EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0419

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/419 tat-18 ta' Marzu 2016 dwar in-nuqqas ta' konformità tar-rati unitarji għall-2016 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 (notifikata bid-dokument C(2016) 1588) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1588

OJ L 75, 22.3.2016, p. 60–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/05/2018; Imħassar b' 32018D0704

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/419/oj

22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/60


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/419

tat-18 ta' Marzu 2016

dwar in-nuqqas ta' konformità tar-rati unitarji għall-2016 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013

(notifikata bid-dokument C(2016) 1588)

(It-testi bin-Netherlandiż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (Ir-Regolament tal-forniment ta' servizzi) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. L-iskema komuni ta' imposti hija element integrali għall-kisba tal-għanijiet tal-iskema ta' prestazzjoni kif stabbilita mill-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (4).

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE (5) tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni għall-UE kollha kemm hi, fosthom il-mira tal-kosteffikaċja tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, espressa f'kosti unitarji determinati għall-forniment ta' dawn is-servizzi, għat-tieni perjodu ta' referenza li jkopri u jinkludi s-snin mill-2015 sal-2019.

(3)

Skont l-Artikolu 17(1)(b) u (c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ġunju 2014 bi qbil mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u 9(2) ta' dak ir-Regolament. Dik il-valutazzjoni tikkonċerna l-konformità ta' dawk ir-rati unitarji mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(4)

Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha tar-rati unitarji bl-appoġġ tal-Unità ta' Eżami tal-Prestazzjoni u l-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot ta' Eurocontrol, bl-użu tad-dejta u l-informazzjoni addizjonali mogħtija mill-Istati Membri sal-1 ta' Ġunju 2015 kif ukoll tar-rapporti tal-awtoritajiet nazzjonali superviżorji dwar il-valutazzjoni ta' kosti eżenti mill-mekkaniżmu ta' qsim tal-kosti mressqa f'konformità mal-Artikolu 14(2)(f) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni qieset ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija u l-korrezzjonijiet li saru qabel il-laqgħa konsultattiva dwar ir-rati unitarji għall-2016 għas-servizzi en route, li saret fil-25 u fis-26 ta' Ġunju 2015 b'applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, kif ukoll il-korrezzjonijiet tar-rati unitarji li għamlu l-Istati Membri wara li saru komunikazzjonijiet sussegwenti mal-Kummissjoni.

(5)

Abbażi ta' dik il-valutazzjoni, wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/670 (6) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/420 (7), il-Kummissjoni sabet, f'konformità mal-Artikolu 17(1)(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, li r-rati unitarji tal-2016 għaż-żoni ta' imposti tal-Belġju, tal-Lussemburgu, ta' Franza, tal-Ġermanja u tan-Netherlands ma jikkonformawx mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(6)

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 jipprevedi li l-awtoritajiet superviżjorji nazzjonali tal-Istati Membri għandhom iħejju pjanijiet ta' prestazzjoni li jkun fihom miri konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni għall-UE kollha. Skont l-Artikolu 11(2) u l-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, ir-rati unitarji jiġu kkalkulati abbażi tal-kosti determinati en route u l-unitajiet tas-servizz previsti fil-pjan ta' prestazzjoni ta' Stat Membru, jiġifieri l-kosti unitarji determinati en route. Sakemm il-miri ta' prestazzjoni tal-Belġju, ta' Franza, tal-Ġermanja, tal-Lussemburgu u tan-Netherlands ma jitqisux bħala konsistenti mal-miri tal-UE kollha, ir-rati unitarji kkalkulati abbażi tagħhom ma jistgħux jitqiesu li huma konformi mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(7)

Skont l-Artikolu 17(1)(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu avżati b'din is-sejba tal-Kummissjoni.

(8)

F'konformità mal-Artikolu 17(1)(e), l-Istati Membri għandhom, fi żmien xahar, iressqu r-rati unitarji riveduti lill-Kummissjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rati unitarji għall-2016 għaż-żoni tal-imposti stabbiliti fl-Anness ma jikkonformawx mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Franċiża, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(2)  ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE tal-11 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta' twissija għat-tieni perjodu ta' referenza mill-2015 sal-2019 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 20).

(6)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/670 tas-27 ta' April 2015 dwar il-konformità tar-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 110, 29.4.2015, p. 25).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/420 tat-18 ta' Marzu 2016 dwar il-konformità tar-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 (Ara paġna 63 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

Rati unitarji en route imressqa għaż-żoni tal-imposti għall-2016 li nstabu li m'humiex konformi

 

Żona tal-imposti

Ir-rata unitarja en route għall-2016 imressqa fil-munita nazzjonali (*) (Kodiċi ISO)

1

Belġju-Lussemburgu

65,41

2

Franza

67,54

3

Il-Ġermanja

82,59

4

In-Netherlands

67,00


(*)  Dawn ir-rati unitarji ma jinkludux ir-rata unitarja amministrattiva msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 u li tapplika għal dawk l-Istati li huma partijiet tal-Ftehim Multilaterali ta' Eurocontrol dwar l-imposti tar-rotot.


Top