EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015Y0417(01)

Ftehim bejn l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

OJ C 123, 17.4.2015, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

17.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/1


FTEHIM BEJN L-UFFIĊĊJU EWROPEW TAL-PULIZIJA (EUROPOL) U L-BANK ĊENTRALI EWROPEW (BĊE)

(2015/C 123/01)

DAN IL-FTEHIM qed isir

BEJN

l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), bis-sede tiegħu f'Eisenhowerlaan 73, 2517 KK L-Aja, In-Netherlands, rappreżentat mid-Direttur tiegħu, is-Sur Rob Wainwright

U

il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bis-sede tiegħu f'Kaiserstraße 29, 60311 Frankfurt am Main, il-Ġermanja, rappreżentat mill-President tiegħu, is-Sur Mario Draghi

(minn hawn 'il quddiem magħrufa wkoll, jekk flimkien, bħala “il-Partijiet” u kull wieħed minnhom, jekk individwalment, bħala “il-Parti”).

Billi:

1.

Il-Partijiet daħlu fi Ftehim fit-13 ta' Diċembru 2001 biex jikkooperaw fir-rigward tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro (minn hawn 'il quddiem il-“Ftehim tat-13 ta' Diċembru 2001”) (1).

2.

Din il-kooperazzjoni hija parti mid-determinazzjoni konġunta tal-Partijiet biex ikunu miġġielda t-theddidiet kollha li ġejjin mill-iffalsifikar tal-euro u biex jiżvolġu rwol ċentrali f'din il-ġlieda; u f'dan il-kuntest huma jikkooperaw bejniethom, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, mal-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-Unitajiet Nazzjonali tal-Europol, maċ-Ċentri Nazzjonali tal-Analiżi, maċ-Ċentri Nazzjonali tal-Analiżi tal-Muniti, maċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew, mal-Kummissjoni Ewropea u ma' awtoritajiet nazzjonali u Ewropej oħra, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

3.

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 jistabbilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (2). Dan jipprovdi li l-Europol u l-BĊE għandhom jidħlu fi ftehim li permezz tiegħu l-Europol ikollu aċċess għad-dejta teknika u ta' statistika miżmuma mill-BĊE dwar l-iffalsifikar ta' karti tal-flus u muniti misjuba kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi li mhumiex membri. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 jestendi l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 għal dawk l-Istati Membri li m'adottawx il-euro bħala l-munita unika tagħhom (3).

4.

Fit-8 ta' Novembru 2001 il-BĊE adotta d-Deċiżjoni BĊE/2001/11 dwar ċerti kundizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' aċċess għas-Sistema ta' Monitorjar tal-Iffalsifikar (SMF) (4), li hija s-sistema mmexxija mill-BĊE u li tiġbor fiha t-tagħrif tekniku u statistiku kollu dwar l-iffalsifikar ta' karti tal-flus u muniti tal-euro, kemm jekk dan it-tagħrif ikun ġej mill-Istati Membri jew inkella minn pajjiżi terzi; dik id-Deċiżjoni tirreferi għad-dħul fi ftehim bejn il-Partijiet b'rabta mal-aċċess tal-Europol għall-SMF.

5.

Bħala aġenzija tal-Unjoni Ewropea, l-Europol huwa fdat biex jaġixxi bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/511/ĠAI tat-12 ta' Lulju 2005 dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, permezz tan-nomina tal-Europol bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro (5). Barra minn hekk, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (6), l-Europol jista' jħeġġeġ ukoll il-koordinazzjoni ta' miżuri mwettqa fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro, meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew fil-kuntest ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunti, fejn ikun il-każ b'kollegament ma' entitajiet oħra tal-Unjoni.

6.

Skont l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI, l-Europol jista' jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet kooperattivi mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji stabbiliti permezz jew abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej.

7.

Billi l-Ftehim tat-13 ta' Diċembru 2001 ma jinkludix kooperazzjoni fil-ġlieda kontra reati fir-rigward tas-sistemi ta' pagamenti u mezzi ta' ħlas mhux fi flus, il-Partijiet jixtiequ jestendu iżjed il-kooperazzjoni tagħhom sabiex: (a) jiġġieldu l-frodi fis-sistemi ta' pagamenti b'mod ġenerali; u (b) jevitaw l-iffalsifikar ta' mezzi tal-ħlas mhux fi flus fil-kompetenza u l-mandat rispettivi tal-Partijiet. Barra minn hekk, il-Partijiet jixtiequ jiżviluppaw iżjed il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro.

8.

Il-Bord ta' Tmexxija tal-Europol qabel dwar il-kontenut ta' dan il-Ftehim rivedut fit-2 ta' Ottubru 2014.

9.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE qabel dwar il-kontenut ta' dan il-Ftehim rivedut fit-30 ta' Mejju 2014 u f'dik id-data huwa awtorizza lill-President tal-BĊE biex jiffirmah f'isem il-BĊE,

Il-Partijiet ftiehmu kif ġej:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-Għan tal-Ftehim

L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni effettiva bejn il-Partijiet, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom u soġġett għar-regoli u r-regolamenti rispettivi tagħhom. Din il-kooperazzjoni għandha tkopri:

(a)

miżuri biex ikun evitati, identifikati u miġġielda it-theddidiet li jkun ġejjin mill-attivitajiet illegali relatati mal-karti tal-flus u muniti tal-euro, mezzi tal-ħlas mhux fi flus u s-sigurtà tal-pagamenti;

(b)

għajnuna pprovduta f'dawn l-oqsma miż-żewġ Partijiet lill-awtoritajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali.

Artikolu 2

Konsultazzjoni u skambju ta' tagħrif

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jaġixxu skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jikkonsultaw lil xulxin regolarment dwar il-politika li għandha tintuża u titħaddem fuq materji ta' interess komuni kif muri fl-Artikolu 1 biex dawn jilħqu l-għanijiet tagħhom, jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom u jkunu evitat xogħol doppju. Il-President tal-BĊE u d-Direttur tal-Europol, jew il-persuni maħtura minnhom, għandhom jiltaqgħu minn tal-anqas darba fis-sena biex jirrevedu l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

2.   L-iskambju ta' tagħrif bejn il-Partijiet għandu jsir għall-finijiet ta' u f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, u m'għandux jinkludi dejta relatata ma' individwu identifikat jew individwi identifikabbli.

3.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu dwar skambju ta' persunal fuq bażi ta' sekondament. Id-dettalji għandhom jiġu stipulati f'memorandum ta' qbil separat.

Artikolu 3

Persuni ta' kuntatt

1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim:

il-persuni ta' kuntatt tal-BĊE għandhom ikunu d-Direttur tad-Direttorat tal-Karti tal-Flus tal-BĊE (fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti tal-flus u muniti tal-euro), u d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għall-Infrastruttura Ġenerali tas-Suq u l-Pagamenti tal-BĊE (fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi fis-sistemi ta' pagamenti u l-iffalsifikar tal-mezzi tal-ħlas mhux fi flus);

il-persuna ta' kuntatt tal-Europol għandha tkun id-Deputat Direttur tal-Operazzjonijiet.

Jista' jkun hemm qbil dwar it-tibdil fil-persuni ta' kuntatt skont dan il-paragrafu permezz ta' skambju ta' ittri bejn id-Direttur tal-Europol u l-President tal-BĊE f'data iżjed 'il quddiem.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 5(1), l-Europol għandu jaħtar persuni ta' kuntatt addizzjonali u jinnotifika lill-persuni ta' kuntatt tal-BĊE bil-miktub bl-ismijiet tagħhom kif ukoll bi kwalunkwe tibdil dwarhom.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI DWAR L-IFFALSIFIKAR TAL-EURO

Artikolu 4

Skambju ta' tagħrif, koordinazzjoni ta' politiki u attivitajiet u għajnuna reċiproka

1.   Il-Partijiet għandhom jipprovdu lil xulxin, malajr kemm jista' jkun u regolarment, tagħrif dwar l-iffalsifikar tal-euro u dwar dak ta' muniti oħra. Dan t-tagħrif għandu jkun jinkludi, fil-każ ta' tagħrif li għandu jkun ipprovdut mill-Europol lill-BĊE, tagħrif li jkun ġej mill-awtoritajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tal-infurzar tal-liġi, u fil-każ ta' tagħrif li għandu jingħata mill-BĊE lill-Europol, tagħrif miksub mill-awtoritajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkoordinaw il-politika tagħhom, l-attivitajiet ta' taħriġ, il-kampanji ta' informazzjoni pubblika, kif ukoll il-pubblikazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Dawn għandhom jinformaw lil xulxin fuq id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħhom, kif ukoll fuq il-politika ta' komunikazzjoni esterna b'rabta mal-iffalsifikar tal-euro, bl-eċċezzjoni ta' tagħrif operazzjonali.

3.   L-Europol għandu jgħin lill-BĊE f'kull relazzjoni li dan ikollu mal-organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tal-infurzar tal-liġi f'materji marbuta mal-iffalsifikar tal-euro.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni tal-messaġġi li jkunu ġejjin mis-sistema ta' twissija bikrija.

Artikolu 5

Aċċess għall-bażi tad-dejta tal-SMF u dispożizzjonijiet relatati

1.   Il-BĊE għandu jipprovdi aċċess onlajn, li jkun jinqara biss, għall-bażi tad-dejta tal-SMF lill-uffiċjali tal-Europol li jinħatru bħala l-persuni ta' kuntatt għal dan l-għan taħt l-Artikolu 3(2). Dan l-aċċess m'għandux iħalli lil dawn l-uffiċjali tal-Europol idaħħlu dejta direttament fil-bażi tad-dejta tal-SMF. Il-modalitajiet tal-aċċess, inklużi l-arranġamenti meħtieġa marbuta ma' din is-sistema, għandhom ikunu speċifikati permezz ta' skambju ta' ittri bejn il-President tal-BĊE u d-Direttur tal-Europol.

2.   Barra minn hekk, l-Europol għandu jkun mgħarraf mill-ewwel mill-BĊE dwar il-ħolqien ta' kull klassi komuni ġdida ta' falsifikazzjoni fl-SMF, kif ukoll dwar is-sejba ta' kwantità kbira ta' karti tal-flus euro li jkunu foloz.

3.   Il-BĊE għandu jipprovdi lill-Europol b'kampjun ta' karti tal-flus euro ġenwini u deskrizzjonijiet tekniċi relatati kif ukoll tal-inqas b'kampjun wieħed ta' kull karta tal-flus euro li tkun falza li tkun ingħatat klassi ġdida u li tkun indikattiva fl-SMF. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi implimentata b'mod li ma jipprevjenix karti tal-flus euro li huma suspettati li huma foloz milli jintużaw jew jinżammu bħala evidenza fi proċeduri kriminali.

Artikolu 6

Talbiet għall-għajnuna

1.   B'rabta mal-iffalsifikar tal-euro, il-Partijiet għandhom jikkomunikaw bejniethom it-talbiet kollha għall-provvediment ta' kompetenza teknika jew ta' prova fil-proċeduri ġudizzjarji kif ukoll jistabbilixxu l-proċeduri xierqa għall-koordinazzjoni tat-tweġibiet rispettivi tagħhom għal kull talba li tkun saret.

2.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu linja ċara ta' komunikazzjoni għat-talbiet li jkunu saru dwar għajnuna fl-infurzar tal-liġi permezz tal-Europol.

Artikolu 7

Analiżi teknika

1.   Il-BĊE għandu jiżgura li r-riżultati ta' kull analiżi teknika jkunu disponibbli direttament għall-Europol.

2.   L-Europol għandu jiżgura li l-analiżi tekniċi tal-flus foloz imwettqa mill-Europol jew minn partijiet terzi f'isem l-Europol ikunu disponibbli għall-BĊE.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONI SPEĊIFIKA DWAR IL-PREVENZJONI TAL-FRODI U L-IFFALSIFIKAR TAL-MEZZI TAL-ĦLAS MHUX FI FLUS

Artikolu 8

Skambju ta' tagħrif

Filwaqt li jaħdmu f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom u sabiex irawmu l-prevenzjoni tal-frodi u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-mezzi tal-ħlas mhux fi flus, il-Partijiet jistgħu jiskambjaw dan it-tagħrif li ġej fuq bażi ad hoc: (a) rapporti u dejta ta' statistika aggregata; (b) tagħrif dwar inċidenti ewlenin ta' sigurtà, valutazzjonijiet tar-riskju u tat-teknoloġija; u (c) sejbiet mill-attivitajiet rilevanti tal-BĊE u tal-Europol, soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità.

Il-BĊE jista' jgħaddi t-tagħrif rilevanti li jingħata mill-Europol lill-membri l-oħra tas-SEBĊ fuq il-bażi tal-“ħtieġa li jkunu jafu”, sakemm l-Europol ma jiddikjarax b'mod espress li t-tagħrif m'għandux jingħata. Il-BĊE jista' jgħaddi t-tagħrif rilevanti mill-membri l-oħra tas-SEBĊ lill-Europol, soġġett għall-qbil tal-BĊN rilevanti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Kunfidenzjalità

1.   Kull Parti għandha tiżgura li t-tagħrif li tirċievi fuq il-bażi ta' dan il-Ftehim mill-Parti l-oħra jkun soġġett għall-kunfidenzjalità u l-istandards ta' sigurtà tal-ipproċessar tat-tagħrif, u għandu jingħata livell ta' protezzjoni li jkun minn tal-anqas ekwivalenti għal-livell ta' protezzjoni offrut bil-miżuri applikati għal dak it-tagħrif mill-Parti l-oħra.

2.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu l-ekwivalenza bejn il-kunfidenzjalità rispettiva tagħhom u l-istandards ta' sigurtà li jintużaw permezz ta' skambju ta' ittri.

3.   Il-Parti li tipprovdi t-tagħrif għandha tkun responsabbli għall-għażla tal-livell xieraq ta' kunfidenzjalità fuq it-tagħrif li jingħata u għandha tiżgura li dan il-livell jintwera b'mod ċar. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-livelli ta' kunfidenzjalità għandhom jiġu attribwiti minn kull Parti għall-iktar livell baxx possibbli waqt li jiġu emendati kif xieraq meta jkun possibbli.

4.   Fi kwalunkwe mument iż-żewġ Partijiet jistgħu jagħmlu talba biex issir emenda dwar il-livell ta' kunfidenzjalità magħżul għat-tagħrif li jingħata, inkluż it-tneħħija possibbli tal-livell ta' kunfidenzjalità kollu kemm hu. Il-Parti li qed tirċievi għandha tkun obbligata temenda l-livell ta' kunfidenzjalità kif suppost.

5.   Kull Parti tista', minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità, tispeċifika r-restrizzjonijiet fuq l-użu tad-dejta li tingħata lill-Parti l-oħra. Il-Parti li qed tirċievi għandha tħares dawn ir-restrizzjonijiet.

6.   Kull Parti għandha tipproċessa d-dejta personali li tkun irċeviet b'rabta mal-implimentazzjoni amministrattiva ta' dan il-Ftehim skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta applikabbli għaliha. Kull Parti għandha tuża din id-dejta personali biss għall-finijiet tal-ġestjoni tal-Ftehim.

Artikolu 10

Responsabbiltà

Jekk bħala riżultat ta' pproċessar ħażin jew mhux awtorizzat taħt dan il-Ftehim xi waħda mill-Partijiet tikkawża xi ħsara jew danni lill-Parti l-oħra, dik il-Parti għandha tkun responsabbli għal dik il-ħsara. Il-mod li bih jiġu ddeterminati l-ħsara u l-kumpens li għandu jingħata bejn il-Partijiet taħt dan l-Artikolu għandu jiġi stabbilit f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11.

Artikolu 11

soluzzjoni ta' tilwim

1.   It-tilwim kollu li jista' jkun hemm b'rabta mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jissolvew permezz ta' konsultazzjonijiet u negozjati bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.

2.   F'każ li kwalunkwe Parti tonqos b'mod sinifikanti milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, jew jekk il-Parti tkun tal-opinjoni li nuqqas bħal dan jista' jseħħ fil-futur qrib, kull Parti tista' tissospendi b'mod temporanju l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, sakemm jiġi applikat il-paragrafu 1 t'hawn fuq. L-obbligi inerenti fuq il-Partijiet taħt dan il-Ftehim għandhom madankollu jibqgħu fis-seħħ.

Artikolu 12

Diversi

1.   Il-Partijiet għandhom ikunu responsabbli għall-ispejjeż tagħhom stess li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, sakemm mhux stipulat mod ieħor.

2.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat b'kunsens reċiproku bejn il-Partijiet.

3.   Kull Parti tista' ttemm dan il-Ftehim b'avviż minn qabel bil-miktub fi żmien 12-il xahar. Fil-każ ta' terminazzjoni, il-Partijiet għandhom jilħqu ftehim dwar l-użu u l-ħażna kontinwi tat-tagħrif li jkun diġà ġie kkomunikat bejniethom. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, kull Parti għandu jkollha d-dritt li titlob li t-tagħrif li tkun ikkomunikat jinqered jew jintbagħat lura lill-Parti tat-trażmissjoni.

4.   Il-Ftehim tat-13 ta' Diċembru 2001 huwa b'dan imħassar u kwalunkwe referenza għalih għandha titqies bħala referenza għal dan il-Ftehim.

5.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fih dan ikun ġie ffirmat.

6.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ppubblikat fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul b'mod duplikat fil-lingwa Ingliża.

Magħmul fl-Aja, is-7 ta' Novembru 2014.

Għall-Europol

Rob WAINWRIGHT

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta' Diċembru 2014.

Għall-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU C 23, 25.1.2002, p. 9.

(2)  ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6.

(3)  ĠU L 181, 4.7.2001, p. 11.

(4)  ĠU L 337, 20.12.2001, p. 49.

(5)  ĠU L 185, 16.7.2005, p. 35.

(6)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.


Top