Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0310(01)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2016 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-miri tal- interkonnessjoni tal-elettriku

C/2016/1406

OJ C 94, 10.3.2016, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

10.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/2


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Marzu 2016

li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-miri tal- interkonnessjoni tal-elettriku

(2016/C 94/02)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew tal-20 u 21 ta’ Marzu 2014 appella għall- implimentazzjoni rapida tal-miżuri kollha biex tintlaħaq il-mira li tinkiseb interkonnessjoni ta’ mill-inqas 10 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku installata tagħhom għall-Istati Membri kollha. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi objettivi speċifiċi dwar l-interkonnessjoni li għandhom jinkisbu sal-2030.

(2)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija” (1) ipproponiet li testendi l-mira attwali ta’ 10 % tal-interkonnessjoni tal-elettriku għal 15 % sal-2030 filwaqt li jitqiesu l-aspetti tal-ispejjeż u l-potenzjal ta’ skambji kummerċjali fir-reġjuni rilevanti.

(3)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014 stieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta regolarment lill-Kunsill Ewropew bl-objettiv li tintlaħaq il-mira ta’ 15 % sal-2030, kif propost mill-Kummissjoni, u li l-mira tintlaħaq, prinċipalment, permezz tal-implimentazzjoni ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni.

(4)

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares ‘il Quddiem” (2) il-Kummissjoni fakkret li ġiet stabbilita mira minima speċifika ta’ interkonnessjoni għall-elettriku ta’ 10 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ elettriku installata tal-Istati Membri, li għandha tinkiseb sal-2020. Fl-istess Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li fl-2016 se tirrapporta dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 15 % sal-2030.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika” (3), il-Kummissjoni enfasizzat li t-tlestija tas-suq intern tal-elettriku, notevolment tmiem l-iżolament ta’ gżejjer tal-elettriku, provvisti siguri tal-enerġija għall-konsumaturi kollha u sehem ikbar tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażat fuq għejun tal-enerġija rinnovabbli varjabbli jirrikjedu iktar minn 10 % tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni u l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri għandhom ikunu ggwidati mill-bżonn li l-Istati Membri kollha jilħqu kapaċità ta’ interkonnessjoni ta’ mill-inqas 15 % sal-2030.

(6)

Il-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2015 appella għall-aċċellerazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali, inklużi l-interkonnessjonijiet b’mod partikolari għar-reġjuni periferiċi, għall-elettriku u l-gass sabiex jiġu żgurati s-sigurtà tal-enerġija u suq intern tal-enerġija li jaħdem sew.

(7)

Fl-istess ħin, id-differenzi bejn l-Istati Membri f’termini ta’ pożizzjoni ġeografika u struttura tat-taħlita tal-enerġija u l-provvista jfissru li jinħtieġ approċċ każ b’każ abbażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-ostakoli, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż. L-istrutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali — il-Gruppi Reġjonali għall-elettriku stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-Regolament TEN-E) u Gruppi ta’ Livell Għoli rilevanti għall-infrastruttura tal-enerġija — se jkunu kuntest importanti għad-diskussjoni u l-qbil dwar it-triq ‘il quddiem.

(8)

Dawn il-Gruppi ta’ Livell Għoli jżidu dimensjoni politika, gwida strateġika u linji gwidi politiċi għal xogħol tekniku, u jgħinu biex jiġu identifikati u promossi proġetti prijoritarji għar-reġjuni kkonċernati. Minbarra l-Grupp ta’ Livell Għoli eżistenti dwar il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP), li kien irriformat fl-2015, ġew stabbiliti żewġ Gruppi ta’ Livell Għoli ġodda fl-2015: il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Interkonnessjonijiet għall-Ewropa tal-Lbiċ (il-Peniżola tal-Iberja) u l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC)

(9)

Il-Grupp għandu jkun stabbilit sabiex jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-istrutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali pariri tekniċi dwar kif l-aħjar jikkonċettwalizzaw il-mira ta’ 15 % tal-interkonnessjoni f’miri fil-livell reġjonali, nazzjonali u/jew konfinali kif ukoll dwar kwistjonijiet tekniċi ewlenin marbutin mal-implimentazzjoni tal-interkonnessjonijiet neċessarji, inklużi dawk relatati mal-kisba tal-mira tal-interkonnessjoni ta’ 10 %.

(10)

L-istruttura tal-grupp ta’ esperti għandha timmira li tiżgura rappreżentazzjoni ekwilibrata tal-oqsma rilevanti ta’ kompetenza u oqsma ta’ interess, kif ukoll rappreżentanza ekwilibrata tas-sessi u tal-oriġini ġeografika. Għaldaqstant il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), in-Netwerks Ewropej tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSOs) kif ukoll l-esperti u l-organizzazzjonijiet rilevanti li jirrappreżentaw l-industrija, l-akkademja u s-settur mhux governattiv b’għarfien espert rilevanti tas-suq intern tal-enerġija u l-kwistjonijiet ta’ interkonnessjoni tal-elettriku.

(11)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mill-membri tal-grupp.

(12)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Il-grupp ta’ esperti dwar il-miri tal-interkonnessjoni tal-elettriku (“il-Grupp”) huwa b’dan stabbilit.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu:

(a)

wara li jidentifika l-fatturi li potenzjalment jista’ jkollhom impatt fuq l-iskambju tal-elettriku bejn l-Istati Membri, li jipprovdi lill-Kummissjoni parir tekniku dwar metodoloġija li tikkonċettwalizza l-mira ta’ 15 % tal-interkonnessjoni f’miri fil-livell reġjonali, nazzjonali u/jew konfinali li għandhom jinkisbu sal-2030 filwaqt li jitqiesu l-aspetti tal-ispejjeż u l-potenzjal ta’ skambji kummerċjali fir-reġjuni rilevanti;

(b)

li jipprovdi, jekk jintalab, parir tekniku dwar il-kisba tal-mira ta’ 10 %, li jidentifika riskji li jistgħu jwasslu biex ma tintlaħaqx il-mira sal-2020, u li jipproponi soluzzjonijiet lill-Kummissjoni biex jintgħeleb kwalunkwe ostaklu fl-implimentazzjoni, marbutin b’mod partikolari mal-finanzjament ta’ proġetti u l-proċeduri ta’ għoti ta’ permessi.

2.   Meta jwettaq il-kompiti stipulati fil-paragrafu 1, il-Grupp għandu jikkonsulta regolarment l-istrutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali, jiġifieri l-Gruppi Reġjonali għall-elettriku stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 347/2013, kif ukoll il-Gruppi ta’ Livell Għoli rilevanti dwar l-infrastruttura tal-enerġija.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni u d-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija jistgħu jikkonsultaw il-Grupp dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-interkonnessjoni tal-elettriku.

Artikolu 4

Sħubija

1.   Il-Grupp għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn 15-il membru minn:

(a)

L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER),

(b)

In-Netwerks Ewropej għall-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku u tal-Gass (l-ENTSO-E u l-ENTSO-G),

(c)

L-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-industrija,

(d)

Organizzazzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka speċjalizzati fil-kwistjonijiet dwar is-suq intern tal-enerġija u l-infrastruttra tal-enerġija b’enfasi fuq l-elettriku,

(e)

Organizzazzjonijiet rilevanti mhux governattivi Ewropej u dawk internazzjonali speċjalizzati fil-kwistjonijiet dwar is-suq intern tal-enerġija u l-infrastruttra tal-enerġija b’enfasi fuq l-elettriku,

(f)

Individwi maħtura f’kapaċità personali bħala esperti li jkollhom għarfien espert eċċellenti fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 2(1).

2.   Jista’ jsir provvediment għall-ħatra ta’ għadd ta’ supplenti li jkun daqs dak tal-membri. Is-supplenti għandhom jinħatru b’konformità mal-istess kundizzjonijiet tal-membri; is-supplenti jissostitwixxu awtomatikament kwalunkwe membru li jkun assenti jew indispost.

3.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 5, jew l-Artikolu 339 tat-Trattat ma għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp u jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-mandat tagħhom.

4.   Il-membri maħtura fil-kapaċità personali tagħhom għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

5.   Id-dejta personali tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Ħatra

1.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mid-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija minn fost speċjalisti b’kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Kull waħda mill-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 4 għandhom jipproponi rappreżentant u s-sostitut tiegħu. Jekk dan ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati fis-sejħa għall-applikazzjoni, id-Direttur Ġenerali għall-Enerġija jista’ jirrifjuta rappreżentant jew supplenti propost. F’dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni kkonċernata għandha tintalab taħtar rappreżentant jew sostitut ieħor.

Il-membri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4 ma għandhomx jinħatru b’sejħa pubblika u għandhom jinħatru direttament.

2.   Il-membri jinħatru għal perjodu ta’ sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded darba.

3.   Fir-rigward ta’ membri maħtura f’kapaċità personali, jista’ jsir provvediment għall-ħatra ta’ għadd ta’ sostituti li jkun daqs dak tal-membri. Is-sostituti għandhom jinħatru b’konformità mal-istess kundizzjonijiet tal-membri. Is-sostituti jissostitwixxu awtomatikament kwalunkwe membru li jkun assenti jew indispost.

4.   Isem l-organizzazzjonijiet u isem l-individwi maħtura f’kapaċità personali tagħhom għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni u Entitajiet Oħra Simili (“ir-Reġistru”)

Artikolu 6

Operat

1.   Il-grupp għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija.

2.   Bi qbil mad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, il-Grupp jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza definiti mill-Grupp. Sottogruppi ta’ dan it-tip għandhom jiġu xolti malli jwettqu l-mandat tagħhom.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti minn barra l-Grupp li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Grupp jew tas-sottogrupp fuq bażi ad hoc. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jagħti status ta’ osservatur lil individwi jew organizzazzjonijiet kif hemm definit fir-Regola 8(3) tar-regoli orizzontali dwar il-gruppi ta’ esperti u l-pajjiżi kandidati.

4.   Ir-rappreżentanti tal-membri tal-Grupp u s-supplenti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata tal-UE, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (6) u 2015/444 (7). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

5.   Il-laqgħat tal-Grupp u s-sottogruppi għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ segretarjali. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-Grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.

7.   Id-dokumenti rilevanti kollha (bħalma huma l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) għandhom ikunu disponibbli jew fir-Reġistru tal-gruppi esperti jew permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal sit web speċifiku. L-aċċess għal siti web speċifiċi ma għandux ikun issoġġettat għar-reġistrazzjoni tal-utent jew xi restrizzjoni oħra. Għandhom jiġu previsti eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ dokument meta d-divulgazzjoni tiegħu ddgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

Artikolu 7

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Grupp ma għandhomx jiġu rremunerati għas-servizzi li jagħtu.

2.   L-ispejjeż li jagħmlu l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Grupp għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza jiġu rrimburżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni (9).

3.   Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rrimburżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli, allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 8

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal ħames snin mid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2014) 330 finali.

(2)  COM(2015) 80 finali.

(3)  COM(2015) 82 finali.

(4)  Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 li jirrigwarda l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropej (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsuba biex iħarsu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċeduri fil-qorti u l-pariri legali, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditi u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5858 tal-5 ta’ Diċembru 2007 dwar Regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba min-nies barra mill-Kummissjoni mistiedna jattendu laqgħat fil-kapaċità tagħhom ta’ esperti.


Top