EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0903

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/903 tat-8 ta' Ġunju 2016 skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar għata taż-żwiemel imxappa bil-permetrina li tintuża bl-għan li jiġu kkontrollati l-insetti li jagħtu fastidju fl-ambjent taż-żiemel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/3355

OJ L 152, 9.6.2016, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/903/oj

9.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/43


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/903

tat-8 ta' Ġunju 2016

skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar għata taż-żwiemel imxappa bil-permetrina li tintuża bl-għan li jiġu kkontrollati l-insetti li jagħtu fastidju fl-ambjent taż-żiemel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Settembru 2015, l-Irlanda talbet lill-Kummissjoni tiddeċiedi, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, dwar jekk għata taż-żwiemel li titqiegħed fis-suq biex tintuża għall-protezzjoni taż-żwiemel u tal-ambjent tagħhom mill-insetti (dubbien li jdur maż-żwiemel u fl-istalel) hijiex prodott bijoċidali jew oġġett ittrattat jew l-ebda wieħed minnhom.

(2)

Skont it-tagħrif ipprovdut mill-Irlanda, l-għata taż-żwiemel tkun magħmula minn żewġ saffi separati ta' drapp, u s-saff ta' barra jkun imxappap bil-permetrina u separat mill-ġilda taż-żwiemel permezz tas-saff ta' ġewwa li ma jkunx imxappap. Jingħad li t-trattament bil-permetrina jkompli jtejjeb il-funzjoni tal-għata bħala protezzjoni fiżika kontra l-insetti li jagħtu fastidju fl-ambjent taż-żiemel, peress li l-insetti jmutu malli jmissu mas-saff ta' barra tal-għata.

(3)

L-għata taż-żwiemel hija maħsuba biex tikkontrolla l-insetti, li jissodisfaw id-definizzjoni ta' organiżmu li jagħmel il-ħsara kif previst fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ladarba dawn jista' jkollhom effett ħażin fuq il-bnedmin jew fuq l-annimali.

(4)

Skont l-Artikolu 3(1)(a) ta' dak ir-Regolament, il-qerda, it-tnaffir, in-newtralizzazzjoni, il-kontroll u l-prevenzjoni tal-azzjoni ta' kwalunkwe organiżmu li jagħmel il-ħsara huma funzjonijiet bijoċidali.

(5)

L-għata taż-żwiemel tissodisfa d-definizzjoni ta' oġġett kif previst fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ladarba għandha għamla, superfiċe jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tagħha ferm iktar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tagħha.

(6)

L-għata tissodisfa d-definizzjoni ta' oġġett ittrattat kif previst fl-Artikolu 3(1)(l) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, peress li l-permetrina hija inkorporata fiha apposta bl-għan li jiġu kkontrollati l-insetti fl-ambjent taż-żiemel.

(7)

Għalhekk huwa essenzjali li jiġi stabbilit jekk l-għata taż-żwiemel għandhiex funzjoni bijoċidali primarja skont il-gwida maqbula tal-Unjoni (2), sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex oġġett ittrattat jew prodott bijoċidali.

(8)

Ladarba (i) l-insetti li jagħtu fastidju fl-ambjent taż-żiemel ma jagħmlux ħsara lill-għata stess; (ii) il-konċentrazzjoni tal-permetrina fl-għata tista' titqabbel ma' dik fil-prodotti bijoċidali u hija ogħla mill-konċentrazzjoni li tintuża biex jiġu kkontrollati l-organiżmi ta' ħsara li jieklu l-keratina fit-tessuti (3); (iii) il-modalità ta' azzjoni tal-permetrina fl-għata hija l-istess bħal dik ta' prodott bijoċidali; (iv) tingħata prominenza ikbar u l-ewwel importanza fit-tagħrif tal-prodott lill-funzjoni bijoċidali tal-ikkontrollar tal-insetti iktar milli lil funzjonijiet oħra tal-għata taż-żwiemel (b'mod partikolari biex jittaffew il-kundizzjonijiet kesħin tat-temp jew għall-protezzjoni mir-raġġi UV), l-għata taż-żwiemel tista' titqies li għandha funzjoni bijoċidali primarja u li tissodisfa d-definizzjoni ta' prodott bijoċidali prevista fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(9)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 huwa importanti wkoll li jitqies jekk l-għata taż-żwiemel tistax tkun fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jekk din tissodisfa d-definizzjoni ta' prodott mediċinali veterinarju kif previst fl-Artikolu 1(2) ta' dik id-Direttiva.

(10)

Meta l-għata taż-żwiemel ma tkunx iddisinjata biex tiġi applikata bħala insettiċida topika u ma tintużax bil-ħsieb li treġġa' lura, tikkoreġi jew timmodifika l-funzjonijiet fiżjoloġiċi permezz ta' azzjoni farmakoloġika, immunoloġika jew metabolika, jew biex issir dijanjożi medika taż-żwiemel, u meta l-għata taż-żwiemel ma tiġix ippreżentata li għandha proprjetajiet għat-trattament jew għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe mard taż-żwiemel iżda biex jiġu kkontrollati l-insetti li jaf ikunu preżenti fl-ambjent taż-żiemel u li jaf jiddisturbaw l-annimal, l-għata taż-żwiemel ma tkunx tissodisfa d-definizzjoni ta' prodott mediċinali veterinarju kif previst fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/82/KE u għaldaqstant tkun fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(11)

Ladarba t-tip tal-prodott 18, kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ikopri l-prodotti li jintużaw għall-kontroll tal-artropodi (eż. l-insetti, l-araknidi u l-krustaċji), b'mezzi oħra li mhumiex dawk li jbiegħduhom jew li jattirawhom, l-għata taż-żwiemel għandha titqies li tappartjeni għat-tip tal-prodott 18. Barra minn hekk, peress li l-permetrina mhijiex qed tiġi vvalutata u lanqas mhija approvata (5) biex tintuża fil-prodotti bijoċidali tat-tip tal-prodott 19, ma għandux jingħad li l-għata taż-żwiemel għandha xi funzjoni ta' repellent.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għata taż-żwiemel imxappa bil-permetrina bl-għan li jiġu kkontrollati l-insetti li jagħtu fastidju fl-ambjent taż-żiemel, b'mezzi oħra li mhumiex dawk li jbiegħduhom jew li jattirawhom, għandha titqies bħala prodott bijoċidali skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u għandha titqies tat-tip tal-prodott 18 kif iddefinit fl-Anness V ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  In-nota ta' gwida dwar il-Mistoqsijiet frekwenti dwar l-oġġetti ttrattati (il-Mistoqsija 11), disponibbli fuq https://circabc.europa.eu/w/browse/d7363efd-d8fb-43e6-8036-5bcc5e87bf22

(3)  Ir-rapport ta' valutazzjoni tal-evalwazzjoni tas-sustanza attiva permetrina għat-tip tal-prodott 18 (it-Taqsima 2.1.2.1. Field of use envisaged/Function and organism(s) to be controlled (Il-qasam ta' użu previst/Il-funzjoni u l-organiżmi li jridu jiġu kkontrollati)), disponibbli fuq http://dissemination.echa.europa.eu/Biocides/ActiveSubstances/1342-18/1342-18_Assessment_Report.pdf

(4)  Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1090/2014 tas-16 ta' Ottubru 2014 li japprova l-permetrina bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tipi 8 u 18 (ĠU L 299, 17.10.2014, p. 10).


Top