EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2094

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2094 tad-19 ta' Novembru 2015 dwar ir-rimborż, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet trasferiti mis-sena finanzjarja 2015

OJ L 303, 20.11.2015, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2094/oj

20.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2094

tad-19 ta' Novembru 2015

dwar ir-rimborż, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet trasferiti mis-sena finanzjarja 2015

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(6) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), approprjazzjonijiet mhux impenjati li jirrigwardaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistgħu jiġu ttrasferiti għas-sena finanzjarja ta' wara. Dan ir-riport huwa limitat għal 2 % tal-approprjazzjonijiet inizjali u għall-ammont tal-aġġustament ta' pagamenti diretti msemmijin fl-Artikolu 8 tar-Regolament(UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li kien applikat matul is-sena finanzjarja ta' qabel. Dan jista' jwassal għal pagament addizzjonali lill-benefiċjarji finali li kienu soġġetti għal dan l-aġġustament.

(2)

Skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, b'deroga mill-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-Istati Membri għandhom jirrimborżaw dak it-trasferiment 'il quddiem imsemmi fl-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 lid-destinatarji finali li huma soġġetti, fis-sena finanzjarja li għaliha l-approprjazzjonijiet jiġu ttrasferiti, għar-rata ta' aġġustament. Dan ir-rimborż japplika biss għall-benefiċjarji finali f'dawk l-Istati Membri fejn id-dixxiplina finanzjarja kienet tapplika (4) fis-sena finanzjarja preċedenti.

(3)

Meta jiġi stabbilit l-ammont ta' riport li għandu jiġi rimborżat, skont l-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandhom jiġu kkunsidrati l-ammonti tar-riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu msemmija fl-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament, li ma jkunux intużaw għal miżuri għal kriżijiet sa tmiem is-sena finanzjarja.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1227/2014 (5), id-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja 2014 biex tistabbilixxi riżerva ta' kriżi ta' EUR 433 miljun. Ir-riżerva tal-kriżi ma kinitx intalbet fis-sena finanzjarja 2015.

(5)

Skont id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa tal-Istati Membri għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2014 sal-15 ta' Ottubru 2015, it-tnaqqis tad-dixxiplina finanzjarja applikata attwalment mill-Istati Membri fis-sena finanzjarja 2015 jammonta għal EUR 409,8 miljun.

(6)

Konsegwentement, approprjazzjonijiet mhux użati li jikkorrispondu għall-ammont tad-dixxiplina finanzjarja applikata fis-sena finanzjarja 2015 ta' EUR 409,8 miljun li jibqa' taħt il-limitu ta' 2 % tal-approprjazzjoniet inizjali jistgħu jiġu ttrasferiti għas-sena finanzjarja 2016 wara deċiżjoni tal-Kummissjoni skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(7)

Sabiex ikun żgurat li r-rimborż ta' dawk l-approprjazzjonijiet lid-destinatarji finali jibqa' proporzjonat għall-ammont tal-aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja, huwa xieraq li l-Kummissjoni tiddetermina l-ammonti disponibbli lill-Istati Membri għar-rimborż.

(8)

Sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jagħmlu pagament addizzjonali għal dan il-rimborż, dan ir-Regolament irid japplika mill-1 ta' Diċembru 2015. Konsegwentement, l-ammonti stabbiliti minn dan ir-Regolament huma definittivi u japplikaw mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' tnaqqis skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għal kwalunkwe korrezzjonijiet oħra kkunsidrati fid-deċiżjoni dwar il-pagament ta' kull xahar li tikkonċerna n-nefqa magħmula mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri għal Ottubru 2015, f'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u għal kwalunkwe tnaqqis u pagamenti supplimentari li għandhom isiru skont l-Artikolu 18(4) ta' dak ir-Regolament, jew għal kwalunkwe deċiżjonijiet li se jittieħdu fil-qafas tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet.

(9)

F'konformità mal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-approprjazzjonijiet mhux impenjati jistgħu jiġu ttrasferiti għas-sena finanzjarja segwenti biss. Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi dati ta' eliġibilità għan-nefqa tal-Istati Membri b'rabta mar-rimborż skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, b'kunsiderazzjoni għas-sena finanzjarja agrikola kif definit fl-Artikolu 39 ta' dak ir-Regolament.

(10)

Sabiex jitqies il-perjodu ta' żmien qasir bejn il-komunikazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG għall-2015 taħt ġestjoni konġunta għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2014 sal-15 ta' Ottubru 2015 mill-Istati Membri u l-ħtieġa li jiġi applikat dan ir-Regolament mill-1 ta' Diċembru 2015, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ammonti tal-approprjazzjonijiet li se jiġu ttrasferiti mis-sena finanzjarja 2015 f'konformità mal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u li skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 isiru disponibbli għall-Istati Membri għar-rimborż lid-destinatarji finali li huma soġġetti għar-rata ta' aġġustament fis-sena finanzjara 2016, huma stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

L-ammonti li se jiġu ttrasferiti huma soġġetti għad-deċiżjoni dwar it-trasferiment tal-Kummissjoni skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 2

In-nefqa tal-Istati Membri b'rabta mar-rimborż tal-approprjazzjonijiet trasferiti għandha tkun eliġibbli biss għall-finanzjament tal-Unjoni, jekk l-ammonti rilevanti jkunu tħallsu lill-benefiċjarji qabel is-16 ta' Ottubru 2016.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Diċembru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 347.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(4)  Id-dixxiplina finanzjarja ma għandhiex tapplika fis-sena finanzjarja 2015 fil-Bulgarija, fil-Kroazja u fir-Rumanija skont l-Artikolu 8(2) tar- Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1227/2014 tas-17 ta' Novembru 2014 dwar l-iffissar ta' rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2014 u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 879/2014 (ĠU L 331, 18.11.2014, p. 6).


ANNESS

Ammonti disponibbli għar-rimborż ta' approprjazzjonijiet trasferiti

(ammonti f'EUR)

Il-Belġju

6 288 982

Ir-Repubblika Ċeka

10 759 194

Id-Danimarka

10 873 619

Il-Ġermanja

58 750 752

L-Estonja

1 169 016

L-Irlanda

12 903 416

Il-Greċja

16 705 610

Spanja

53 390 829

Franza

88 569 550

L-Italja

31 012 148

Ċipru

10 358 950

Il-Latvja

1 312 744

Il-Litwanja

3 277 932

Il-Lussemburgu

10 383 255

L-Ungerija

13 724 881

Malta

34 561

In-Netherlands

9 323 434

L-Awstrija

6 729 968

Il-Polonja

22 604 718

Il-Portugall

6 448 884

Is-Slovenja

876 855

Is-Slovakkja

5 282 221

Il-Finlandja

5 438 416

L-Iżvezja

7 499 878

Ir-Renju Unit

36 083 758


Top