EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R2402
Commission Delegated Regulation (EU) 2015/2402 of 12 October 2015 reviewing harmonised efficiency reference values for separate production of electricity and heat in application of Directive 2012/27/EU of the European Parliament and of the Council and repealing Commission Implementing Decision 2011/877/EU
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2402 tat-12 ta' Ottubru 2015 li jirrevedi l-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku u s-sħana bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/877/UE
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2402 tat-12 ta' Ottubru 2015 li jirrevedi l-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku u s-sħana bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/877/UE
OJ L 333, 19.12.2015, p. 54–61
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
19.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/54 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2402
tat-12 ta' Ottubru 2015
li jirrevedi l-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku u s-sħana bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/877/UE
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tagħha,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/877/UE (3), stabbilixxiet valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata ta' elettriku u sħana, bħala matriċi ta' valuri ddiferenzjati b'fatturi rilevanti, inkluż is-sena tal-kostruzzjoni u t-tipi ta' fjuwil. Dawn il-valuri huma applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2015. |
(2) |
Il-Kummissjoni rrevediet il-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku u tas-sħana, billi qieset id-dejta mill-użu operattiv taħt kundizzjonijiet realistiċi, mogħtija mill-Istati Membri u l-partijiet interssati. Bħala riżultat tal-iżviluppi fl-aħjar teknoloġija disponibbli u ekonomikament ġustifikabbli, osservati matul il-perjodu 2011 sa 2015, id-distinzjoni miżjuda fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/877/UE fir-rigward tas-sena tal-kostruzzjoni ta' unità ta' koġenerazzjoni għandha tinżamm f'rabta mal-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku. |
(3) |
Ir-reviżjoni tal-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza kkonfermat li abbażi tal-esperjenza u l-analiżi ta' dan l-aħħar, il-fatturi ta' korrezzjoni marbuta mas-sitwazzjoni klimatika, kif stipulat fid-Deċiżjoni 2011/877/UE, għandhom japplikaw biss għal impjanti li jużaw fjuwils gassużi. |
(4) |
Dik ir-reviżjoni kkonfermat, abbażi tal-esperjenza u l-analiżi ta' dan l-aħħar, li l-applikazzjoni tal-fatturi ta' korrezzjoni għal telf evitat mill-grilja stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/877/UE għandha tkompli. Sabiex jirriflettu aħjar it-telf evitat, il-limiti tal-vultaġġ użati u l-valur tal-fatturi ta' korrezzjoni jeħtieġ li jiġu aġġornati. |
(5) |
Dik ir-reviżjoni tat evidenza li tindika li l-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tas-sħana għandhom jiġu mmodifikati f'xi każijiet. Sabiex jiġu evitati xi bidliet retroattivi fl-iskemi eżistenti, is-sett ġdid ta' referenzi se japplika biss mill-2016, filwaqt li għall-impjanti mibnija qabel dik id-data se jinżamm s-sett eżistenti ta' valuri. Ebda fattur ta' korrezzjoni marbut mas-sitwazzjoni tal-klima ma kien meħtieġ għax it-termodinamika għall-ġenerazzjoni tas-sħana mill-fjuwil ma tiddipendix fuq it-temperatura ambjentali. Barra minn hekk ma hemmx bżonn ta' fatturi ta' korrezzjoni għal telf tas-sħana tal-grilja, billi s-sħana tintuża dejjem ħdejn is-sit tal-produzzjoni. |
(6) |
Dik ir-reviżjoni pproduċiet evidenza li tindika li l-valuri ta' referenza tal-effiċjenza tal-enerġija ta' bojlers li jiġġeneraw fwar jew ilma sħun għandhom jiġu differenzjati. |
(7) |
Id-dejta mill-użu operattiv taħt kundizzjonijiet realistiċi wriet titjib statistikament sinifikanti tal-prestazzjoni reali tal-impjanti l-iktar żviluppati li jużaw ċerti tipi ta' fjuwils matul il-perjodu rivedut. |
(8) |
Il-kundizzjonijiet stabbli għall-investiment fil-koġenerazzjoni u l-fiduċja kontinwa tal-investitur huma meħtieġa, għaldaqstant huwa xieraq li jiġu ffissati l-valuri armonizzati ta' referenza għall-elettriku u s-sħana. |
(9) |
Il-valuri ta' referenza għall-produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/877/KE huma applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2015, u mill-1 ta' Jannar 2016 jeħtieġ li jiġu applikati l-valuri ta' referenza ġodda. Sabiex tiġi żgurata l-applikabbiltà tas-sett il-ġdid ta' valuri ta' referenza sa dik id-data, ir-Regolament attwali għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu. |
(10) |
L-Artikoli 14, 22 u 23 tad-Direttiva 2012/27/UE jagħtu r-responsabbiltà lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u taġġorna l-valuri ta' referenza armonizzati għall-produzzjoni separata tal-elettriku u s-sħana. Id-delega tar-responsabbiltà għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin sa mill-4 ta' Diċembru 2012. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda estensjoni tad-delega tar-responsabbiltà lil hinn mill-4 ta' Diċembru 2017, il-valuri ta' referenza stabbiliti f'dan ir-Regolament se jibqgħu applikabbli. Kieku r-responsabbiltajiet delegati ġodda jingħataw lill-Kummissjoni f'dan il-perjodu, l-intenzjoni tal-Kummissjoni tkun li tirrevedi l-valuri ta' referenza stabbiliti f'dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. |
(11) |
Id-Direttiva 2012/27/UE għandha l-għan li tippromwovi l-koġenerazzjoni sabiex tiġi ffrankata l-enerġija, għalhekk għandu jkun hemm inċentiv biex jiġu mmodernizzati l-unitajiet ta' koġenerazzjoni iktar qodma għat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija tagħhom. Għal dawk ir-raġunijiet, u b'mod konsistenti mar-rekwiżit għall-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji msemmija fl-Anness II(f) tad-Direttiva 2012/27/UE, il-valuri ta' referenza tal-effiċjenza għall-elettriku applikabbli għal unità tal-koġenerazzjoni għandhom jiżdiedu mill-ħdax-il sena wara s-sena tal-kostruzzjoni tagħha, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Stabbiliment tal-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza
Il-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku u s-sħana għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness I u l-Anness II rispettivament.
Artikolu 2
Fatturi ta' korrezzjoni għall-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku
1. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-fatturi ta' korrezzjoni ddefiniti fl-Anness III biex jadattaw il-valuri armonizzati ta' referenza għall-effiċjenza ddefiniti fl-Anness I għas-sitwazzjoni ambjentali medja f'kull Stat Membru.
Jekk fit-territorju ta' Stat Membru d-dejta meteoroloġika uffiċjali turi differenzi fit-temperatura ambjentali annwali ta' 5 °C jew aktar, l-Istat Membru jista', wara li jinnotifika lill-Kummissjoni, juża diversi żoni ta' klima għall-għan tal-ewwel paragrafu billi juża l-metodu ddefinit fl-Anness III.
2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-fatturi ta' korrezzjoni stabbiliti fl-Anness IV, sabiex jadattaw il-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza stabbiliti fl-Anness I għal telf evitat tal-grilja.
3. Jekk Stat Membru japplika kemm il-fatturi ta' korrezzjoni ddefiniti fl-Anness III kif ukoll dawk iddefiniti fl-Anness IV, huwa għandu japplika l-Anness III qabel ma japplika l-Anness IV.
Artikolu 3
Applikazzjoni tal-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku
1. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza stabbiliti fl-Anness I fir-rigward tas-sena ta' kostruzzjoni ta' unità ta' koġenerazzjoni. Dawn il-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza huma applikabbli għal 10 snin mis-sena ta' kostruzzjoni ta' unità ta' koġenerazzjoni.
2. Mill-11-il sena wara s-sena ta' kostruzzjoni ta' unità ta' koġenerazzjoni, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-valuri armonizzati ta' referenza tal-effiċjenza li bis-saħħa tal-paragrafu 1 japplikaw għal unità ta' koġenerazzjoni li jkollha 10 snin. Dawn il-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza huma applikabbli għal sena.
3. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, is-sena ta' kostruzzjoni ta' unità ta' koġenerazzjoni hija s-sena kalendarja li matulha l-unità tipproduċi l-elettriku għall-ewwel darba.
Artikolu 4
Applikazzjoni tal-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tas-sħana
1. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-valuri ta' referenza armonizzati stabbiliti fl-Anness II fir-rigward tas-sena ta' kostruzzjoni ta' unità ta' koġenerazzjoni.
2. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, is-sena ta' kostruzzjoni ta' unità ta' koġenerazzjoni hija s-sena ta' kostruzzjoni għall-fini tal-Artikolu 3.
Artikolu 5
L-immodernizzar ta' unità ta' koġenerazzjoni
Jekk il-kost ta' investiment marbut mal-immodernizzar ta' unità ta' koġenerazzjoni jaqbeż 50 % tal-kost ta' investiment ta' unità ġdida ta' koġenerazzjoni komparabbli, is-sena kalendarja li matulha l-unità ta' koġenerazzjoni modernizzata tipproduċi għall-ewwel darba l-elettriku għandha tiġi kkunsidrata bħala s-sena ta' kostruzzjoni tal-unità ta' koġenerazzjoni mmodernizzata għall-finijiet tal-Artikoli 3 u 4.
Artikolu 6
Taħlita ta' fjuwils
Jekk l-unità ta' koġenerazzjoni titħaddem b'aktar minn tip ta' fjuwil wieħed, il-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata għandha tiġi applikata proporzjonalment għal medja ppeżata tal-użu tal-enerġija tal-fjuwils diversi.
Artikolu 7
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2011/877/UE titħassar.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2016.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.
(2) Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta' koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50).
(3) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/877/UE tad-19 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata ta' elettriku u sħana bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/74/KE 2007/74/KE (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 91).
ANNESS I
Valuri armonizzati ta' referenza tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku
(imsemmija fl-Artikolu 1)
Fit-tabella hawn taħt il-valuri ta' referenza armonizzati tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku huma bbażati fuq il-valur kalorifiku nett u l-kundizzjonijiet standard tal-ISO (15 °C temperatura ambjentali, 1,013 bar, 60 % umdità relattiva).
Kategorija |
Tip ta' fjuwil |
Sena ta' kostruzzjoni |
|||
Qabel l-2012 |
2012-2015 |
Mill-2016 |
|||
Solidi |
S1 |
Faħam iebes inkluż l-antraċite, faħam bituminuż, faħam sub-bituminus, kokk, semi-kokk, kokk pet |
44,2 |
44,2 |
44,2 |
S2 |
Linjite, mattunelli tal-linjite, żejt tax-shale |
41,8 |
41,8 |
41,8 |
|
S3 |
Pit, mattunelli tal-pit |
39,0 |
39,0 |
39,0 |
|
S4 |
Injam u bijomassa solida oħra inkluż gerbub tal-injam u mattunelli, laqx tal-injam imnixxef, skart tal-injam nadif u xott, qxur tal-ġewż u għadam taż-żebbuġ u ġebel ieħor. |
33,0 |
33,0 |
37,0 |
|
S5 |
Bijomassa solida oħra inkluż l-injam kollu mhux inkluż taħt S4 u likur iswed u kannella. |
25,0 |
25,0 |
30,0 |
|
S6 |
Skart industrijali u muniċipali (mhux rinnovabbli) u skart rinnovabbli/bijodegradabbli |
25,0 |
25,0 |
25,0 |
|
Likwidi |
L7 |
Żejt tal-fjuwil tqil, żejt tal-gass/tad-diżil, prodotti oħrajn taż-żejt |
44,2 |
44,2 |
44,2 |
L8 |
Bijolikwidi inkluż bijometanol, bijoetanol, bijobutanol, bijodiżil u bijolikwidi oħra |
44,2 |
44,2 |
44,2 |
|
L9 |
Likwidi ta' skart inkluż skart bijodegradabbli u mhux rinnovabbli (inkluż xaħam, xaħam tad-dam u qamħ li jkun diġà ntuża). |
25,0 |
25,0 |
29,0 |
|
Gassużi |
G 10 |
Gass naturali, LPG, LNG u bijometan |
52,5 |
52,5 |
53,0 |
G11 |
Gassijiet tar-raffinerija, idroġenu u gass ta' sinteżi |
44,2 |
44,2 |
44,2 |
|
G12 |
Bijogass prodott mid-diġestjoni anerobika, mill-miżbla u t-trattament tad-dranaġġ |
42,0 |
42,0 |
42,0 |
|
G13 |
Gass tal-ifran tal-kokk, gass tal-kalkara tal-funderija, gass tal-minjieri, u gassijiet irkuprati oħrajn (minbarra gass tar-raffinerija) |
35,0 |
35,0 |
35,0 |
|
Oħrajn r |
O14 |
Sħana ta' skart (inklużi gassijiet tal-egżost ta' proċessi b'temperatura għolja, il-prodott ta' reazzjonijiet kimiċi esotermiċi) |
|
|
30,0 |
O15 |
Nukleari |
|
|
33,0 |
|
O16 |
Termali tax-xemx |
|
|
30,0 |
|
O17 |
Ġeotermali |
|
|
19,5 |
|
O18 |
Fjuwils oħra mhux imsemmija hawn fuq |
|
|
30,0 |
ANNESS II
Valuri armonizzati ta' referenza tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tas-sħana
(imsemmija fl-Artikolu 1)
Fit-tabella hawn taħt il-valuri armonizzati ta' referenza tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tas-sħana huma bbażati fuq il-valur kalorifiku nett u fuq il-kundizzjonijiet standard tal-ISO (temperatura ambjentali ta' 15 °C, 1,013 bar, umdità relattiva ta' 60 %).
Kategorija |
Tip ta' fjuwil: |
Sena ta' kostruzzjoni |
||||||
Qabel l-2016 |
Wara l-2016 |
|||||||
Ilma sħun |
Fwar (*) |
Użu dirett ta' gassijiet tal-egżost (**) |
Ilma sħun |
Fwar (*) |
Użu dirett ta' gassijiet tal-egżost (**) |
|||
Solidi |
S1 |
Faħam iebes inkluż l-antraċite, faħam bituminuż, faħam subbituminus, kokk, semikokk, kokk pet |
88 |
83 |
80 |
88 |
83 |
80 |
S2 |
Linjite, mattunelli tal-linjite, żejt tax-shale |
86 |
81 |
78 |
86 |
81 |
78 |
|
S3 |
Pit, mattunelli tal-pit |
86 |
81 |
78 |
86 |
81 |
78 |
|
S4 |
Bijomassa niexfa inkluż l-injam u bijomassa solida oħra inkluż gerbub tal-injam u mattunelli, laqx tal-injam imnixxef, skart tal-injam nadif u xott, qxur tal-ġewż u għadam taż-żebbuġ u ġebel ieħor. |
86 |
81 |
78 |
86 |
81 |
78 |
|
S5 |
Bijomassa solida oħra inkluż l-injam kollu mhux inkluż taħt S4 u likur iswed u kannella. |
80 |
75 |
72 |
80 |
75 |
72 |
|
S6 |
Skart industrijali u muniċipali (mhux rinnovabbli) u skart rinnovabbli/bijodegradabbli |
80 |
75 |
72 |
80 |
75 |
72 |
|
Likwidi |
L7 |
Żejt tal-fjuwil tqil, żejt tal-gass/tad-diżil, prodotti oħrajn taż-żejt |
89 |
84 |
81 |
85 |
80 |
77 |
L8 |
Bijolikwidi inkluż bijometanol, bijoetanol, bijobutanol, bijodiżil, u bijolikwidi oħra |
89 |
84 |
81 |
85 |
80 |
77 |
|
L9 |
Likwidi ta' skart inkluż skart bijodegradabbli u mhux rinnovabbli (inkluż xaħam, xaħam tad-dam u xaħam li jkun diġà ntuża). |
80 |
75 |
72 |
75 |
70 |
67 |
|
Gassużi |
G 10 |
Gass naturali, LPG, LNG u bijometan |
90 |
85 |
82 |
92 |
87 |
84 |
G11 |
Gassijiet tar-raffinerija, idroġenu u gass ta' sinteżi |
89 |
84 |
81 |
90 |
85 |
82 |
|
G12 |
Bijogass prodott mid-diġestjoni anerobika, mill-miżbla u t-trattament tad-dranaġġ |
70 |
65 |
62 |
80 |
75 |
72 |
|
G13 |
Gass tal-ifran tal-kokk, gass tal-kalkara tal-funderija, gass tal-minjieri, u gassijiet irkuprati oħrajn (minbarra gass tar-raffinerija) |
80 |
75 |
72 |
80 |
75 |
72 |
|
Oħrajn |
O14 |
Sħana ta' skart (inklużi gassijiet tal-egżost ta' proċessi b'temperatura għolja, il-prodott ta' reazzjonijiet kimiċi esotermiċi) |
— |
— |
— |
92 |
87 |
— |
O15 |
Nukleari |
— |
— |
— |
92 |
87 |
— |
|
O16 |
Termali tax-xemx |
— |
— |
— |
92 |
87 |
— |
|
O17 |
Ġeotermali |
— |
— |
— |
92 |
87 |
— |
|
O18 |
Fjuwils oħra mhux imsemmija hawn fuq |
— |
— |
— |
92 |
87 |
— |
(*) L-impjanti ma jikkunsidrawx ir-ritorn tal-kondensat fil-kalkoli tagħhom tal-effiċjenzi tas-sħana tas-CHP,il-valuri ta' referenza tal-effiċjenza li jidhru fit-tabella ta' hawn fuq għandhom jiżdiedu b'(5) ħames punti perċentwali.
(**) Għandhom jintużaw il-valuri għall-użu diretta jekk it-temperatura tkun ta' 250 °C jew aktar.
ANNESS III
Fatturi ta' korrezzjoni marbuta mas-sitwazzjoni klimatika medja u metodu biex jiġu stabbiliti żoni ta' klima għall-applikazzjoni tal-valuri armonizzati ta' referenza tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku
(imsemmija fl-Artikolu 2(1))
(a) Fatturi ta' korrezzjoni marbuta mas-sitwazzjoni klimatika medja
Il-korrezzjoni tat-temperatura ambjentali hija bbażata fuq id-differenza bejn it-temperatura medja annwali fi Stat Membru u l-kundizzjonijiet standard atmosferiċi tal-ISO (15 °C).
Il-korrezzjoni għandha tkun kif ġej:
|
telf ta' effiċjenza ta' 0,1 % ta' punt perċentwali għal kull grad 'il fuq minn 15 °C; |
|
żieda ta' effiċjenza ta' 0,1 % ta' punt perċentwali għal kull grad taħt 15 °C. |
Eżempju:
Meta t-temperatura medja annwali fi Stat Membru hi ta' 10 °C, il-valur ta' referenza ta' unità ta' koġenerazzjoni f'dak l-Istat Membru trid tiżdied b'0,5 % ta' punt perċentwali.
(b) Il-korrezzjoni tat-temperatura ambjentali tapplika biss għal fjuwils gassużi (G10, G11, G12, G13).
(c) Metodu biex jiġu stabbiliti ż-żoni klimatiċi:
Il-limiti ta' kull żona klimatika huma kostitwiti minn isotermi (fi gradi Celsius sħaħ) tat-temperatura ambjentali medja annwali b'differenza ta' mill-inqas 4 °C. Id-differenza fit-temperatura bejn it-temperaturi ambjentali medji annwali f'żoni klimatiċi biswit xulxin trid ta' mill-inqas tkun 4 °C.
Eżempju:
Jekk, pereżempju, għal Stat Membru partikolari it-temperatura ambjentali medja annwali hija 12 °C f'ċertu post u 6 °C f'post ieħor fl-istess Stat Membru, l-Istat Membru għandu l-għażla li jdaħħal żewġ żoni klimatiċi, separati b'isoterma ta' 9 °C:
Żona klimatika bejn l-isotermi ta' 9 °C u 13 °C (differenza ta' 4 °C) b'temperatura ambjentali annwali medja ta' 11 °C, u
Żona klimatika oħra bejn l-isotermi ta' 5 °C u 9 °C b'temperatura ambjentali annwali medja ta' 7 °C.
ANNESS IV
Fatturi ta' korrezzjoni għal telf evitat mill-grilja għall-applikazzjoni tal-valuri armonizzati ta' referenza tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku
(imsemmija fl-Artikolu 2(2))
Livell ta' vultaġġ ta' konnessjoni |
Fattur ta' korrezzjoni (mhux fil-post) |
Fattur ta' korrezzjoni (fil-post) |
> 345 kV |
1 |
0,976 |
≥ 200 — < 345 kV |
0,972 |
0,963 |
≥ 100 — < 200 kV |
0,963 |
0,951 |
≥ 50 — < 100 kV |
0,952 |
0,936 |
≥ 12 — < 50 kV |
0,935 |
0,914 |
≥ 0,45 — < 12 kV |
0,918 |
0,891 |
< 0,45 kV |
0,888 |
0,851 |
Eżempju:
Unità ta' koġenerazzjoni ta' 100 kWel b'magna li tirreċiproka li titħaddem bil-gass naturali tiġġenera elettriku b'vultaġġ ta' 380. Minn dan l-elettriku 85 % jintużaw għall-konsum tal-unità stess u 15 % jmorru fil-grilja. L-impjant imbena fl-2010. It-temperatura ambjentali annwali hi ta' 15 °C (għalhekk ebda korrezzjoni klimatika mhi meħtieġa).
Wara l-korrezzjoni għat-telf tal-grilja, jirriżulta li l-valur ta' referenza tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku f'din l-unità ta' koġenerazzjoni huwa (abbażi tal-medja ppeżata tal-fatturi f'dan l-Anness):
Ref Εη = 52,5 % × (0,851 × 85 % + 0,888 × 15 %) = 45,0 %