This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R1977
Commission Implementing Regulation (EU) 2015/1977 of 8 July 2015 setting out the frequency and the format of the reporting of irregularities concerning the Asylum, Migration and Integration Fund and the instrument for financial support for police cooperation, preventing and combating crime, and crisis management, under Regulation (EU) No 514/2014 of the European Parliament and of the Council
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1977 tat-8 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u ġestjoni tal-kriżijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1977 tat-8 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u ġestjoni tal-kriżijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
ĠU L 293, 10.11.2015, p. 29–31
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
10.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 293/29 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1977
tat-8 ta' Lulju 2015
li jistabbilixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u ġestjoni tal-kriżijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (1) b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Istati Membri huma meħtieġa jirrappurtaw l-irregolaritajiet skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1973 (2). |
(2) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fond użat biex jintlaħqu l-objettivi li għalihom ikun ġie stabbilit. Għal dak l-għan ir-Regolament (UE) Nru 514/2014, kif ukoll ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (3), (UE) Nru 1306/2013 (4) u (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dwar ir-rappurtar ta' irregolaritajiet. Biex jiġi żgurat li r-regoli identiċi japplikaw fir-rigward tal-fondi kollha regolati skont dawk ir-Regolamenti, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjonijiet identiċi għal dawk fir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1974 (6), (UE) 2015/1975 (7) u (UE) 2015/1976 (8). |
(3) |
Sabiex ikun żgurat li ssir analiżi effiċjenti u jkun hemm ġestjoni kumplessiva tal-każijiet ta' irregolarità, l-Istati Membri huma meħtieġa jippreżentaw lill-Kummissjoni, fuq bażi regolari u f'waqtha, l-informazzjoni rilevanti dwar l-irregolaritajiet misjuba. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni, b'mod partikolari dwar il-frekwenza u l-għamla tagħha. |
(4) |
Sabiex jiġi evitat li irregolarità jkollha riperkussjonijiet barra t-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jirrapporta, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kwalunkwe irregolarità ta' dak it-tip mingħajr dewmien. |
(5) |
Sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-vantaġġi li jirriżultaw mill-użu ta' mezzi elettroniċi għall-iskambju ta' informazzjoni, filwaqt li l-iskambji jibqgħu jsiru b'sigurtà, l-Istati Membri għandhom jużaw is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (“IMS”) maħsuba apposta u prevista mill-pjattaforma tas-Sistema ta' Informazzjoni Kontra l-Frodi stabbilita mill-Kummissjoni. |
(6) |
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li t-trasferiment tal-informazzjoni permezz tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet jitwettaq b'mod sigur li jiżgura d-disponibbiltà, l-integrità, l-awtentiċità, u l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni. |
(7) |
L-użu tal-euro bħala l-unika munita għall-irrappurtar ta' irregolaritajiet huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-informazzjoni rrappurtata. Fil każ tal-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom huwa meħtieġ li tiġi speċifikata r-rata tal-kambju li għandha tintuża biex l-ammonti kkonċernati jinqalbu f'euro u r-rata tal-kambju li għandha tintuża fil-qlib tan-nefqa li ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-awtorità responsabbli. |
(8) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u b'hekk huma marbuta b'dan ir-Regolament. |
(9) |
Id-Danimarka mhijiex marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014, jew b'dan ir-Regolament. |
(10) |
Il-miżuri previsti f 'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u s-Sigurtà Interna stabbilit mill-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. |
(11) |
Minħabba li diġà saru pagamenti għall-fond ikkonċernat u jistgħu jseħħu irregolaritajiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw immedjatament. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
Artikolu 2
Il-frekwenza tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet
1. Fi żmien xahrejn wara t-tmiem ta' kull perjodu ta' tliet xhur, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni rapport inizjali dwar l-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1973.
2. L-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni r-rapport ta' segwitu msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1973 mill-aktar fis possibbli wara li jkunu kisbu l-informazzjoni rilevanti.
3. Stat Membru jirrapporta minnufih lill-Kummissjoni l-irregolaritajiet misjuba jew li suppost seħħew u jindika kull Stat Membru ieħor ikkonċernat fejn l-irregolaritajiet jista' jkollhom riperkussjonijiet barra t-territorju tiegħu.
Artikolu 3
L-għamla tar-rapport
L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1973 tintbagħat b'mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet.
Artikolu 4
Użu tal-euro
1. L-ammonti rrapportati mill-Istati Membri jiġu indikati f'euro.
2. L-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom sad-data li fiha jkun ippreżentat ir-rapport skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1973, jikkonvertu l-ammonti fil-munita nazzjonali għall-euro f'konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. Fejn in-nefqa ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-awtorità responsabbli, tintuża l-aktar rata ta' kambju riċenti tal-kontabbiltà ta' kull xahar, ippubblikata elettronikament mill-Kummissjoni fil-mument tal-irrapportar inizjali.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112.
(2) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1973 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rappurtar ta' irregolaritajiet dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ara l-paġna 15 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78 (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).
(6) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1974 tat-8 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi l-frekwenza u l-format tar-rappurtar ta' irregolaritajiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward ta' pagamenti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ara l-paġna 20 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1975 tat-8 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi l-frekwenza u l-format ta' rappurtar ta' irregolaritajiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward ta' pagamenti mill-Fond Agrikolu Ewropew ta ' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ara l-paġna 23 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(8) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1976 tat-8 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi l-frekwenza u l-format ta' rappurtar ta' irregolaritajiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward ta' pagamenti mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ara l-paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).