzi Karċinoġeniċi, Mutaġeniċi u/jew Tossiċi għar-Riproduzzjoni (CMR), CMR tal-Kategorija 1 A jew 1B: H340, H350, H350i, H360, H360F, H360D, H360FD, H360Fd, H360Df

Perikli tal-Grupp 2

Perikli li jixħtu sustanza jew taħlita fil-Grupp 2:

CMR tal-kategorija 2: H341, H351, H361f, H361d, H361fd, H362

Tossiċità akkwatika tal-kategorija 1: H400, H410

Tossiċità akuta tal-kategoriji 1 u 2: H300, H310, H330

Tossiċità mill-aspirazzjoni tal-kategorija 1: H304

Tossiċità speċifika għall-organiżmi fil-mira tal-kategorija 1: H370, H372

Perikli tal-Grupp 3

Perikli li jixħtu sustanza jew taħlita fil-Grupp 3:

Tossiċità akkwatika tal-kategoriji 2, 3 u 4: H411, H412, H413

Tossiċità akuta tal-kategorija 3: H301, H311, H331, EUH070

STOT tal-kategorija 2: H371, H373

2(a)   Restrizzjonijiet fuq is-Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna (l-SVHCs)

Il-prodott ma għandux ikun fih sustanzi li ġew identifikati bil-proċedura deskritta fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH u li tniżżlu fil-Lista ta' Kandidati tal-SVHCs, f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (w/w). Għas-subassemblaġġi u għall-partijiet komponenti li jifformaw parti mill-prodott u li tniżżlu fit-Tabella 3 għandha tapplika l-istess restrizzjoni.

Ma għandha tingħata l-ebda deroga minn dan ir-rekwiżit għal-Lista ta' Kandidati tal-SVHCs li jkunu preżenti fil-prodott jew fis-subassemblaġġi u l-partijiet komponenti elenkati f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (w/w).

Tabella 3

Is-subassemblaġġi u l-partijiet komponenti li għalihom għandu japplika l-kriterju 2(a)

Motherboards sħaħ (bis-CPU, ir-RAM, u l-unitajiet tal-grafika)

Tagħmir għall-ħażna tad-dejta (HDD u SSD)

Diski ottiċi (CD u DVD)

Unitajiet tal-iskrin (inkluż bid-dawl minn wara)

Strutturi fiżiċi u fixings

Koperturi u bezels

Tastiera, maws u/jew trackpad esterni

Unitajiet tal-provvista tal-enerġija interna u esterna

Wajers tal-elettriku AC u DC esterni

Pakketti tal-batteriji rikarikabbli

Meta jwasslu dan ir-rekwiżit lill-fornituri tas-subassemblaġġi u l-partijiet komponenti elenkati, l-applikanti jistgħu jagħmlu prieżami tal-Lista ta' Kandidati tar-REACH permezz tal-lista ta' sustanzi dikjarabbli IEC 62474. (3). Dan l-eżami għandu jistrieħ fuq l-identifikazzjoni tal-potenzjal għal preżenza ta' sustanzi fil-prodott.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu joħloq dikjarazzjonijiet għan-nuqqas ta' preżenza tal-SVHCs fil-livell ta' konċentrazzjoni speċifikata jew ogħla minnu għall-prodott u għas-subassemblaġġi u għall-partijiet komponenti identifikati fit-Tabella 3. Id-dikjarazzjonijiet għandu jkollhom referenza għall-aħħar verżjoni tal-Lista ta' Kandidati li ppubblikat l-ECHA (4). Meta d-dikjarazzjonijiet jistrieħu fuq prieżami tal-Lista ta' Kandidati permezz tal-lista IEC 62474, l-applikant għandu jipprovdi wkoll il-lista eżaminata li tingħata lill-fornituri tas-subassemblaġġi u l-partijiet komponenti. Il-verżjoni tal-lista ta' sustanzi dikjarabbli IEC 62474 li tintuża għandha tirrifletti l-aħħar verżjoni tal-Lista ta' Kandidati.

2(b)   Restrizzjonijiet fuq il-preżenza ta' sustanzi perikolużi speċifiċi

Is-subassemblaġġi u l-partijiet komponenti identifikati fit-Tabella 4 ma għandux ikun fihom is-sustanzi perikolużi speċifikati li jkunu fil-livelli ta' konċentrazzjoni stipulati jew ogħla minnhom.

Tabella 4

Restrizzjonijiet fuq is-sustanzi li għandhom japplikaw għas-subassemblaġġi u għall-partijiet komponenti

Grupp ta' sustanza

L-ambitu tar-restrizzjoni

Limiti tal-konċentrazzjoni (meta applikabbli)

Valutazzjoni u verifika

(i)

Stann u kuntatti tal-mettall

Ma għandhiex titħalla l-eżenzjoni 7b skont id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) marbuta mal-użu tal-istann taċ-ċomb f'servers fuq skala żgħira.

0,1 % w/w

Il-manifattur jew il-montatur finali għandu jipprovdi dikjarazzjoni sostnuta b'rapport tat-test validu.

Metodu tat-test: IEC 62321-5

Ma għandhiex titħalla l-eżenzjoni 8b skont id-Direttiva 2011/65/UE marbuta mal-użu tal-kadmju f'kuntatti elettriċi.

0,01 % w/w

(ii)

Stabbilizzaturi tal-polimeru, koloranti u kontaminanti

Dawn il-komposti tal-istabbilizzaturi tal-organotin li ġew klassifikati mal-perikli tal-Gruppi 1 u 2, ma għandhomx ikunu preżenti fil-wajers u fil-provvisti tal-enerġija AC u DC esterni:

l-ossidu dibutiltin

id-diaċetat dibutiltin

id-dilawrat dibutiltin

il-maletat dibutiltin

l-assidu dioċtiltin

id-dilawrat dioċtiltin

ma japplikax

Il-fornitur tas-subassemblaġġ għandu jipprovdi dikjarazzjoni.

Il-koperturi tal-plastik u l-bezels ma għandux ikun fihom dawn il-koloranti:

Ażokoloranti li jistgħu jinferqu fl-ammini aril karċinoġeniċi elenkati fl-Appendiċi 8 tar-Regolament REACH, u/jew

Komposti tal-kolorant inklużi fil-lista ta' sustanzi dikjarabbli IEC 62474.

ma japplikax

Il-fornitur tas-subassemblaġġ għandu jipprovdi dikjarazzjoni.

Idrokarburi Aromatiċi Poliċikliċi (PAHs) klassifikati mal-perikli tal-Gruppi 1 u 2 ma għandhomx ikunu preżenti f'konċentrazzjonijiet daqs jew aktar mil-limiti individwali tal-konċentrazzjoni u mill-għadd totali tal-limiti tal-konċentrazzjoni f'kull faċċata esterna tal-uċuħ tal-plastik jew tal-lastku magħmulin mill-bniedem ta':

Laptops u tablets;

Tastieri esterni,

Maws,

Stili u/jew trackpads;

Kejbils tal-enerġija esterni.

Għandhom jiġu verifikati l-preżenza u l-konċentrazzjoni ta' dawn il-PAHs:

 

PAHs ristretti bir-Regolament REACH:

Il-benzo[a]piren,

Il-benzo[e]piren,

Il-benzo[a]antraċen,

Il-krisen,

Il-benzo[b]fluworanten,

Il-benzo[j]fluworanten,

Il-benzo[k]fluworantene

Id-dibenzo[a,h]antraċen,

 

PAHs addizzjonali soġġetti għal restrizzjoni:

L-aċenaften

L-aċenaftilen

L-antraċen

Il-benzo[ghi]perilen

Il-fluworanten

Il-fluworen

L-indeno[1,2,3-cd]piren

In-naftalen

Il-fenantren

Il-piren

Il-limiti individwali tal-konċentrazzjoni għall-PAHs ristretti skont ir-REACH għandhom ikunu 1 mg/kg

L-għadd totali tal-konċentrazzjoni għat-18-il PAH elenkata ma għandux ikun aktar minn 10 mg/kg

L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test għall-partijiet rilevanti tal-partijiet identifikati tal-prodott.

Metodu tat-test: AfPS GS 2014:01 PAK.

(iii)

Prodotti bijoċidi

Il-prodotti bijoċidi maħsuba biex jaqdu funzjoni antibatterjali ma għandhomx jiġu inkorporati fil-plastik jew fil-lastku tat-tastieri u tal-periferali.

ma japplikax

Il-fornitur tas-subassemblaġġ għandu jipprovdi dikjarazzjoni.

(iv)

Merkurju fir-retroilluminazzjonijiet

Ma għandhiex tingħata l-eżenzjoni 3 skont id-Direttiva 2011/65/UE marbuta mal-użu tal-merkurju fil-bozoz florexxenti bil-katodu kiesaħ (CCFL) u fil-bozoz fluworexxenti bl-elettrodi esterni (EEFL).

ma japplikax

Il-fornitur tas-subassemblaġġ għandu jipprovdi dikjarazzjoni.

(v)

Aġenti li jirfinaw il-ħġieġ

L-arseniku u l-komposti tiegħu ma għandhomx jintużaw fil-manifattura tal-ħġieġ tal-iskrins LCD, fil-ħġieġ tal-għata tal-iskrin u fil-ħġieġ li jintuża fl-uċuħ tat-trackpads.

0,0050 % w/w

Il-fornituri tal-ħġieġ tal-iskrin għandhom jipprovdu dikjarazzjoni sostnuta b'rapport tat-test analitiku.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjonijiet ta' konformità u rapporti tat-test skont ir-rekwiżiti fit-Tabella 4. Meta meħtieġa, ir-rapport tat-test għandhom ikunu validi fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-mudell tal-produzzjoni rilevanti u għal kull fornitur assoċjat. Meta s-subassemblaġġi jew il-partijiet komponenti bl-istess speċifikazzjoni teknika jkunu ġejjin mingħand għadd ta' fornituri differenti, meta xieraq, it-testijiet għandhom isiru fuq il-partijiet minn ta' kull fornitur.

2(c)   Restrizzjonijiet imsejsa fuq il-klassifikazzjonijiet tal-periklu tas-CLP

Ir-ritardanti tal-fjammi, il-plastifikanti, l-addittivi u l-kisjiet tal-metall, il-materjali tal-katodu, is-solventi u l-imluħa li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjonijiet tal-periklu tas-CLP fit-Tabella 2 ma għandhomx ikunu preżenti fis-subassemblaġġi u fil-partijiet komponenti fit-Tabella 5 fil-limitu tal-konċentrazzjoni ta' 0,10 % (w/w) jew ogħla minnu.

Tabella 5

Is-subassemblaġġi u l-partijiet komponenti li għalihom għandu japplika l-kriterju 2(c)

Partijiet li jkun fihom ritardanti tal-fjammi

Bordijiet Stampati taċ-Ċirkwit (PCBs) ewlenin

Unitajiet Ċentrali tal-Ipproċessar (CPUs)

Konnetturi u sockets

Tagħmir għall-ħażna tad-dejta (HDD u SSD)

Koperturi tal-plastik u bezels

Unitajiet tal-provvista tal-enerġija interna u esterna

Wajers tal-elettriku AC u DC esterni

Partijiet li jkun fihom il-plastifikanti

Kejbils u wajers interni

Wajers tal-elettriku AC u DC esterni

Unitajiet tal-Provvista tal-Enerġija Esterni

Koperturi tal-plastik u bezels

Partijiet b'ligi tal-azzar li ma jissaddadx u/jew kisjiet tan-nikil

Strutturi, koperturi, boldijiet, skorfini, viti u brekits

Pakketti tal-batteriji rikarikabbli

Ċelloli tal-batteriji rikarikabbli

(i)   Derogi għall-użu ta' ritardanti tal-fjammi u plastifikanti perikolużi

L-użu ta' ritardanti tal-fjammi u plastifikanti li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-perikli tas-CLP elenkati fit-Tabella 2 hu derogat mir-rekwiżiti tal-kriterju 2(c) diment li dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fit-Tabella 6. Anke l-materjali tal-wajers tal-provvista AC u DC esterni li minnhom innifishom ikunu ritardanti tal-fjammi għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet fit-Tabella 6(ii)(b).

Tabella 6

Il-kundizzjonijiet tad-derogi li għandhom japplikaw għall-użu ta' ritardanti tal-fjammi u plastifikanti

Sustanzi u taħlitiet

Subassemblaġġ jew parti komponent

Ambitu tad-deroga

Valutazzjoni u verifika

Ir-ritardanti tal-fjammi

(i)

Il-Bord Stampata taċ-Ċirkwit (PCB) ewlenija

L-użu ta' ritardanti tal-fjammi fil-laminati tal-motherboards hu derogat b'waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

Ir-ritardant tal-fjammi hu klassifikat ma' periklu tal-Grupp 3. Meta dikjarazzjoni ssir f'konformità mal-IEC 61249-2-21 (6), it-test tan-nar tal-PCB li jissimula rimi tal-WEEE mhux xieraq għandu juri li l-emissjonijiet tal-PAHs ikunu ≤ 0,1 mg TEQ/g.

(b)

Ir-ritardant tal-fjammi jirreaġixxi għar-reżina polimerika u t-test tan-nar tal-PCB li jissimula rimi tal-WEEE mhux xieraq għandu juri li l-emissjonijiet tad-dibenzo-p-diossini polibrominati u tad-dibenzofurani polibrominati (PBDD/DF) jkunu inqas minn ≤ 0,4 ng TEQ/g emissjonijiet PAHs karċinoġiċi ikunu ≤ 0,1 mg TEQ/g

Il-fornitur tas-subassemblaġġ għandu jipprovdi dikjarazzjoni sostnuta b'dokumentazzjoni li tivverifika l-klassifikazzjonijiet tal-periklu.

u meta meħtieġ:

Rapport tat-test mingħand parti terza għat-taħlita tal-materjal tal-bord, tal-komponenti, u tar-ritardant tal-fjammi.

Metodu tat-test: ISO 5660 f'kundizzjonijiet ossidattivi tal-piroliżi (IEC 60695-7-1, it-tip tan-nar 1b bi fluss tas-sħana ta' 50 kW/m2).

Il-kwantifika għandha ssir skont EN 1948 (PBDD/DF) u/jew ISO 11338 (PAHs).

(ii)

Wajers tal-elettriku AC u DC esterni.

L-użu ta' ritardanti tal-fjammi u tas-sinerġisti tagħhom hu derogat b'waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

Ir-ritardant tal-fjammi u s-sinerġist tiegħu huma klassifikati ma' periklu tal-Grupp 3 Meta dikjarazzjoni ssir f'konformità mal-IEC 62821 (7), it-test tan-nar tal-polimeru tal-wajer tal-provvista elettrika għandu juri li l-emissjonijiet tal-aċidi aloġeniċi gassużi jkunu inqas minn 5,0 mg/g.

(b)

Ir-riżultati tat-test tan-nar ta' wajer tal-provvista elettrika li jissimula rimi tal-WEEE mhux xieraq għandhom juru li l-emissjonijiet tad-dibenzo-p-diossini polibrominati u tad-dibenzofurani polibrominati (PBDD/DF) ikunu ≤ 0,3 ng TRQ/g

Il-wajers tal-elettriku li jkollhom materjali li jkunu minnhom innifishom ritardanti tal-fjammi għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit tat-test tan-nar li hemm fil-parti ii)(b).

Il-fornitur tas-subassemblaġġ għandu jipprovdi dikjarazzjoni sostnuta b'dokumentazzjoni li tivverifika l-klassifikazzjonijiet tal-periklu.

u meta meħtieġ:

Rapport tat-test mingħand parti terza għall-wajer tal-elettriku.

Metodu tat-test: IEC 60754-1 jew ISO 19700 f'kundizzjonijiet ossidattivi tal-piroliżi (IEC 60695-7-1, it-tip tan-nar 3a bi fluss tas-sħana ta' 50 kW/m2)

Il-kwantifikazzjoni tal-PCDD/DF għandha ssir skont EN 1948.

(iii)

Koperturi tal-plastik u bezels esterni.

Ir-ritardanti tal-fjammi u s-sinerġisti tagħhom klassifikati mal-perikli tal-Gruppi 2 u 3 huma derogati mill-użu.

Il-fornitur tas-subassemblaġġ għandu jipprovdi dikjarazzjoni sostnuta b'dokumentazzjoni li tivverifika l-klassifikazzjonijiet tal-periklu.

(iv)

Subassemblaġġi u partijiet mixxellanji:

Assemblaġġ tas-CPU

Tagħmir għall-ħżin tad-dejta

Konnetturi u sockets interni

Unitajiet tal-provvista tal-enerġija

Ir-ritardanti tal-fjammi klassifikati mal-perikli tal-Grupp 3 huma derogati mill-użu.

Il-fornitur tas-subassemblaġġ għandu jipprovdi dikjarazzjoni sostnuta b'dokumentazzjoni li tivverifika l-klassifikazzjonijiet tal-periklu.

Il-plastifikanti

(i)

Il-wajers u l-provvisti tal-enerġija esterni, il-koperturi esterni u l-kejbils interni

Il-plastifikanti klassifikati mal-perikli tal-Grupp 3 huma derogati mill-użu.

Il-fornitur tas-subassemblaġġ għandu jipprovdi dikjarazzjoni sostnuta b'dokumentazzjoni li tivverifika l-klassifikazzjonijiet tal-periklu.

(ii)   Derogi għall-użu ta' addittivi, kisjiet, materjali tal-katodu, solventi u mluħa

L-użu ta' addittivi u kisjiet tal-metall, materjali tal-katodu tal-batteriji, u solventi u mluħa tal-batteriji li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-perikli tas-CLP elenkati fit-Tabella 2 hu derogat mir-rekwiżiti tal-kriterju 2(c) diment li dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fit-Tabella 7.

Tabella 7

Il-komponenti u s-subassemblaġġi li huma derogati speċifikament

Sustanzi u taħlitiet

Subassemblaġġ jew parti komponent

L-ambitu tad-deroga

Valutazzjoni u verifika

Addittivi u kisjiet tal-metall

(i)

Komponenti tal-metall

Ligi tal-azzar li ma jissaddadx u kisjiet reżistenti għall-grif li fihom metall tan-nikil klassifikati ma' H351, H372 u H412.

Il-kundizzjoni tad-deroga

Ir-rata tar-rilaxx tan-nikil mettaliku minn kisjiet reżistenti għall-grif fuq partijiet ta' kopertura li jaf ikun f'kuntatt dirett u fit-tul mal-ġilda ma għandhiex tkun aktar minn 0,5 μcm2/ġimgħa.

Identifikazzjoni tal-partijiet rilevanti skont il-piż u fejn jinsabu fil-prodott. Meta l-partijiet esterni tal-koperturi jkunu f'kuntatt dirett u fit-tul mal-ġilda għandu jingħata rapport tat-test.

Metodu tat-test:

EN 1811

Il-materjali tal-katodu taċ-ċelloli tal-batteriji

(ii)

Il-batteriji tal-litju u l-polimeru

Il-materjali tal-katodu taċ-ċelloli tal-batteriji klassifikati mal-perikli tal-Gruppi 2 u 3. Dawn għandhom jinkludu:

L-ossidu tal-kobalt u tal-litju

Id-diossidu tal-manganiż u tal-litju

Il-fosfat tal-ħadid u tal-litju

L-ossidu tal-manganiż tan-nikil, tal-kobalt u tal-litju

Il-fornitur tal-batteriji jew taċ-ċelloli għandu jipprovdi dikjarazzjoni sostnuta b'dokumentazzjoni li tivverifika l-klassifikazzjonijiet tal-periklu.

Is-solvrenti u l-imluħa elettroliti tal-batteriji

Is-solventi u l-imluħa elettroliti klassifikati mal-perikli tal-Gruppi 2 u 3. Dawn għandhom jinkludu:

Il-karbonat tal-propilen

Il-karbonat tal-etilina

Il-karbonat dietil

Il-karbonat di-metil

Il-karbonat metil etil

L-eżafluworofosfat tal-litju

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità mal-kriterju 2(c). Id-dikjarazzjoni trid is-sostenn ta' informazzjoni fuq ir-ritardanti tal-fjammi, il-plastifikanti, l-addittivi u l-kisjiet tal-azzar, il-materjali tal-katodu, is-solventi u l-imluħa li jintużaw fis-subassemblaġġi u fil-partijiet komponenti mniżżlin fit-Tabella 5 flimkien ma' dikjarazzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni tal-periklu tagħhom jew in-nuqqas ta' klassifikazzjoni tal-periklu tagħhom.

Għal kull sustanza jew taħlita trid tingħata din l-informazzjoni teknika biex issostni d-dikjarazzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni jew in-nonklassifikazzjoni tal-periklu:

In-numru tal-CAS, KE jew tal-lista (meta dan ikun disponibbli għat-taħlitiet);

Il-forma fiżika u l-istat li fih tintuża sustanza;

Il-klassifikazzjonijiet tal-periklu tas-CLP armonizzati għas-sustanzi;

L-entrati tal-awtoklassifikazzjoni fil-bażi tad-dejta (8) dwar is-sustanzi reġistrati tar-REACH li għandha l-ECHA (jekk ma tkun disponibbli l-ebda klassifikazzjoni armonizzata).

Il-klassifikazzjonijiet tat-taħlita skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament CLP.

Meta jitqiesu l-entrati tal-awtoklassifikazzjoni fil-bażi tad-dejta dwar is-sustanzi reġistrati tar-REACH, trid tingħata prijorità lill-entrati ta' sottomissjonijiet konġunti.

Fil-bażi tad-dejta dwar is-sustanzi reġistrati tar-REACH, meta klassifikazzjoni tkun reġistrata bħala “b'dejta nieqsa” jew “inkonklużiva”, jew meta sustanza tkun għadha ma ġietx reġistrata bis-sistema REACH, għandha tingħata dejta tossikoloġika li tkun tissodisfa r-rekwiżiti fl-Anness VII tar-Regolament REACH u li tkun biżżejjed biex issostni awtoklassifikazzjonijiet konklużivi skont l-Anness I tar-Regolament CLP u l-gwida tal-ECHA. Meta l-klassifikazzjoni fil-bażi tasd-dejta tkun “b'dejta nieqsa” jew “inkonklużiva”, l-awtoklassifikazzjonijiet għandhom jiġu verifikati, u jiġu aċċettati jekk ikollhom dawn is-sorsi tal-informazzjoni:

Studji tossikoloġiċi u valutazzjonijiet tal-periklu mingħand l-aġenzji regolatorji bejn il-pari tal-ECHA (9), il-korpi regolatorji tal-Istati Membri jew korpi intergovernattivi;

Skeda tad-Dejta dwar is-Sikurezza mimlija kollha skont l-Anness II tar-Regolament REACH;

Ġudizzju espert dokumentat mogħti minn tossikoloġista professjonali. Dan għandu jistrieħ fuq analiżi tal-letteratura xjentifika u d-dejta tal-ittestjar eżistenti, meta meħtieġ sostnuti b'riżultati ta' testijiet ġodda li saru f'laboratorji indipendenti bl-użu ta' metodi rikonoxxuti mill-ECHA;

Ċertifikazzjoni, meta xieraq, imsejsa fuq ġudizzju espert, maħruġa minn korp akkreditat tal-valutazzjoni tal-konformità li jagħmel valutazzjonijiet tal-periklu skont is-sistemi tal-klassifikazzjoni tal-periklu tal-GHS jew tas-CLP.

Skont l-Anness XI tar-Regolament REACH, l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet perikolużi tas-sustanzi jew tat-taħlitiet mhux bilfors trid tinkiseb b'test, iżda b'mezzi oħrajn bħal pereżempju b'metodi alternattivi fosthom il-metodi in vitro, mudelli kwantitattivi ta' struttura-attività jew bir-raggruppar jew b'read-across.

Għal sustanzi u taħlitiet derogati li tniżżlu fil-listi ta' Tabelli 6 u 7, l-applikant għandu jipprovdi evidenza li ġiet issodisfata kull kundizzjoni tad-deroga. Meta jintalbu rapporti tat-test, dawn għandhom ikunu validi fiż-żmien tal-applikazzjoni għal mudell tal-produzzjoni.

Il-kriterju 3. Estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-prodott

3(a)   L-ittestjar tad-durabbiltà għall-kompjuters portabbli

(i)   It-testijiet li għandhom japplikaw għal-laptops

Il-mudell tal-laptop għandu jgħaddi mit-testijiet tad-durabbiltà. Kull mudell għandu jiġi verifikat li jaħdem kif speċifikat u fejn tidħol il-prestazzjoni għandu jilħaq ir-rekwiżiti stipulati, u dan wara li jkunu saru t-testijiet obbligatorji fit-Tabella 8 u mill-anqas test ieħor minn fost dawk fit-Tabella 9.

Tabella 8

L-ispeċifikazzjoni obbligatorja tat-test tad-durabbiltà għal-laptops

Test

Kundizzjonijiet tat-test u rekwiżiti tal-prestazzjoni funzjonali

Metodu tat-test

Ir-reżistenza għax-xokkijiet

Speċifikazzjoni:

Mill-anqas għandha tiġi applikata pulsazzjoni ta' nofs mewġa sinusojdali 40G għal tliet darbiet għal mill-anqas 6ms fuq in-naħat ta' fuq u t'isfel, fuq il-ġnieb ta' quddiem u ta' wara, tal-lemin u tax-xellug tal-prodott.

Rekwiżit funzjonali:

Waqt it-test, il-laptop għandu jinxtegħel u għandha tinfetaħ xi applikazzjoni. Wara t-test, dan għandu jibqa' jiffunzjona.

IEC 60068

Parti 2-27: Ea

Parti 2-47

Ir-reżistenza għall-vibrazzjoni

Speċifikazzjoni:

Għandhom jiġi applikati vibrazzjonijiet sinusojdali b'mod aleatorju li jkollhom medda tal-frekwenza minn 5 Hz sa mhux aktar minn 250 Hz għal mill-anqas ċiklu wieħed (1) sa tmiem kull assi lejn in-naħa ta' fuq, t'isfel, ta' quddiem, ta' wara, tal-lemin u tax-xellug tal-prodott.

Rekwiżit funzjonali:

Waqt it-test, il-laptop għandu jinxtegħel u għandha tinfetaħ xi applikazzjoni. Wara t-test, dan għandu jibqa' jiffunzjona.

IEC 60068

Parti 2-6: Fc

Parti 2-47

Waqgħa aċċidentali

Speċifikazzjoni:

Il-laptop għandu jitwaqqa' minn għoli ta' 76 cm fuq wiċċ ta' mill-anqas 30 mm injam li ma jċedix. Il-waqgħa għandha ssir fuq kull naħa, jiġifieri fuq in-naħat ta' fuq u t'isfel, fuq il-ġnieb ta' quddiem u ta' wara, tal-lemin u tax-xellug, u anki fuq kull kantuniera tal-qiegħ.

Rekwiżit funzjonali:

Il-laptop għandu jintefa waqt it-test u wara kull waqgħa, dan għandu jixgħel normali. Wara kull test, il-kopertura għandha tibqa' talikwali u l-iskrin ma għandhiex issirlu ħsara.

IEC 60068

Parti 2-31: Ec (Waqgħa, il-proċedura 1)


Tabella 9

Speċifikazzjonijiet addizzjonali tat-test tad-durabbiltà għal-laptops

Test

Kundizzjonijiet tat-test u parametri referenzjarji għall-prestazzjoni

Metodu tat-test

Reżistenza għat-temperatura

Speċifikazzjoni:

Il-laptop għandu jkun soġġett għal mill-anqas erba' ċikli ta' esponiment ta' 24 siegħa f'kompartiment għall-ittestjar. Il-laptop għandu jinxtegħel waqt ċiklu kiesaħ b'temperatura ta' – 25 °C u waqt ċiklu sħun b'temperatura ta' + 40 °C. Il-laptop għandu jintefa waqt ċiklu kiesaħ f'temperatura ta' – 50 °C u waqt ċiklu sħun bejn + 35 °C u + 60 °C.

Rekwiżit funzjonali:

Wara kull wieħed minn dawn l-erba' ċikli ta' esponiment, għandu jiġi verifikat li l-laptop għadu jaħdem.

IEC 60068

Parti 2-1: Ab/e

Parti 2-2: B

Ir-reżiljenza tal-iskrin

Speċifikazzjoni:

Għandhom isiru żewġ testijiet tat-tagħbija: Fuq l-għatu tal-iskrin mill-inqas trid titqiegħed tagħbija ta' 50 kg b'mod uniformi. Fiċ-ċentru tal-iskrin mill-inqas trid titqiegħed tagħbija ta' 25 kg b'mod uniformi. F'kull test il-laptop għandu jitqiegħed fuq wiċċ ċatt.

Rekwiżit funzjonali:

Wara kull tagħbija, il-wiċċ tal-iskrin u l-pixels għandhom jiġu spezzjonati bir-reqqa għal xi linji, tikek u xquq.

L-applikant għandu jikkonferma t-tagħmir u s-setup li ntużaw fit-test.

Infiltrazzjoni tal-ilma mxerred

Speċifikazzjoni:

It-test għandu jsir darbtejn. Mill-anqas għandu jitferrex 30 ml ta' likwidu b'mod ugwali fuq it-tastiera tal-laptop jew fuq tliet postijiet separati speċifiċi, u wara jissaffa sew għal mill-anqas 5 sekondi. Wara 3 minuti, il-laptop għandu jiġi ttestjat jekk għadux jaħdem. It-test għandu jsir b'likwidu sħun u kiesaħ.

Rekwiżit funzjonali:

Waqt u wara t-test, il-laptop għandu jibqa' mixgħul. Imbagħad il-laptop għandu jiżżarma u jiġi spezzjonat viżwalment biex ikun żgurat li jgħaddi mill-kundizzjonijiet ta' aċċettazzjoni tal-lista IEC 60529 għall-infiltrazzjoni tal-ilma.

Il-kundizzjonijiet ta' aċċettazzjoni: IEC 60529 (l-infiltrazzjoni tal-ilma)

It-tul tal-ħajja tat-tastiera

Speċifikazzjoni:

Fuq it-tasti tat-tastiera għandhom jiġu applikati 10 miljun għafsa b'mod aleatorju. L-għadd ta' għafsiet għal kull tast għandu jkun jirrifletti l-użu ta' dak it-tast.

Rekwiżit funzjonali:

Imbagħad it-tasti għandhom jiġu spezzjonati għall-integrità u l-funzjonalità tagħhom.

L-applikant għandu jikkonferma t-tagħmir u s-setup li ntużaw fit-test.

It-tul tal-ħajja taċ-ċappetti tal-iskrin

Speċifikazzjoni:

L-iskrin għandu jinfetaħ kollu u jerġa' jingħalaq għal 20 000 darba.

Rekwiżit funzjonali:

Imbagħad l-iskrin għandu jiġi spezzjonat għal xi telf fl-istabbiltà u fl-integrità taċ-ċappetti.

L-applikant għandu jikkonferma t-tagħmir u s-setup li ntużaw fit-test.

(ii)   It-testijiet li għandhom japplikaw għat-tablets u għall-kompjuters 2-in-1

Il-mudell tat-tablet jew il-mudell tal-komponent tablet minn kompjuter 2-in-1 għandu jgħaddi mit-testijiet tad-durabbiltà. Kull mudell għandu jiġi verifikat li jaħdem kif speċifikat u fejn tidħol il-prestazzjoni għandu jilħaq ir-rekwiżiti stipulati għal kull test, kif speċifikat fit-Tabella 10.

Tabella 10

L-ispeċifikazzjoni obbligatorja tat-test tad-durabbiltà għat-tablets u għall-kompjuters 2-in-1

Test

Kundizzjonijiet tat-test u rekwiżiti tal-prestazzjoni funzjonali

Metodu tat-test

Waqgħa aċċidentali

Speċifikazzjoni:

It-tablet għandu jitwaqqa' minn għoli ta' 76 cm fuq wiċċ ta' mill-anqas 30 mm injam li ma jċedix. Il-waqgħa għandha ssir fuq kull naħa, jiġifieri fuq in-naħat ta' fuq u t'isfel, fuq il-ġnieb ta' quddiem u ta' wara, tal-lemin u tax-xellug, u anki fuq kull kantuniera tal-qiegħ.

Rekwiżit funzjonali:

It-tablet għandu jintefa waqt it-test u wara kull waqgħa, dan għandu jixgħel normali. Wara kull test, il-kopertura għandha tibqa' talikwali u l-iskrin ma għandhiex issirlu ħsara.

IEC 60068

Parti 2-31: Ec (Waqgħa, il-proċedura 1)

Ir-reżiljenza tal-iskrin

Speċifikazzjoni:

Għandhom isiru żewġ testijiet tat-tagħbija: Fuq l-għatu tal-iskrin mill-inqas trid titqiegħed tagħbija ta' 50 kg b'mod uniformi. Fiċ-ċentru tal-iskrin mill-inqas trid titqiegħed tagħbija ta' 25 kg b'mod uniformi. F'kull test il-laptop għandu jitqiegħed fuq wiċċ ċatt.

Rekwiżit funzjonali:

Wara kull tagħbija, il-wiċċ tal-iskrin u l-pixels għandhom jiġu spezzjonati bir-reqqa għal xi linji, tikek u xquq.

L-applikant għandu jikkonferma t-tagħmir u s-setup li ntużaw fit-test.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapporti tat-test li juru li dan il-mudell ġie ttestjat u jissodisfa r-rekwiżiti tal-prestazzjoni funzjonali għad-durabbiltà. L-ittestjar trid tivverifikah parti terza. It-testijiet li jkunu saru għall-istess mudell bl-istess speċifikazzjoni jew bi speċifikazzjoni aktar stretta, għandhom jiġu aċċettati mingħajr il-bżonn li jerġa' jsir it-test.

3(b)   Il-kwalità u t-tul tal-ħajja tal-batterija rikarikabbli

(i)

Il-minimu tat-tul tal-ħajja tal-batterija: Wara l-ewwel iċċarġjar sħiħ, il-batteriji rikarikabbli tal-laptop, tat-tablets u tal-kompjuters 2-in-1 għandhom jibqgħu jagħtu l-enerġija għal mill-anqas 7 sigħat.

Din għandha titkejjel hekk:

Għall-prodotti domestiċi u tal-konsumatur għandu jitqies ix-xenarju “Home” tal-Futuremark PCMark 8.

Għall-prodotti tan-negozji jew tal-intrapriżi għandu jitqies ix-xenarju “Office productivity” tal-BAPCo Mobilemark 2012. Għall-mudelli li jikkwalifikaw għat-tolleranzi tal-Energy Star TECgrafika, minflok għandu jintuża x-xenarju “Media creation & consumption”.

(ii)

Il-Prestazzjoni taċ-ċiklu tal-iċċarġjar: Il-batteriji rikarikabbli tal-laptops, tat-tablets u tal-kompjuters 2-in-1 għandhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni, li jiddependu fuq jekk il-batterija tkunx tista' tiġi ċċarġjata mingħajr għodda (kif jispeċifika l-kriterju 3(d)):

Dawk il-mudelli li l-batterija rikarikabbli tagħhom tkun tista' titbiddel mingħajr għodda għandhom iżommu 80 % tal-kapaċità inizjali minima ddikjarata tagħhom wara 750 ċiklu ta' ċċarġjar;

Dawk il-mudelli li l-batterija rikarikabbli tagħhom ma tkunx tista' titbiddel mingħajr għodda għandhom iżommu 80 % tal-kapaċità inizjali minima ddikjarata tagħhom wara 1 000 ċiklu ta' ċċarġjar;

Din il-prestazzjoni għandha tiġi verifikata għall-pakketti tal-batteriji rikarikabbli jew għaċ-ċelloli individwali tagħhom skont it-test tal-IEC EN 61960 “Ir-reżistenza f'ċikli”, li jrid isir f'temperatura ta' 25 °C u f'rata ta' 0,2ItA jew ta' 0,5ItA (proċedura aċċellerata tat-test). Għal konformità ma' dan ir-rekwiżiti jista' jintuża ċċarġjar parzjali (kif jispeċifika s-subkriterju 3(b)(iii)).

(iii)

L-alternattiva ta' ċċarġjar parzjali biex tinkiseb il-prestazzjoni taċ-ċiklu tal-iċċarġjar: Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni deskritti fis-subkriterju 3(b)(ii) jistgħu jintlaħqu permezz ta' softwer u firmwer installat fil-fabbrika li jiċċarġja parzjalment il-batterija sa 80 % tal-kapaċità tagħha. F'dan il-każ, l-iċċarġjar parzjali għandu jkun issettjat bħala r-rutina awtomatika tal-iċċarġjar u wara għandha tiġi verifikata l-prestazzjoni tal-batterija meta tkun iċċarġjata sa 80 % tal-kapaċità tagħha skont ir-rekwiżiti fis-subkriterju 3(b)(ii). L-iċċarġjar parzjali massimu għandu jagħti tul lill-ħajja tal-batterija li jkun konformi mas-subkriterju 3(b)(i).

(iv)

Il-garanzija minima: Għall-batteriji difettużi (10), l-applikant għandu jagħti garanzija kummerċjali minima ta' sentejn.

(v)

L-informazzjoni għall-utent: Fis-softwer għall-ġestjoni tal-enerġija installat fil-fabbrika, fil-manwal tal-utent u fis-sit web tal-manifattur għandha tingħata informazzjoni dwar fatturi magħrufa li jaffettaw il-ħajja tal-batteriji rikarikabbli, kif ukoll struzzjonijiet dwar kif l-utent jista' jtawwal ħajjet il-batterija.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test ta' parti terza li juri li l-pakkett tal-batteriji rikarikabbli jew it-tipi ta' ċelloli li jiffurmaw il-pakkett użati fil-prodott jissodisfaw it-tul tal-ħajja tal-batterija rikarikabbli speċifikat u l-kapaċità taċ-ċikli tal-iċċarġjar speċifikata. Biex tintwera l-konformità jistgħu jintużaw l-iċċarġjar parzjali jew il-metodu aċċellarat tat-test speċifikat fi IEC EN 61960. Barra minn hekk, l-applikant għandu jagħti verżjoni dimo tas-softwer tal-ġestjoni tal-enerġija u l-kontenut miktub fil-manwal tal-utent u fis-sit web.

3(c)   L-affidabbiltà u l-protezzjoni tad-disk għall-ħżin tad-dejta

(i)   Il-kompjuters desktop, il-workstations, it-terminals ħfief u s-servers fuq skala żgħira

Id-diski għall-ħżin tad-dejta li jintużaw fil-kompjuters desktop, fil-workstations u fit-terminals ħfief li jiġu kummerċjalizzati biex jintużaw fin-negozji għandu jkollhom Rata ta' Ħsara Annwalizzata (AFR) (11) inqas minn 0,25 %.

L-AFR proġettata għas-servers fuq skala żgħira għandha tkun inqas minn 0,44 % filwaqt li r-Rata ta' Żbalji tal-Bits għal dejta mhux irkuprabbli għandha tkun inqas minn 1 bit f'1016 bit.

(ii)   Il-laptops

Għandu jiġi speċifikat li d-disk primarja għall-ħżin tad-dejta li tintuża fil-laptops tħares lid-disk nnifisha u anki lid-dejta fiha minn xokkijiet u vibrazzjoni. Id-disk għandha tikkonforma ma' waħda minn dawn l-alternattivi:

Il-ħardisk HDD għandha tiġi ddisinjata biex tkun tiflaħ xokk ta' nofs mewġa sinusojdali ta' 400G (operattiva) u 900G (mhux operattiva) għal 2ms mingħajr ma ssir ħsara lid-dejta jew lill-operat tad-disk.

Malli tintebaħ li l-laptop twaqqa', il-labra tad-disk HDD għandha tinġibed lura minn fuq wiċċ id-disk fi żmien 300ms jew inqas.

It-teknoloġija li tintuża trid tkun disk għall-ħżin tad-dejta bi stat solidu bħal ngħidu aħna SSD (Solid State Drive) jew eMMC (Multi Media Card inkorporata).

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi speċifikazzjoni għad-disk(i) integrati fil-prodott. Din għandu jiksibha mingħand il-manifattur tad-disk u fejn jidħlu r-reżistenza għax-xokkijiet u l-irtirar tal-labra minn fuq id-disk, dan jeħtieġ isostnihom b'rapport tekniku ċċertifikat indipendentement li jkun qed jivverifika li d-disk tikkonforma mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni speċifikati.

3(d)   L-aġġornabbiltà u r-riparabbiltà

Sabiex komponenti qodma jiġu aġġornati jew sabiex isiru tiswijiet u tibdiliet f'xi komponenti jew partijiet spiċċuti, għandhom jiġu ssodisfati dawn il-kriterji:

(i)

Disinn għal titjib u tiswija: Dawn il-komponenti tal-kompjuters għandhom ikunu aċċessibbli u skambjabbli faċilment permezz ta' għodda universali (jiġifieri b'għodda disponibbli kummerċjalment u li tintuża s-soltu bħal ngħidu aħna turnaviti, spatuli, plajers jew pinzetti):

Tagħmir tal-ħżin tad-dejta (HDD, SSD jew eMMC),

Memorja (ir-RAM),

Unitajiet tal-assemblaġġ tal-iskrin u unitajiet tad-dawl LED minn wara (meta jkunu integrati),

Tastiera u trackpad (meta jintużaw)

Assemblaġġi tal-fannijiet (f'kompjuters desktop, workstations u servers fuq skala żgħira)

(ii)

Tibdil tal-batteriji rikarikabbli: Il-pakkett tal-batteriji rikarikabbli għandu jkun faċli biex jinqala' minn persuna waħda (utent mhux professjonali jew fornitur ta' servizz tat-tiswija professjonali) skont il-passi definiti hawn taħt (12). Fil-prodott, il-batteriji rikarikabbli ma għandhomx jitwaħħlu bil-kolla jew bl-istann u ma għandhomx jintużaw tejps tal-metall, faxex li jeħlu jew kejbils li jwaqqfu l-aċċess milli tinqala' l-batterija. Barra minn hekk, fejn jidħol l-aċċess faċli għall-qlugħ, għandhom japplikaw dawn ir-rekwiżiti u d-definizzjonijiet:

Il-batterija rikarikabbli tal-laptops u tal-kompjuters komprensivi portabbli għandha tkun tista' tinqala' bl-idejn mingħajr għodda;

Il-batterija rikarikabbli tas-sublaptops għandha tkun tista' tinqala' b'mhux aktar minn tliet passi permezz ta' turnavit;

Il-batterija rikarikabbli tat-tablets u tal-laptops 2-in-1 għandha tkun tista' tinqala' b'mhux aktar minn erba' passi permezz ta' turnavit u spudger.

Fil-manwal tat-tiswija jew fis-sit web tal-manifattur għandhom jingħataw struzzjonijiet sempliċi fuq kif jitneħħew il-pakketti tal-batteriji rikarikabbli.

(iii)

Il-manwal tat-tiswija: L-applikant għandu jipprovdi struzzjonijiet ċari għaż-żarmar u t-tiswija (eż. tagħrif stampat jew elettroniku, jew vidjo) biex iż-żarmar ikun jista' jsir mingħajr ma jitkisser il-prodott u bil-ħsieb li jinbidlu komponenti jew partijiet ewlenin għal titjib jew tiswija. Dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli għall-pubbliku jew billi jiddaħħal in-numru serjali uniku tal-prodott fuq il-websajt. Barra minn hekk, fuq ġewwa tal-kopertura tal-kompjuter tal-post għandha tingħata stampa li turi fejn jinsabu l-komponenti elenkati fil-punt (i) u kif jistgħu jiġu aċċessati u jinbidlu. F'manwal għall-utent installat minn qabel u fis-sit web tal-manifatturi għal mill-anqas ħames snin, għandha tingħata stampa li turi fejn jinsabu l-batterija, id-diski għall-ħżin tad-dejta u l-memorja.

(iv)

Servizz ta' tiswija/informazzjoni: Fil-manwal għall-utent jew fis-sit web tal-manifattur għandha tingħata informazzjoni biex l-utent ikun jaf imnejn jikseb manutenzjoni u tiswija professjonali għall-kompjuter, inklużi dettalji tal-kuntatt. Tul il-perjodu tal-garanzija msemmija f'(vi), dan is-servizz jista' jkun limitat għall-Fornituri Awtorizzati tas-Servizzi li għandu l-applikant.

(v)

Id-disponibbiltà tal-ispareparts: L-applikant għandu jiżgura li għal mill-anqas ħames snin minn tmiem il-produzzjoni tal-mudell, l-ispareparts oriġinali jew kompatibbli b'lura, fosthom batteriji rikarikabbli, ikun għadhom disponibbli għall-pubbliku.

(vi)

Il-garanzija kummerċjali: Mingħajr spejjeż żejda, l-applikant għandu jipprovdi garanzija ta' mill-anqas tliet snin li tibda tgħodd minn meta jinxtara l-prodott. Din il-garanzija għandha tinkludi ftehim tas-servizz u l-konsumatur ikollu l-alternattiva ta' ġbir u ritorn jew ta' tiswija fuq il-post. Din il-garanzija trid tingħata mingħajr preġudizzju għall-obbligi legali tal-manifattur u tal-bejjiegħ skont il-liġi nazzjonali.

Valutazzjoni u verifika: Lill-Korp Kompetenti, l-applikant għandu jiddikjaralu li l-prodott jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, l-applikant għandu jipprovdi:

Kopja tal-manwal għall-utent

Kopja tal-manwal tat-tiswija u l-istampi li jsostnuh.

Deskrizzjoni sostnuta b'ritratti li juru konformità fejn jidħol il-qlugħ tal-batterija

Kopja tal-garanzija u tal-ftehim tas-servizz

Ritratti ta' xi stampi, marki u struzzjonijiet li jkun hemm fuq il-kopertura tal-kompjuter

Il-kriterju 4. Id-disinn, l-għażla tal-materjal u l-ġestjoni ta' tmiem il-ħajja tal-oġġetti

Il-kriterju 4(a).   L-għażla tal-materjal u l-kompatibbiltà mar-riċiklaġġ

Mill-anqas, l-applikanti għandhom jikkonformaw mal-kriterju fil-parti (i) kif ukoll mal-parti (ii) jew mal-parti(iii). It-tablets, sublaptops, il-laptops 2-in-1 u l-prodotti b'koperturi u kompartimenti tal-metall huma eżentati mis-subkriterji (ii) u (iii).

(i)

Informazzjoni dwar il-materjali biex jeħfief ir-riċiklaġġ: Il-partijiet tal-plastik fit-tablets li jiżnu aktar minn 25 g u għall-partijiet fil-bqija tal-kompjuters li jiżnu 100 g għandhom jiġu mmarkati skont l-ISO 11469 u l-ISO 1043, it-Taqsimiet 1-4. Il-marki għandhom ikunu kbar biżżejjed u f'pożizzjoni viżibbli sabiex jiġu identifikati faċilment. Eżenzjonijiet huma possibbli f'dawn il-każijiet:

Bordijiet Stampati taċ-Ċirkwit, Bordijiet tal-Metakrilat tal-Polimetil (PMMA) u plastiċi ottiċi tal-iskrin li jiffurmaw parti mill-iskrin;

Meta l-immarkar jista' jħalli impatt fuq il-prestazzjoni jew il-funzjonalità tal-parti tal-plastik;

Meta l-immarkar ma jkunx teknikament possibbli minħabba l-metodu tal-produzzjoni;

Meta waqt l-ispezzjoni tal-kwalità, l-immarkar joħloq rati ogħla ta' difett u jwassal għal ħela tal-materjali għalxejn b'xejn;

Meta l-partijiet ma jkunux jistgħu jiġu mmarkati minħabba nuqqas ta' spazju xieraq għall-immarkar li jkun biżżejjed biex id-daqs tat-tipa jkun leġibbli skont kif jidentifika l-operatur tar-riċiklaġġ.

(ii)

Titjib fir-riċiklabbiltà tal-kopertura tal-plastik, tal-kompartimenti u tal-bezels:

Il-partijiet ma għandux ikun fihom bċejjeċ tal-metall fonduti jew imwaħħlin magħhom diment li dawn ikunu jistgħu jinqalgħu b'għodod li faċli ssibhom. L-istruzzjonijiet dwar iż-żarmar għandhom juru kif dawn jistgħu jinqalgħu (ara s-subkriterju 3(d)).

Għall-partijiet fit-tablets li jiżnu aktar minn 25 g u għall-partijiet fil-bqija tal-kompjuters li jiżnu 100 g, dawn it-trattamenti u addittivi ma għandhomx joħolqu reżina riċiklata bi tnaqqis > 25 % fl-impatt iżod meta jiġi ttestjat skont l-ISO 180:

Iż-żebgħa u l-kisi

Ir-ritardanti tal-fjammi u s-sinerġisti tagħhom

Ir-riżultati tat-test eżistenti għar-reżina riċiklata għandhom jiġu aċċettati diment li r-reżina riċiklata tkun ġejja mill-istess materjal kontributur li minnu jkunu komposti l-partijiet tal-plastik tal-prodott.

(iii)

Il-kontenut minimu ta' plastik riċiklat Bħala medja, mill-anqas 10 % tal-kontenut tal-prodott għandu jkun plastik riċiklat, imkejjel bħala persentaġġ tal-plastik kollu (bil-piż) fil-prodott, ħlief għall-Bordijiet Stampati taċ-Ċirkwit u l-plastiċi ottiċi tal-iskrin. Meta l-kontenut riċiklat ikun akbar minn 25 %, trid issir dikjarazzjoni fil-kaxxa tal-kliem li takkumpanja lill-Ekotikketta (ara l-kriterju 6(b)).

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jivverifika r-riċiklabbiltà billi jipprovdi rapporti tat-test mekkaniċi/fiżiċi validi skont l-ISO 180 u struzzjonijiet dwar iż-żarmar. Għandhom jiġu aċċettati rapporti tat-test validi miksuba mingħand ir-riċiklaturi tal-prodotti tal-plastik, il-manifatturi tar-reżina jew minn testijiet pilota indipendenti.

Lill-Korp Kompetenti, l-applikant għandu jipprovdilu stampa tal-kompjuter miftuq bil-partijiet u jelenkahom bil-miktub jew b'mod awdjoviżiv. Din l-istampa għandha tagħraf il-partijiet tal-plastik skont il-piż tagħhom, il-kompożizzjoni polimerika tagħhom, u l-marki ISO 11469 u ISO 1043 tagħhom. Għandhom jintwerew viżwalment id-dimensjoni u l-pożizzjoni tal-marki, u meta jkunu japplikaw xi eżenzjonijiet, għandhom jingħataw ġustifikazzjonijiet tekniċi.

Fejn jidħlu d-dikjarazzjonijiet dwar il-kontenut riċiklat postkonsumatur, l-applikant għandu jipprovdi verifika mingħand parti terza u traċċabbiltà b'lura sal-fornituri tal-komponenti tal-plastik. Il-medja tad-dikjarazzjonijiet dwar il-kontenut tal-mudell tista' ssir fuq bażi perjodika jew kull sena.

Il-kriterju 4(b) Id-disinn għaż-żarmar u r-riċiklaġġ

Għall-finijiet tar-riċiklaġġ, il-kompjuters għandhom jiġu ddisinjati b'tali mod li l-komponenti u l-partijiet fil-mira jkunu jistgħu jinqalgħu mill-prodott faċilment. Għandu jsir test taż-żarmar skont il-proċedura tat-test fl-Appendiċi. It-test għandu jirreġistra l-għadd ta' passi meħtieġa u l-għodda assoċjata u l-azzjonijiet meħtieġa biex jinqalgħu il-komponenti u l-partijiet fil-mira identifikati fil-punti (i) u (ii).

(i)

Waqt it-test taż-żarmar għandhom jinqalgħu dawn il-komponenti u l-partijiet fil-mira, kif applikabbli għall-prodott:

Il-prodotti kollha

Il-Bordijiet Stampati taċ-Ċirkwit > 10 cm2 li għandhom x'jaqsmu mal-funzjonijiet tal-kompjuter

Kompjuters tal-post

L-Unità tal-Provvista tal-Enerġija Esterna

Disk(i) HDD

Kompjuters portabbli

Il-batteriji rikarikabbli

L-iskrins (meta jkunu integrati fil-kompartament tal-prodott)

Bordijiet Stampati taċ-Ċirkwit > 10 cm2

L-unità tat-TFT u l-kondutturi tal-film fl-unitajiet tal-iskrin > 100 cm2

L-unitajiet tad-dawl LED minn wara

(ii)

Matul it-test għandhom jinqalgħu mill-inqas tnejn minn dawn il-komponenti u l-partijiet fil-mira, magħżula kif applikabbli għall-prodott, wara dawk imsemmija fl-punt (i):

Id-diski HDD (prodotti portabbli)

Id-diski ottiċi (meta inklużi)

Il-Bordijiet Stampati taċ-Ċirkwit ≤ 10cm2 u > 5cm2

L-unitajiet tal-ispikers (laptops, kompjuters desktop integrati u kompjuters portabbli komprensivi)

Il-film gwida luminuż tal-Metakrilat tal-Polimetil (PMMA) (meta d-daqs tal-iskrin ikun > 100 cm2)

Valutazzjoni u verifika: Lill-Korp Kompetenti, l-applikant għandu jipprovdilu rapport tat-test taż-żarmar li jagħti dettalji dwar is-sekwenza li ntużat għaż-żarmar, inkluża deskrizzjoni fid-dettall tal-passi u l-proċeduri speċifiċi, għall-partijiet u l-komponenti fil-mira elenkati fil-punti (i) u (ii).

It-test taż-żarmar jista' jagħmlu:

L-applikant jew fornitur nominat fil-laboratorju tagħhom stess, jew;

Korp terz tal-ittestjar indipendenti, jew;

Impriża tar-riċiklaġġ li għandha l-permess twettaq trattament elettriku tal-iskart f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jew li tkun ċertifikata skont ir-regolamenti nazzjonali.

Il-kriterju 5. Ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpanniji

5(a)   Il-provenjenza ta' minerali “mingħajr kunflitt”

L-applikant għandu jappoġġa l-provenjenza responsabbli tal-landa, it-tantalu, it-tungstenu u l-minerali tagħhom, u d-deheb minn żoni affettwati mill-kunflitti u minn żoni b'riskju għoli billi:

(i)

Jimxi b'diliġenza dovuta skont il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen tal-Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni b' Riskju Għoli, u

(ii)

Jippromwovi produzzjoni u kummerċ responsabbli tal-minerali f'żoni affettwati mill-kunflitti u f'żoni b'riskju għoli għall-minerali identifikati li jintużaw fil-komponenti tal-prodott f'konformità mal-Gwida tal-OECD.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dawn ir-rekwiżiti, flimkien ma' din l-informazzjoni ta' sostenn:

Rapport li jiddeskrivi l-attivitajiet tagħhom ta' diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista għall-erba' minerali identifikati. Għandhom jiġu aċċettati wkoll dokumenti ta' sostenn bħal ċertifikati ta' konformità maħruġa mill-Iskema tal-Unjoni Ewropea.

Jiġu identifikati l-komponenti li jkun fihom il-minerali identifikati, u l-fornituri tagħhom, kif ukoll il-proġett jew is-sistema tal-katina tal-provvista li titħaddem għal provenjenza responsabbli.

5(b)   Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem waqt il-manifattura

Wara li jkun ikkunsidra d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) li għandha x'taqsam mal-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, il-Patt Globali tan-NU (il-Pilastru 2), il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali, l-applikant għandu jikseb verifika mingħand parti terza sostnuta b'verifiki fuq il-post li turi li fl-impjant tal-assemblaġġ finali tal-prodott ġew rispettati l-prinċipji applikabbli inklużi fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u fid-dispożizzjonijiet supplimentari identifikati hawn taħt.

Il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO:

(i)

Xogħol tal-Minorenni:

Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima, l-1973 (Nru 138)

Il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, l-1999 (Nru 182)

(ii)

Xogħol Obbligatorju u Furzat:

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, l-1930 (Nru 29) u l-Protokoll tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat

Il-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija tax-Xogħol Furzat, l-1957 (Nru 105)

(iii)

Il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u d-Dritt għal Negozjar Kollettiv:

Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, l-1948 (Nru 87);

Il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, l-1949 (Nru 98).

(iv)

Id-Diskriminazzjoni:

Il-Konvenzjoni dwar Rimunerazzjoni Ugwali, l-1951 (Nru 100)

Il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol), l-1958 (Nru 111)

Dispożizzjonijiet supplimentari:

(v)

Is-Sigħat tax-Xogħol:

Il-Konvenzjoni tal-ILO dwar is-Sigħat tax-Xogħol (Industrija), l-1919 (Nru 1)

(vi)

Ir-Rimunerazzjoni:

Il-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-Iffissar tal-Paga Minima, l-1970 (Nru 131);

Paga għall-għajxien: L-applikant għandu jiżgura li l-pagi mħallsa għal ġimgħa tax-xogħol normali għandhom dejjem jissodisfaw mill-inqas l-istandards minimi legali jew industrijali, li jkunu biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-ħaddiema u jipprovdu dħul diskrezzjonali. L-implimentazzjoni għandha tiġi vverifikata b'referenza għall-gwida SA8000 (14) dwar ir-Rimunerazzjoni;

(vii)

Is-Saħħa u s-Sikurezza

Il-Konvenzjoni tal-ILO dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol, l-1981 (Nru 155)

Il-Konvezjoni tal-ILO dwar is-Sikurezza fl-Użu tas-Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol, l-1990 (Nru 170)

F'dawk il-postijiet li bil-liġi jillimitaw id-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, il-kumpanija għandha tirrikonoxxi assoċjazzjonijiet leġittimi tal-ħaddiema biex magħhom tiddjaloga dwar kwistjonijiet relatati mal-post tax-xogħol.

Il-proċess tal-verifika għandu jinkludi konsultazzjoni mal-partijiet konċernati esterni fiż-żoni lokali madwar is-siti tal-produzzjoni, inklużi t-trade unions, l-organizzazzjonijiet komunitarji, l-NGOs u l-esperti tax-xogħol. L-applikant għandu jippubblika onlajn ir-riżultati aggregati u s-sejbiet ewlenin mill-verifiki ħalli lill-konsumaturi interessati jipprovdilhom evidenza tal-prestazzjoni tal-fornitur tiegħu.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu juri l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti billi jipprovdi kopji taċ-ċertifikati ta' konformità u tar-rapporti ta' verifika ta' sostenn għal kull impjant tal-assemblaġġ tal-prodott finali ħalli l-mudelli jingħataw l-ekotikketta, u link għas-sit web fejn ikunu qed jiġu ppubblikati ir-riżultati u s-sejbiet.

Il-verifiki fuq il-post li trid tagħmel il-parti terza għandhom jagħmluhom verifikaturi li jkunu kwalifikati biex jivverifikaw il-konformità tal-katina tal-provvista tal-industrija tal-elettronika mal-istandards soċjali jew mal-kodiċi ta' kondotta jew, fil-pajjiżi li rratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni fuq ix-Xogħol Nru 81 tal-1947 u s-superviżjoni tal-ILO tkun turi li s-sistema nazzjonali għall-ispezzjoni fuq ix-xogħol hi effettiva u l-ambitu tas-sistema tal-ispezzjoni jkun ikopri ż-żoni msemmija hawn fuq (15), minn spettur(i) tax-xogħol li taħtar awtorità pubblika.

Għandhom jiġu aċċettati ċertifikazzjonijiet validi li nħarġu sa 12-il xahar qabel l-applikazzjoni u li jingħataw minn skemi jew proċessi li, flimkien jew separatament, jivverifikaw il-konformità mal-prinċipji applikabbli tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO elenkati u mad-dispożizzjonijiet supplimentari dwar is-sigħat tax-xogħol, ir-rimunerazzjoni u s-saħħa u s-sikurezza.

Il-kriterju 6. L-informazzjoni għall-utent

6(a)   Il-manwal għall-utent

Il-kompjuter għandu jinbiegħ bl-informazzjoni rilevanti għall-utent li tipprovdi parir dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodott. L-informazzjoni għandha tkun f'post uniku fil-manwal għall-utent li jkun faċli biex jinstab u fis-sit web tal-manifattur. Mill-anqas, l-informazzjoni għandha tinkludi:

(i)

Il-konsum tal-enerġija: Il-valur tat-TEC skont l-Energy Star v6.1, kif ukoll id-domanda massima għall-enerġija f'kull modalità operattiva. Barra minn hekk, għandhom jingħataw struzzjonijiet dwar kif tintuża l-modalità tat-tagħmir għall-iffrankar tal-enerġija u informazzjoni li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tnaqqas il-konsum tal-enerġija u għalhekk twassal biex jiġu ffrankati l-flus għax jonqsu l-kontijiet tal-elettriku.

(ii)

Dawn l-indikazzjonijiet juru kif jonqos il-konsum tal-enerġija meta l-kompjuter ma jkunx qed jintuża:

Jekk il-kompjuter jitqiegħed fuq modalità “off”, il-konsum tal-enerġija jonqos iżda xorta tkun qed tintuża xi ftit enerġija;

Jekk tonqos il-luminożità tal-iskrin ikun qed jonqos l-użu tal-enerġija;

Meta l-kompjuter ma jkunx qed jintuża, l-iscreensavers jistgħu jwaqqfu lill-iskrin tal-kompjuter milli jaqleb għal modalità li taħli inqas enerġija. Għalhekk jista' jonqos l-użu tal-enerġija jekk l-iscreensavers ma jkunux attivati;

Jekk it-tablets jiġu ċċarġjati minn USB ta' kompjuter desktop jew laptop ieħor, il-konsum tal-enerġija jaf jiżdied jekk il-kompjuter desktop jew il-laptop jitħalla f'modalità fejn ikun wieqaf (idle) li tikkonsma l-enerġija għas-sempliċi raġuni biex jiċċarġja t-tablet.

(iii)

Għall-laptops, it-tablets u l-kompjuters 2-in-1, trid tingħata informazzjoni li jekk titwal il-ħajja tal-kompjuter ikunu qed jonqsu l-impatti ambjentali globali tal-prodott.

(iv)

Dawn l-indikazzjonijiet juru kif tista' titwal il-ħajja tal-kompjuter:

Informazzjoni biex l-utent isir jaf il-fatturi li jaffettwaw il-ħajja tal-batteriji rikarikabbli kif ukoll struzzjonijiet għall-utent dwar kif tista' titwal il-ħajja tagħhom (applikabbli biss għal kompjuters mobbli li jaħdmu b'batteriji rikarikabbli).

Struzzjonijiet ċari għaż-żarmar u t-tiswija biex iż-żarmar ikun jista' jsir mingħajr ma jitkisser il-prodott u bil-ħsieb li jinbidlu komponenti jew partijiet ewlenin għal titjib jew tiswija.

Informazzjoni biex l-utent ikun jaf imnejn jikseb manutenzjoni u tiswija professjonali għall-kompjuter, inklużi dettalji tal-kuntatt. Il-manutenzjoni ma għandhiex tkun limitata biss għall-Fornituri Awtorizzati tas-Servizzi tal-applikant.

(v)

Struzzjonijiet ta' tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja biex il-kompjuters jintremew kif xieraq, inkluż struzzjonijiet separati biex il-batteriji rikarikabbli jintremew kif suppost, f'ċentri ċiviċi jew bi skemi ta' teħid lura mill-bejjiegħa skont kif ikun applikabbli, li għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(vi)

Informazzjoni li l-prodott ingħata l-Ekotikketta tal-UE bi spjega qasira ta' xi tfisser din flimkien ma' indikazzjoni li aktar informazzjoni dwar l-Ekotikketta tinsab fis-sit web: http://www.ecolabel.eu

(vii)

Għandhom jingħataw struzzjonijiet u manwal(i) tat-tiswija f'verżjoni stampata, u jitqiegħdu anki fuq il-websajt għal mill-anqas ħames snin.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti u għandu jipprovdi link għall-verżjoni onlajn jew kopja tal-manwal għall-utenti u tal-manwal tat-tiswija.

6(b)   L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Il-kaxxa tal-kliem tat-tikketta fakultattiva għandu jkun fiha dan il-kliem li ġej:

Effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija

Prodott iddisinjat biex iservi aktar (dan jgħodd biss għal-laptops, il-laptops 2-in-1, u t-tablets)

Restrizzjoni fuq is-sustanzi perikolużi

Iddisinjat biex ikun faċli biex jissewwa, jiġi aġġornat u jiġi riċiklat

B'kundizzjonijiet tax-xogħol fil-fabbrika awditjati

Dan il-kliem jista' jintwera jekk il-kontenut riċiklat tal-plastik ikun aktar minn 25 % bħala persentaġġ tal-plastik kollu (bil-piż):

Fih xy % ta' plastik riċiklat postkonsumatur

Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva bil-kaxxa tal-kliem jinsabu fil-“Linji Gwida għall-Użu tal-Logo tal-Ekotikketta tal-UE” fis-sit web:

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta tal-prodott jew illustrazzjoni tal-imballaġġ meta se titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE flimkien ma' dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(2)  Il-kategoriji huma definiti skont il-banda tal-frekwenzi tal-frame buffer f'GigaBytes/sekonda (Gb/s).

(3)  Il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC), IEC 62474: “Material declaration for products of and for the electrotechnical industry”, http://std.iec.ch/iec62474.

(4)  L-ECHA, “Candidate List of substances of very high concern for Authorisation”, http://www.echa.europa.eu/candidate-list-table.

(5)  Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).

(6)  Skont l-IEC 61249-2-21, għall-kompożizzjoni “ħielsa mill-aloġenu” tal-materjal ta' bord stampat taċ-ċirkwit jistgħu jsiru dikjarazzjonijiet.

(7)  Skont l-IEC 62821, għall-wajers “ħielsa mill-aloġenu u li ftit idaħħnu” jistgħu jsiru dikjarazzjonijiet.

(8)  L-ECHA, “REACH registered substances database”, http://www.echa.europa.eu/information-on-chemicals/registered-substances

(9)  L-ECHA, “Co-operation with peer regulatory agencies”, http://echa.europa.eu/en/about-us/partners-and-networks/international-cooperation/cooperation-with-peer-regulatory-agencies

(10)  Id-difetti għandhom jinkludu li ma jkunx qed jiċċarġja u li ma jkunx qed jagħraf li tqabbdet il-batterija. Jekk bl-użu l-kapaċità tal-batterija tkun qed tonqos ftit ftit, dan ma għandux jitqies bħala difett ħlief meta dan ikun kopert b'dispożizzjoni speċfika fil-garanzija.

(11)  L-AFR għandha titkejjel skont il-Ħin Medju Bejn il-Ħsarat (l-MTBF). L-MTBF għandha tiġi ddeterminata skont il-Bellcore TR-NWT-000332, ħarġa nru 6, 12/97 jew skont dejta miġbura fuq il-post.

(12)  Pass wieħed ikun operazzjoni li tispiċċa bit-tneħħija ta' komponent jew ta' parti, u/jew b'bidla ta' għodda.

(13)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, pp. 3).

(14)  Social Accountability International (Ir-Responsabbiltà Soċjali Internazzjonali), “Social Accountability 8000 International Standard”, http://www.sa-intl.org

(15)  Ara l-ILO NORMLEX (http://www.ilo.org/dyn/normlex/en) u l-gwida ta' sostenn fil-manwal tal-utent.

(16)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

APPENDIĊI

PROTOKOLL GĦAT-TEST TAŻ-ŻARMAR TAL-PRODOTT

(a)   Termini u Definizzjonijiet

(i)

Il-partijiet u l-komponenti fil-mira: Partijiet u/jew komponenti li huma mmirati għall-proċess tal-qlugħ.

(ii)

Il-pass taż-żarmar: Operazzjoni li tispiċċa bit-tneħħija ta' xi komponenti jew xi parti u/jew b'bidla ta' għodda.

(b)   Il-kundizzjonijiet operattivi għat-test

(i)

Il-persunal: It-test għandu jagħmlu persuna waħda.

(ii)

Il-kampjun tat-test: Il-kampjun tal-prodott li jintuża għat-test għandu jkun f'kundizzjoni tajba.

(iii)

L-għodod għall-qlugħ: Il-qlugħ għandu jsir bl-idejn jew b'għodda disponibbli kummerċjalment (bħal plajers, turnaviti, segi u mrietel kif jiddefinixxu l-ISO 5742, l-ISO 1174, u l-ISO 15601).

(iv)

Is-sekwenza tal-qlugħ: Is-sekwenza tal-qlugħ għandha tiġi dokumentata u, meta jkun irid isir test minn parti terza, trid tingħata l-informazzjoni mogħtija lil min għamel il-qlugħ.

(c)   Dokumentazzjoni u Reġistrar tal-kundizzjonijiet tat-test u tal-passi li ttieħdu

(i)

Id-dokumentazzjoni tal-passi: Għandu jiġu dokumentat pass pass x'sar waqt il-qlugħ u tissemma l-għodda assoċjata ma' kull pass.

(ii)

Il-mezzi għar-reġistrazzjoni Waqt il-qlugħ tal-komponenti għandhom jittieħdu r-ritratti u jinġibed filmat. Bil-filmat u bir-ritratti jkunu jistgħu jingħarfu ċar u tond il-passi fis-sekwenza tal-qlugħ.


Top