EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0213(01)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Frar 2016 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Iffalsifikar tal-Euro

OJ C 58, 13.2.2016, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

13.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 58/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Frar 2016

li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Iffalsifikar tal-Euro

(2016/C 58/06)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/512 (1) tipprovdi li d-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (minn hawn ‘il quddiem id-“Direttorat Ġenerali”) huwa responsabbli għall-kompiti relatati mat-tħejjija tal-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji tal-Kummissjoni sabiex tiġi protetta l-euro kontra l-iffalsifikar, u jiġi pprovdut appoġġ f’dan il-qasam permezz ta’ taħriġ u assistenza teknika. Bil-ħsieb li tiżgura l-protezzjoni effettiva u konsistenti tal-euro, il-Kummissjoni teħtieġ li titlob l-għarfien espert ta’ speċjalisti f’korp konsultattiv.

(2)

Għaldaqstant huwa neċessarju li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-protezzjoni tal-karti u l-muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar u li jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

(3)

Il-grupp għandu jassisti l-Kummissjoni fit-titjib ta’ kundizzjonijiet għall-protezzjoni ġenerali tal-euro abbażi ta’ inizjattivi leġiżlattivi sabiex jiġu rrinforzati l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar u fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-grupp għandu jistabbilixxi wkoll kooperazzjoni mill-qrib u regulari mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-Kummissjoni, iċ-Ċentru Tekniku Xjentifiku Ewropew (“ETSC”) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE (3), il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) u l-Europol.

(4)

Il-grupp għandu jkun magħmul minn esperti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-ETSC, il-BĊE u l-Europol.

(5)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni minn membri tal-grupp.

(6)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(7)

Huwa xieraq li jiġi stipulat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fi żmien propizju, il-Kummissjoni se tikkunsidra kemm hu xieraq li tingħata estensjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Il-Grupp tal-Esperti tal-Kummissjoni dwar l-Iffalsifikar tal-Euro (minn hawn ‘il quddiem “ECEG”), huwa b’hekk stabbilit.

Artikolu 2

Il-kompiti tal-ECEG

Il-kompiti tal-ECEG se jkunu:

(a)

li jassisti lill-Kummissjoni fil-preparazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi, atti delegati jew inizjattivi ta’ politika li jkopru kemm il-karti kif ukoll il-muniti kontra l-iffalsifikar;

(b)

li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib u regulari mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-Kummissjoni, l-ETSC, il-BĊE u l-Europol sabiex jassigura l-protezzjoni effettiva u konsistenti tal-euro;

(c)

li jiskambja informazzjoni u jistabbilixxi prattiki tajba fir-rigward tal-prevenzjoni tal-iffalsifikar tal-euro, tal-ġlieda kontra karti u muniti foloz u tal-impatt tal-iffalsifikar għall-fini ta’ analiżi strateġika;

(d)

li jagħti pariri u għarfien espert lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-programmi u l-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (5);

(e)

li jiddiskuti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta mal-ECEG dwar kwistjonijiet li jirrelataw mal-protezzjoni ġenerali tal-euro abbażi ta’ inizjattivi leġiżlattivi sabiex jiġu rrinforzati l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar (6).

Artikolu 4

Sħubija u Ħatra

1.   Il-membri tal-ECEG ikunu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-ETSC, il-BĊE u l-Europol.

2.   Il-membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-rappreżentanti maħturin tagħhom.

3.   Dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Operat

1.   Is-servizz kompetenti tal-Kummissjoni għandu jaħtar il-President tal-grupp.

2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti minn barra l-ECEG li jkollhom kompetenzi speċifiċi f’suġġett li jkun fuq l-aġenda sabiex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp, abbażi ad hoc. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jagħti status ta’ osservatur lil individwi jew organizzazzjonijiet hekk kif definit fir-Regola 8(3) tar-regoli orizzontali dwar il-gruppi ta’ esperti (7), u l-pajjiżi kandidati.

3.   Membri tal-ECEG u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (8) u (UE, Euratom) 2015/444 (9). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

4.   Il-laqgħat tal-ECEG isiru f’bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali.

5.   L-ECEG għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.

6.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dokumenti rilevanti kollha b’rabta mal-attivitajiet imwettqa mill-ECEG bħalma huma l-aġendi, il-minuti, u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, jew billi tinkludihom fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra tal-Kummissjoni jew billi tagħmel link fir-Reġistru għal sit tal-Internet dedikat li fih ikun hemm dawn id-dokumenti. Id-dokumenti rilevanti mhux se jiġu ppubblikati fejn id-divulgazzjoni ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Artikolu 6

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-ECEG mhumiex se jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien li jġarrbu l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   Dawk l-ispejjeż jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Pierre MOSCOVICI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/512 tal-25 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 81, 26.3.2015, p. 4).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tikkonċerna l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ muniti foloz tal-euro (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 44).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ tali dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).

(6)  Kif imsemmi fi premessa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001.

(7)  C(2010) 7649 finali.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


Top