Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2066

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2066 tas-17 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni ta' persuni fiżiċi li jwettqu l-istallazzjoni, is-servisjar, il-manutenzjoni, it-tiswija jew id-dekummissjonar ta' tagħmir tat-tqassim tal-elettriku li fih gassijiet fluworurati b'effett ta' serra jew l-irkupru ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra minn tagħmir għat-tqassim tal-elettriku stazzjonarju (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 301, 18.11.2015, p. 22–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2066/oj

18.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/22


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2066

tas-17 ta' Novembru 2015

li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni ta' persuni fiżiċi li jwettqu l-istallazzjoni, is-servisjar, il-manutenzjoni, it-tiswija jew id-dekummissjonar ta' tagħmir tat-tqassim tal-elettriku li fih gassijiet fluworurati b'effett ta' serra jew l-irkupru ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra minn tagħmir għat-tqassim tal-elettriku stazzjonarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(12) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 jinkludi obbligi dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward ta' tagħmir għat-tqassim tal-elettriku li fih gassijiet fluworurati b'effett ta' serra. Barra minn hekk, għall-irkupru, iċ-ċertifikazzjoni tagħhom tkopri l-istallazzjoni, is-servisjar, il-manutenzjoni, it-tiswija u d-dekummissjonar. Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 jinkludi wkoll rekwiżiti għall-kontenut ta' programmi ta' ċertifikazzjoni li jkun fihom l-informazzjoni dwar it-teknoloġiji relevanti għas-sostituzzjoni jew għat-tnaqqis tal-użu tal-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u għall-immaniġġjar sikur ta' dawn it-teknoloġiji.

(2)

Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 jenħtieġ li jiġu aġġornati r-rekwiżiti minimi rigward il-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet kif ukoll il-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti, bi speċifikazzjoni tal-modalitajiet taċ-ċertifikazzjoni u l-kondizzjonijiet għall-għarfien reċiproku.

(3)

Għal skemi ta' kwalifika u ċertifikazzjoni eżistenti, b'mod partikolari dawk li ġew adottati fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li ġie mħassar, u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 305/2008 (3), dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu inkorporati f'dan ir-Regolament sa fejn dan ikun possibbli.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 305/2008 għandu jitħassar.

(5)

Sabiex l-Istati Membri jkollhom żmien biżżejjed biex jadattaw il-programmi ta' ċertifikazzjoni tagħhom li jkopru attivitajiet relatati mal-istallazzjoni, is-servisjar, il-manutenzjoni, it-tiswija jew id-dekummissjonar ta' tagħmir tat-tqassim tal-elettriku li fih gassijiet fluworurati b'effett ta' serra, kif ukoll mal-irkupru għajr it-tagħmir għat-tqassim tal-elettriku b'vultaġġ għoli msemmi fir-Regolament (KE) Nru 305/2008, huwa xieraq li r-rekwiżit ta' pussess ta' ċertifikat skont dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Lulju 2017 fil-każ tal-attivitajiet relatati mal-istallazzjoni, is-servisjar, il-manutenzjoni, it-tiswija jew id-dekummissjonar ta' tagħmir tat-tqassim tal-elettriku li fih gassijiet fluworurati b'effett ta' serra.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni ta' persuni fiżiċi li jwettqu l-istallazzjoni, is-servisjar, il-manutenzjoni, it-tiswija, u d-dekummissjonar ta' tagħmir għat-tqassim tal-elettriku li fih gassijiet fluworurati b'effett ta' serra jew l-irkupru ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra minn tagħmir għat-tqassim tal-elettriku stazzjonarju kif ukoll il-kondizzjonijiet għall-għarfien reċiproku ta' ċertifikati maħruġa skont dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 2

Ċertifikazzjoni ta' persuni fiżiċi

1.   Il-persuni fiżiċi involuti fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandu jkollhom ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 3.

2.   Il-persuni fiżiċi li jidħlu għal waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma miktubin f'kors ta' taħriġ sabiex jiksbu ċertifikat li jkopri l-attività rilevanti u

(b)

huma jwettqu l-attività taħt is-superviżjoni ta' persuna li għandha ċertifikat li jkopri din l-attività u li tkun kompletament responsabbli għall-eżekuzzjoni korretta tal-attività.

Id-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika għat-tul tal-perjodi li fihom jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 li ma jkunux itwal minn 12-il xahar.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwalunkwe xogħol ta' manifattura jew tiswija li jsir fis-siti tal-manifattura ta' tagħmir għat-tqassim tal-elettriku.

Artikolu 3

Ħruġ ta' ċertifikati għal persuni fiżiċi

1.   Kif imsemmi fl-Artikolu 4, korp ta' ċertifikazzjoni għandu joħroġ ċertifikat lill-persuni fiżiċi li jkunu għaddew minn eżami teoretiku u prattiku li jkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien stipulati fl-Anness I, u li jkun organizzat minn korp ta' evalwazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej:

(a)

l-isem tal-korp ta' ċertifikazzjoni, l-isem sħiħ tal-persuna li nħarġilha dak iċ-ċertifikat, in-numru taċ-ċertifikat, u d-data ta' skadenza, jekk hemm;

(b)

l-attivitajiet li tista' tagħmel il-persuna li nħarġilha ċ-ċertifikat;

(c)

id-data tal-ħruġ u l-firma tal-emittent.

3.   Id-detenturi ta' ċertifikati maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 305/2008 għandhom jitqiesu li huma kkwalifikati biex iwettqu l-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 1 u korp ta' ċertifikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 jista' joħroġ ċertifikat lil min diġà għandu din il-kwalifika mingħajr ma din tirrepeti l-eżami.

Artikolu 4

Korp taċ-ċertifikazzjoni

1.   Il-liġijiet nazzjonali jew l-awtorità komptenti ta' Stat Membru jew entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan għandhom jipprevedu korp ta' ċertifikazzjoni li jkollu l-permess li joħroġ ċertifikati lill-persuni fiżiċi involuti fl-attività msemmija fl-Artikolu 1.

Il-korp ta' ċertifikazzjoni għandu jkun imparzjali fit-twettiq ta' ħidmietu.

2.   Il-korp ta' ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri għall-ħruġ, għall-waqfien u għall-irtirar taċ-ċertifikati.

3.   Il-korp ta' ċertifikazzjoni għandu jżomm reġistru li jippermetti l-verifika tal-istat tal-persuna ċċertifikata. Ir-reġistri għandhom juru li l-proċess ta' ċertifikazzjoni twettaq b'mod effettiv. Ir-reġistri għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta' ħames snin.

Artikolu 5

Korp ta' evalwazzjoni

1.   Korp ta' evalwazzjoni maħtur mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru jew minn entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan għandu jorganizza l-eżamijiet għall-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 1. Il-korp ta' ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 4 jista' wkoll jikkwalifika bħala korp ta' evalwazzjoni.

Il-korp ta' evalwazzjoni għandu jkun imparzjali fit-twettiq ta' ħidmietu.

2.   L-eżamijiet għandhom ikunu ppjanati u strutturati b'mod li jiżguraw li jkunu koperti l-ħiliet minimi u l-għarfien stipulati fl-Anness I.

3.   Il-korp ta' evalwazzjoni għandu jadotta proċeduri ta' rrappurtar u jżomm reġistri sabiex ikun hemm id-dokumentazzjoni dwar il-persuna u dwar ir-riżultati globali tal-evalwazzjoni.

4.   Il-korp ta' evalwazzjoni għandu jiżgura li l-eżaminaturi li jkunu ntgħażlu għal xi eżami jkollhom għarfien xieraq tal-metodi u tad-dokumenti relevanti għall-eżami, kif ukoll kompetenza xierqa fil-qasam li se jiġi eżaminat. Huwa għandu jiżgura wkoll li t-tagħmir, l-għodda u l-materjali meħtieġa għall-eżamijiet prattiċi jkunu disponibbli.

Artikolu 6

Notifika

1.   Sal-1 ta' Jannar 2017, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-korpi ta' ċertifikazzjoni tal-persuni fiżiċi koperti mill-Artikolu 4 u tat-titoli taċ-ċertifikati tal-persuni fiżiċi li huma konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3, billi jużaw il-format stabbilit bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2065 (4).

2.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw in-notifika mressqa skont il-paragrafu 1 b'kull tagħrif ġdid relevanti u għandhom jgħadduha lill-Kummissjoni mingħajr telf ta' żmien.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku

1.   L-għarfien reċiproku taċ-ċertifikati maħruġa fi Stati Membri oħrajn għandu japplika fil-każ ta' ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 3.

2.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu lil min għandu ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor jipprovdi traduzzjoni taċ-ċertifikat b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 8

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 305/2008 jitħassar.

Referenzi għar-Regolament (KE) Nru 305/2008 imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 2(1) għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2017 għal persuni fiżiċi li jidħlu għall-istallazzjoni, is-servisjar, il-manutenzjoni, it-tiswija jew id-dekummissjonar ta' tagħmir tat-tqassim tal-elettriku li fih gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u l-irkupru ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra minn tagħmir tat-tqassim tal-elettriku stazzjonarju, għajr it-tagħmir tat-tqassim tal-elettriku ta' vultaġġ għoli msemmi fir-Regolament (KE) Nru 305/2008.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra flworinati (ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 305/2008 tat-2 ta' April 2008 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kondizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta' rkupru ta' ċerti gassijiet fluworurati b'effett ta' serra minn tagħmir għat-tqassim tal-elettriku (“switchgear”) b'vultaġġ għoli (ĠU L 92, 3.4.2008, p. 17).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2065 tas-17 ta' Novembru 2015, jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-format għan-notifika tal-programmi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tal-Istati Membri (ara l-paġna 14 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

Ir-rekwiżiti minimi f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħiliet u mal-għarfien li għandhom jiġu koperti mill-korpi ta' evalwazzjoni

L-eżami msemmi fl-Artikoli 3(1) u 5(2) għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

eżami teoretiku b'mistoqsija waħda jew iktar dwar dik il-ħila jew dak l-għarfien, kif muri b'(T) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta' Eżami”;

(b)

eżami prattiku li matulu l-applikant għandu jagħmel il-biċċa xogħol korrispondenti bil-materjal, l-għodda u t-tagħmir relevanti, kif muri b'(P) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta' Eżami”.

Nru

L-Għarfien u l-Ħiliet Minimi

Tip ta' test

1

Għarfien bażiku tal-kwistjonijiet ambjentali rilevanti (it-tibdil fil-klima, il-Potenzjal ta' Tisħin Globali), id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 u tal-atti implimentattivi rilevanti.

T

2

Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u ambjentali tal-SF6

T

3

L-użu tal-SF6 f'tagħmir elettriku (insulazzjoni, tifi tal-ark)

T

4

Il-kwalità tal-SF6, skont l-istandards industrijali rilevanti

T

5

Il-fehim tad-disinn ta' tagħmir elettriku

T

6

L-iċċekkjar tal-kwalità tal-SF6

P

7

L-irkupru tal-SF6 u ta' taħlitiet tal-SF6 u t-tisfija tal-SF6

P

8

Il-ħżin u t-trasport tal-SF6

T

9

It-tħaddim tat-tagħmir ta' rkupru tal-SF6

P

10

It-tħaddim ta' sistemi ta' tight drilling, jekk meħtieġ

P

11

L-użu mill-ġdid tal-SF6 u l-kategoriji differenti ta' użu mill-ġdid

T

12

Il-ħidma fuq kompartimenti tal-SF6 miftuħa

P

13

In-newtralizzazzjoni ta' prodotti sekondarji tal-SF6

T

14

Il-monitoraġġ tal-SF6 u l-obbligi xierqa ta' rreġistrar ta' dejta skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni, jew skont ftehimiet internazzjonali

T

15

Tnaqqis u kontrolli ta' tnixxijiet

T

16

Għarfien bażiku tat-teknoloġiji rilevanti għas-sostituzzjoni jew għat-tnaqqis tal-użu tal-gassijiet fluworunati b'effett ta' serra u għall-immaniġġar sikur tagħhom.

T


ANNESS II

Tabella ta' korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 305/2008

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 2

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Anness

Anness I

Anness II


Top