EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1974

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1974 tat-8 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

OJ L 293, 10.11.2015, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1974/oj

10.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/20


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1974

tat-8 ta' Lulju 2015

li jistabblixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew, u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), b'mod partikolari s-sitt subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istati Membri huma meħtieġa jirrappurtaw l-irregolaritajiet skont l-Artikolu 122(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 (2).

(2)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fond użat biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom ikun ġie stabbilit. Għal dak l-għan ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, kif ukoll ir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013 (3), (UE) Nru 223/2014 (4) u (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet. Biex jiġi żgurat li r-regoli identiċi japplikaw fir-rigward tal-fondi kollha regolati skont dawk ir-Regolamenti, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjonijiet identiċi għal dawk fir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1975 (6), (UE) 2015/1976 (7) u (UE) 2015/1977 (8).

(3)

Sabiex ikun żgurat li ssir analiżi effiċjenti u jkun hemm ġestjoni kumplessiva ta' każijiet ta' irregolarità, l-Istati Membri huma meħtieġa jippreżentaw lill-Kummissjoni, fuq bażi regolari u f'waqtha, l-informazzjoni rilevanti dwar l-irregolaritajiet misjuba. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni, b'mod partikolari dwar l-frekwenza u l-għamla tagħha.

(4)

Sabiex jiġi evitat li rregolarità ikollha riperkussjonijiet barra t-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jirrapporta, dak l-Istat Membru għandu jirrapporta lill-Kummissjoni kwalunkwe irregolarità ta' dak it-tip mingħajr dewmien.

(5)

Sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-vantaġġi li jirriżultaw mill-użu ta' mezzi elettroniċi għall-iskambju ta' informazzjoni filwaqt li l-iskambji jibqgħu jsiru b'sigurtà, l-Istati Membri għandhom jużaw is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (“IMS”) maħsuba apposta u prevista mill-pjattaforma tas-Sistema ta' Informazzjoni Kontra l-Frodi stabbilita mill-Kummissjoni.

(6)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li t-trasferiment tal-informazzjoni permezz tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet jitwettaq b'mod sigur li jiżgura d-disponibbiltà, l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni.

(7)

L-użu tal-euro bħala l-unika munita għall-irrappurtar ta' irregolaritajiet huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-informazzjoni rrappurtata. Fil-każ tal-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom huwa meħtieġ li tiġi speċifikata r-rata tal-kambju li għandha tintuża biex l-ammonti kkonċernati jinqalbu f'euro u r-rata tal-kambju li għandha tintuża għall-qlib tan-nefqa li ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Koordinament għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, stabbilit mill-Artikolu 150(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(9)

Minħabba li diġà saru pagamenti għall-fondi kkonċernati u jistgħu jseħħu irregolaritajiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw immedjatament. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet imsemmija fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 2

Il-frekwenza tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet

1.   Fi żmien xahrejn wara t-tmiem ta' kull perjodu ta' tliet xhur, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni rapport inizjali dwar l-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1970.

2.   l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni rapport ta' segwitu msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1970 mill-aktar fis possibbli wara li jkunu kisbu l-informazzjoni rilevanti.

3.   Stat Membru jirrapporta minnufih lill-Kummissjoni l-irregolaritajiet misjuba jew li suppost seħħew u jindika kull Stat Membru ieħor kkonċernat, fejn l-irregolaritajiet jista' jkollhom riperkussjonijiet barra t-territorju tiegħu.

Artikolu 3

Għamla tar-rapport

L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1970 tintbagħat b'mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet stabbilita mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Użu tal-euro

1.   L-ammonti rrapportati mill-Istati Membri jiġu indikati f'euro.

2.   Stati Membri li ma jkunux adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom sad-data li fiha jkun ippreżentat ir-rapport skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1970 jikkonvertu l-ammonti fil-munita nazzjonali għall-euro f'konformità mal-Artikolu 133 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew, fejn xieraq, l-Artikolu 28 tar- Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Fejn in-nefqa ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni, tintuża l-aktar rata ta' skambju riċenti tal-kontabbiltà ta' kull xahar ippubblikata elettronikament mill-Kummissjoni fil-mument tal-irrapportar inizjali.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi għar-rappurtar ta' irregolaritajiet, dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(4)  Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1975 tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-istabbiliment tal-frekwenza u l-format ta' rappurtar ta' irregolaritajiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ara l-paġna 23 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1976 tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-istabbiliment tal-frekwenza u l-format ta' rappurtar ta' irregolaritajiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ara l-paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1977 tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-istabbiliment tal-frekwenza u l-format ta' rappurtar ta' irregolaritajiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ara l-paġna 29 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).


Top