EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0040

Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40)

OJ L 141, 1.6.2017, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/933/oj

1.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/14


DEĊIŻJONI (UE) 2017/933 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Novembru 2016

dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Billi:

(1)

L-għoti ta' kompiti superviżorji mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (1) lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jirrappreżenta sfida għall-effettività u l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BĊE, minħabba l-għadd kbir ta' deċiżjonijiet meħtieġa b'rabta mal-kompiti superviżorji bankarji tal-BĊE.

(2)

Skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom jaġixxu fi ħdan il-limiti tas-setgħat mogħtija lilhom mit-Trattati u b'mod konformi mal-proċeduri, kundizzjonijiet u objettivi stipulati fih. L-Artikolu 9.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jipprovdi li l-BĊE għandu żewġ korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, li huma l-Kunsill Governattiv u l-Bord Eżekuttiv.

(3)

L-Artikolu 11.6 tal-Istatut tas-SEBĊ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Bord Eżekuttiv għall-ħidma attwali tal-BĊE. F'dan ir-rigward, l-Artikoli 10.1 u 10.2 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”), kif adottati fid-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (2), jistabbilixxu lI l-unitajiet ta' ħidma kollha tal-BĊE jaqgħu taħt it-tmexxija maniġerjali tal-Bord Eżekuttiv. Skont l-Artikolu 13m.1 tar-Regoli tal-Proċedura, il-kompetenza tal-Bord Eżekuttiv fir-rigward tal-istruttura interna u l-persunal tal-BĊE tħaddan kompiti superviżorji.

(4)

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 il-kompiti mogħtija lill-BĊE għandhom jitwettqu mingħajr preġudizzju għal u separatament mill-kompiti tal-BĊE relatati mal-politika monetarja u kwalunkwe kompiti oħrajn. Barra minn hekk, l-Artikolu 25 jipprovdi li l-persunal involut fit-twettiq ta' dawn il-kompiti għandhom ikunu separati mill-aspettat organizzattiv, u soġġetti għal linji ta' rapportar separati mill-persunal involut fit-twettiq ta'kompiti oħrajn mogħtija lill-BĊE. Din is-separazzjoni organizzattiva, fejn il-persunal involut fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jirrapportaw lill-President tal-Bord Superviżorju, ġiet implimentata skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/39 (3).

(5)

Il-Bord Eżekuttiv m'għandux kompetenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward ta' deċiżjonijiet superviżorji. L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 stabbilixxa l-Bord Superviżorju bħala korp intern li jwettaq l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti mogħtija bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 lill-BĊE. Skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bord Superviżorju jwettaq xogħlijiet preparatorji fir-rigward tal-kompiti superviżorji mogħtija lill-BĊE u jipproponi lill-Kunsill Governattiv abbozzi ta' deċiżjonijiet kompluti, li huma adottati jekk dan tal-aħħar ma joġġezzjonax għalihom. Il-Bord Superviżorju mhuwiex korp ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-BĊE skont l-Artikolu 129(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 9.3 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(6)

Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) stabbilixxiet li tista' tkun meħtieġa proċedura għad-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet, waqt li jitqies l-għadd konsiderevoli ta' deċiżjonijiet li istituzzjoni tista' tkun meħtieġa tadotta, sabiex dik l-istituzzjoni tkun tista' twettaq dmirijietha. Il-QĠUE rrikonoxxiet li huwa prinċipju inerenti fis-sistemi istituzzjonali kollha li għandu jkun żgurat li korp ta' teħid ta' deċijonijiet ikun kapaċi jiffunzjona (4). Għalhekk, is-setgħat mogħtija lil istituzzjoni jinkludu d-dritt li tiddelega, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE, ċertu numru ta' dawk is-setgħat, soġġett għal kwalunkwe kundizzjonijiet speċifikati mill-istituzzjoni. Istituzzjoni tal-Unjoni b'hekk tista' tistabbilixxi miżuri ta' natura organizzattiva, li tiddelega setgħat lill-korpi interni tagħha stess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, safejn dawk il-miżuri jkunu ġġustifikati u jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità.

(7)

Deċiżjoni qafas ġenerali dwar id-delegazzjoni hija meħtieġa bħala parti mill-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi tiegħu ta' teħid ta' deċiżjonijiet. L-istrumenti legali li l-adozzjoni tagħhom tista' tiġi ddelegata jinkludu deċiżjonijiet superviżorji kif iddefiniti mill-Artikolu 2(26) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (5) jew struzzjonijiet relatati ma' kompiti superviżorji kif imsemmija fl-Artikolu 17a.3 tar-Regoli tal-Proċedura. Din id-deċiżjoni qafas ġenerali għandha sservi biex tiċċara l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviżorji speċifiċi u għandha tistabbilixxi l-ambitu tar-responsabbiltajiet tal-Bord Eżekuttiv u kwalunkwe kap ta' unità ta' ħidma tal-BĊE li lilhom huma ddelegati setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Din id-deċiżjoni qafas ġenerali la għandha taffettwa l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u lanqas ma għandha tippreġudika l-kompetenza tal-Bord Superviżorju li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet kompluti lill-Kunsill Governattiv.

(8)

Fi ħdan dan il-qafas, il-Kunsill Governattiv għandu jadotta deċiżjonijiet ta' delegazzjoni skont din id-deċiżjoni qafas ġenerali u l-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Dan jikkonforma mal-każistika tal-QĠUE, li tgħid li deċiżjoni ta' delegazzjoni għandha tittieħed taħt il-proċedura li tapplika jekk deċiżjoni finali jkollha tiġi adottata mill-awtorità li tiddelega. Il-Bord Superviżorju jista' f'kull ħin jissottometti proposta għal abbozz ta' deċiżjoni komplut lill-Kunsill Governattiv, skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, li jipproponi l-abrogazzjoni jew l-emenda ta' deċiżjoni ta' delegazzjoni speċifika. Dik l-abrogazzjoni jew emenda għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni ta' delega diġà meħuda. Deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-iskop tad-deċiżjoni ta' delega għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Natura supplimentari

Din id-Deċiżjoni għandha tissupplimenta r-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 2

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar id-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet iddefiniti b'mod ċar tal-Kunsill Governattiv b'rabta ma' strumenti legali superviżorji.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

It-termini użati f'din id-Deċiżjoni għandu jkollhom l-istess tifsira bħat-termini ddefiniti fir-Regoli tal-Proċedura, flimkien mad-definizzjonijiet li ġejjin.

(1)

“strument legali superviżorju” tfisser strument legali fir-rigward tal-kompiti superviżorji tal-BĊE;

(2)

“deċiżjoni ta' delega” tfisser deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv biex jiddelega setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'rabta ma' strumenti legali superviżorji lil kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma tal-BĊE;

(3)

“deċiżjoni ta' nomina” tfisser deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv biex jinnomina kap jew kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma tal-BĊE biex jieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' delega;

(4)

“deċiżjoni ddelegata” tfisser deċiżjoni b'rabta ma' strumenti legali superviżorji meħuda fuq il-bażi ta' setgħat iddelegati ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

Artikolu 4

Deċiżjonijiet ta' delega

Il-Kunsill Governattiv jista' jiddelega setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'rabta ma' strumenti legali superviżorji lil kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma tal-BĊE biex jadotta deċiżjoni ta' delega skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (EU) Nru 1024/2013. Deċiżjoni ta' delega għandha tistipula fid-dettall l-ambitu tal-materja li tkun ser tiġi ddelegata u l-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom dawk is-setgħat jistgħu jiġu eżerċitati, u għandha tkun effettiva malli tiġi adottata deċiżjoni ta' nomina mill-Bord Eżekuttiv skont l-ArtIkolu 5.

Artikolu 5

Deċiżjonijiet ta' nomina

1.   Il-Bord Eżekuttiv jista' jinnomina kap jew kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma tal-BĊE biex jieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' delega billi jadotta deċiżjoni ta' nomina wara li jkun ikkonsulta lill-President tal-Bord Superviżorju.

2.   Il-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma tal-BĊE msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintgħażlu minn fost il-kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma tal-BĊE involuti fit-twettiq ta' kompiti superviżorji li huma sseparati mill-aspett organizzattiv mill-kompiti tal-persunal involut fit-twettiq ta' kompiti oħrajn mogħtija lill-BĊE skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. L-għażla tal-kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma tal-BĊE għandha tqis ukoll l-importanza tad-deċiżjoni ta' delega u n-numru ta' destinatarji li lilhom jeħtieġ li jintbagħtu d-deċiżjonijiet iddelegati.

Artikolu 6

Deċiżjonijiet iddelegati

1.   Deċiżjonijiet iddelegati għandhom jittieħdu f'isem u taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Governattiv.

2.   Meta jkun ġie nnominat kap wieħed ta' unità ta' ħidma tal-BĊE biex jieħu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' delega skont l-Artikolu 5(1), id-deċiżjonijiet iddelegati għandhom jiġu ffirmati minn dak il-kap ta' unità ta' ħidma tal-BĊE. Meta aktar minn kap wieħed ta' unità ta' ħidma tal-BĊE jkun ġie nnominat biex jieħu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' delega skont l-Artikolu 5(1), deċiżjonijiet delegati għandhom ikunu ffirmati mill-kapijiet innominati ta' unitajiet ta' ħidma tal-BĊE li jkunu approvaw id-deċiżjoni ddelegata.

Artikolu 7

Reġistrazzjoni u rapportar ta' deċiżjonijiet delegati

1.   Is-Segretarjat tal-Bord Superviżorju għandu jżomm rekord ta' kwalunkwe deċiżjoni ddelegata meħuda skont din id-Deċiżjoni u għandu jinforma lis-Segretarjat tal-Kunsill Governattiv dwar dawk id-deċiżjonijiet fuq bażi ta' kull xahar.

2.   Is-Segretarjat tal-Kunsill Governattiv għandu jissottometti rapport trimestrali dwar l-eżerċitar ta' setgħat delegati ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'rabta ma' strumenti legali superviżorji lill-Kunsill Governattiv u l-Bord Superviżorju.

Artikolu 8

Rieżami ta' deċiżjonijiet delegati

1.   Deċiżjonijiet iddelegati jistgħu jkunu soġġetti għal rieżami amministrattiv intern skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif ipprovdut fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (6).

2.   F'każ ta' rieżami amministrattiv ta' din ix-xorta, il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami u jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv għal adozzjoni skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta' Novembru 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(2)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(3)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/39 tas-17 ta' Settembru 2014 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 300, 18.10.2014, p. 57).

(4)  Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Settembru 1986, AKZO Chemie BV u AKZO Chemie UK Ltd vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, punt 37, u tas-26 ta' Mejju 2005, Carmine Salvatore Tralli vs IL-BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, punt 59.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).


Top